71. Wara l-qawmien mill-imwiet, il-ġisem tal-bniedem ikun bla taħsir

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  03/02/1982.

1. Mill-kliem ta’ Kristu dwar il-qawmien mill-imwiet futur tal-mejtin, irrakkuntati mit-tliet Vanġeli sinottiċi (Mattew, Marku u Luqa), għaddejna għall-antropoloġija pawlina tal-qawmien mill-imwiet. Ejjew nanalizzaw l-ewwel ittra lill-Korintin fil-Kapitlu 15 versi 42-49.

Fil-qawmien mill-imwiet il-ġisem uman jimmanifesta ruħu – skont il-kliem tal-Appostlu – “inkorruttibbli, glorjuż, mimli qawwa, spiritwali”. Il-qawmien mill-imwiet, mela, mhix biss manifestazzjoni tal-ħajja li tirbaħ l-mewt – kważi ritorn finali għas-siġra tal-Ħajja, minn liema l-bniedem ġie mbiegħed fil-waqt tad-dnub tan-nisel – imma wkoll rivelazzjoni tal-aħħar destini tal-bniedem fil-milja kollha tan-natura tiegħu psikosomatika u tas-soġġettività personali tiegħu. Pawlu ta’ Tarsu – liema, waqt li segwa l-passi tal-Appostli l-oħra, sperimenta fil-laqgħa ma’ Kristu rxoxt l-istat ta’ ġismu gglorifikat – waqt li bbaża lilu nnifsu fuq din l-esperjenza, iħabbar fl-ittra lir-Rumani “il-fidwa tal-ġisem” (Rm 8, 23) u fl-ittra lill-Korintin (1 Kor 15, 42-49) it-twettiq ta’ din il-fidwa fil-qawmien mill-imwiet futur.

2. Il-metodu  letterarju, applikat hawn minn Pawlu, jikkorrispondi b’mod perfett mal-istil tiegħu. Dan jinqeda b’antitesi, li f’waqt minnhom tant javviċinaw dak li jikkuntrastaw u b’tali mod huma utli biex iġibuna li nifhmu l-ħsieb pawlin dwar il-qawmien mill-imwiet: kemm fid-dimensjoni “kożmika” tiegħu, kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-karatteristika tal-istess struttura nterna tal-bniedem “terrestri” u “ċelesti”. L-Appostlu, infatti, fil-kuntrast bejn Adam u Kristu (rxuxtat) – jew aħjar l-ewwel Adam sal-aħħar Adam – juri, f’ċertu sens, iż-żewġ poli, bejn liema, fil-misteru tal-ħolqien u tal-fidwa, ġie mqiegħed il-bniedem fil-kożmu; wieħed jistà wkoll jasal li jgħid li l-bniedem ġie “mqiegħed f’tensjoni” bejn dawn iż-żewġ poli fil-prospettiva tad-destini eterni, rigwardanti, sa mill bidu sal-aħħar, l-istess natura umana tiegħu  Meta Pawlu jikteb: “L-ewwel bniedem meħud mit-trab u tat-trab, it-tieni bniedem jiġi mis-sema” (1 Kor15, 47), għandu f’moħħu kemm lil Adam-bniedem kif ukoll lil Kristu bħala bniedem. Bejn dawn iż-żewġ poli – bejn l-ewwel u l-aħħar Adam – jiġri l-proċess li huwa jesprimi fil-kliem li ġej: “Bħal ma ġarrejna l-immaġni tal-bniedem tat-trab, hekk inġorru l-immaġni tal-bniedem ċelesti” (1 Kor 15, 49).

3. Dan “il-bniedem ċelesti” – il-bniedem tal-qawmien mill-imwiet, li l-prototip tiegħu huwa Kristu rxuxtat – mhux tant antitesi u negazzjoni tal-“bniedem tat-trab” (li l-prototip tiegħu huwa l-“ewwel Adam”), imma speċjalment huwa t-twettiq u l-konferma tiegħu. Huwa t-twettiq u l-konferma ta’ dak li jikkorrispondi mal-kostituzzjoni psikosomatika tal-umanità, fl-ambitu tad-destini eterni, jiġifieri fil-ħsieb u fil-pjan ta’ dak li mill-bidu ħalaq il-bniedem skont l-immaġni u x-xebħ tiegħu. L-umanità tal-“ewwel Adam”, “bniedem tat-trab”, iġorr fih, biex ngħid hekk, potenzjalità partikulari (li hija kapaċità u prontezza) biex tilqà dak kollu  li jsir it-“tieni Adam”, il-Bniedem ċelesti, jew aħjar Kristu: dak li huwa jsir fil-qawmien mill-imwiet tiegħu. Dik l-umanità li tagħha huma parteċipi l-bnedmin kollha, ulied l-ewwel Adam, u li, flimkien mal-wirt tad-dnub – billi huwa karnali – fl-istess ħin huwa “korruttibbli”, u jġorr fih il-potenzjalità tal-“inkorruttibiltà”.

Dik l-umanità, li fil-kostituzzjoni psikosomatika kollha tagħha timmanifesta ruħha “vili”, u bdanakollu iġġorr fiha x-xewqa nterna tal-glorja, jiġifieri t-tendenza u l-kapaċità li ssir “glorjuża”, b’xebħ tal-Kristu irxuxtat. Fl-aħħarnett, l-istess umanità, li dwarha l-Appostlu – konformi mal-esperjenza tal-bnedmin kollha – jgħid li hu “dgħajjef” u għandu “ġisem annimalesk” iġorr fih l-aspirazzjoni biex isir “mimli qawwa” u “spiritwali”.

4. Hawn se nitkellmu dwar in-natura umana fl-integrità tagħha, jiġifieri dwar l-umanaità fil-kostituzzjoni psikosomatika tagħha. Pawlu, minflok, jitkellem dwar il-“ġisem”. Madankollu nistgħu nammettu, a bażi tal-kuntest immedjat u għal dak remot, li hawn m’għandux x’jaqsam biss il-ġisem, imma l-bniedem kollu kemm hu fil-korporjetà tiegħu, mela wkoll dwar il-kumplessità ontoloġika tiegħu. Difatti, mhemm ebda dubju li, jekk appuntu fid-dinja kollha viżibbli (kożmu), dak l-uniku ġisem li huwa l-ġisem uman, iħoss fih il-“potenzjalità tal-qawmien mill-imwiet”, jiġifieri l-aspirazzjoni u l-kapaċità li jsir b’mod definittiv “inkorruttibli, glorjuż, mimli qawwa, spiritwali”, dak iseħħ għaliex, waqt li jippersisti mill-bidu fl-għaqda psikosomatika tal-esseri personali, huwa jistà jiġbor u jirriproduċi f’din l-immaġni “terrena” u xebħ ta’ Alla wkoll l-immaġni “ċelesti” tal-aħħar Adam, Kristu. L-antropoloġija pawlina tal-qawmien mill-imwiet hija kożmika u fl-istess ħin universali: kull bniedem iġorr fih l-immaġni ta’ Adam u kull wieħed huwa wkoll imsejjaħ biex iġorr fih l-immaġni ta’ Kristu, l-immaġni tal-Irxuxtat. Din l-immaġni hija r-realtà tad-“dinja l-oħra”, ir-realtà eskatoloġika (San Pawl jikteb: “inġorru”); imma, sadattant, hija diġa f’ċertu mod realtà ta’ din id-dinja, meta tqis li kienet irrivelata fih permezz tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Hija realtà minquxa fil-bniedem ta’ “din id-dinja”, realtà li fih qiegħda timmatura lejn it-twettiq finali.

5. L-antitesi kollha li jsegwu fit-test ta’ Pawlu jgħinu biex jibnu abbozz validu tal-antropoloġija tal-qawmien mill-imwiet.Tali abbozz huwa b’mod kontemporanju iktar iddettaljat minn dak li joħroġ mit-test tal-Vanġeli sinottiċi (Mt 22, 30; Mk 12, 25; Lq 20, 34-35), imma min-naħa l-oħra huwa, f’ċertu sens, iktar unilaterali. Il-kliem ta’ Kristu rrakkuntati mis-Sinottiċi, jiftħu quddiemna l-prospettiva tal-perfezzjoni eskatoloġika tal-ġisem, sottomess pjenament għall-profondità divinizzatriċi tal-viżjoni ta’ Alla “wiċċ ‘imb wiċc”, li fih issib is-sors ineżawribbli tagħha kemm il-“verġinità” perenni (magħquda mas-sinifikat sponsali tal-ġisem), kif ukoll l-“intersoġġettività” perenni tal-bnedmin kollha li jsiru (bħala maski u femmini) parteċipi fil-qawmien mill-imwiet. L-abbozz pawlin tal-perfezzjoni eskatoloġika tal-ġisem igglorifikat donnha tibqà pjuttost fl-ambitu tal-istess struttura nterna tal-bniedem-persuna. L-interpretazzjoni tiegħu tal-qawmien mill-mewt futur donnu jergà jintrabat mad-“duwaliżmu” ġisem-spirtu li jikkostitwixxi s-sors tas-“sistema nterna ta’ qawwiet” fil-bniedem.

6. Din “is-sistema ta’ qawwiet” iġġarrab fil-qawmien mill-imwiet bidla radikali. Il-kliem ta’ Pawlu, li jissuġġerixxi dan b’mod espliċitu, ma jistax bdanakollu jkun mifhum u nterpretat fl-ispirtu tal-antropoloġija duwalistika (“Paul ne tient absolument pas compte de la dichotomie grecque “me et corps” . . . L’apôtre recourt à une sorte de trichotomie où la totalité de l’homme est corps, me et esprit . . . Tous ces termes sont mouvants et la division elle-même n’a pas de frontière fixe. Il y a insistance sur le fait que le corps et l’âme sont capables d’être “pneumatiques”, spirituels” [B. Rigaux, Dieu l’a ressuscité. Exégèse et théologie biblique, Gembloux 1973, Duculot, pp. 406-408]) kif se nfittxu li nuru fil-kontinwazzjoni tal-analiżi tagħna. Infatti, ikun tajjeb li nerġgħu niddedikaw riflessjoni lill-antropoloġija tal-qawmien mill-imwiet fid-dawl tal-ewwel ittra lill-Korintin.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors orġinali bt-Taljan >