Lezzjoni II: Il-Konsagrazzjoni tal-Bażilika ta’ S. Maria Maggiore

5 ta’ Awwissu. IL-KONSAGRAZZJONI TAL-BAŻILIKA TA’ S. MARIA MAGGIORE.

Tifkira

Wara li l-Konċilju ta’ Efesu, fl-431, stqarr li Omm Ġesù hi Omm Alla, Sistu III bena bażilika fuq l-Eskwilin, f’Ruma, iddedikata f’ġieħ l-Omm qaddisa ta’ Alla, li mbgħad saret magħrufa bħala “Santa Maria Maggiore”. Fil-Punent, din hi l-eqdem knisja dedikata f’ġieħ il-Madonna.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari minn Omelija ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Lixandra, fil-Konċilju ta’ Efesu.

Tifħir lil Marija Omm Alla

Għalkemm għandi ħafna xi jsewwidli qalbi, iżda nħossni ferħan xħin nara quddiemi din il-ġemgħa mqaddsa, hienja u kburija, li nġabret hawn wara li laqgħet bil-qalb l-istedina ta’ l-Omm qaddisa ta’ Alla u dejjem Verġni Marija. Bħalissa qiegħda sseħħ fostna dik il-kelma ħelwa ta’ David is-salmista: Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!

Għalhekk insellmulek, Trinità Qaddisa u mistika, li sejjaħtilna lkoll f’din il-knisja ta’ l-Imqaddsa Marija Omm Alla.

Insellmulek, Marija, Omm Alla, teżor ta’ ġieħ tad-dinja kollha, dawl li ma jintefiex, dijadema tal-verġni, xettru tat-tagħlim sewwa, tempju li ma jiġġarrafx, post li lqajt fik lil min xejn ma jesgħu, omm u xebba, li bik ġie fostna dak li hu mbierek min ġej f’isem il-Mulej, kif jgħidu l-Evanġelji Mqaddsa.

Insellmulek għaliex fil-ħdan safi tiegħek ta’ verġni lqajt lil min xejn ma jesgħu minħabba l-kobor bla qjies tiegħu: bik it-Trinità Qaddisa hi mfaħħra u miqjuma; bik is-salib għażiż hu msebbaħ u miqjum mad-dinja kollha: bik jifirħu s-smewwiet; bik jithennew l-anġli u l-arkanġli; bik jitħarrbu x-xjaten; bik mis-sema waqa’ l-Ħażin li jġarrabna; bik ittella’ fis-sema l-bniedem li waqa’; bik il-ħolqien kollu, imjassar mill-ġenn tal-qima lill-idoli, jassal biex jagħraf il-verità kollha; bik waslet il-Magħmudija mqaddsa għal dawk li jemmnu; bik żejt il-hena; bik twaqqfu l-knejjes mad-dinja kollha; bik il-ġnus jitwasslu għall-indiema.

U x’nista’ ngħid aktar? Bik l-Iben il-waħdieni ta’ Alla deher bħala dawl jiddi lil dawk li kienu fid-dlamijiet u fid-dell tal-mewt; bik ħabbru l-profeti dak li kellu jseħħ; bik xandru l-Appostli s-salvazzjoni tal-ġnus; bik iqumu għall-ħajja l-mejtin; bik isaltnu s-slaten, bit-Trinità Qaddisa.

Liema bniedem jista’ jfaħħar biżżejjed lil Marija għall-ġieħ tagħha li jistħoqqlu kull tifħir? Hi omm u xebba – ħaġa tassew ta’ l-għaġeb! Miraklu bħal dan jgħaġġibni fuq li jgħaġġibni. Min qatt bena xi tempju għalih, u ma ħallewhx jgħammar fih? Min qatt ġie mkasbar u mistmerr għaliex għażel bħala ommu lill-qaddejja tiegħu?

Araw, mela, kif kollox u kulħadd jifraħ; ħa nfittxu lil jkollna bħala sehemna l-qima u l-biża’ ta’ Alla wieħed; ħa nqimu u jkollna l-biża’ tat-Trinità Qaddisa, aħna u nagħtu ġieħ u nfaħħru lill-Verġni Marija, ‘l Knisja mqaddsa ta’ Alla, u lil Binha Ġesù, l-għarus safi tagħha: lilu glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

RESPONSORJU

1. Ifirħu miegħi, intom ilkoll li tħobbu lill-Mulej; għax fiċ-ċokon tiegħi għoġbot lil Alla l-Għoli, * U minni nissilt lil Alla u bniedem.

2. Kull nisel isejjaħli hienja, għax Alla ħares lejn iċ-ċokon tiegħi, qaddejja tiegħu. * U minni nissilt lil Alla u bniedem.  

Talba

Warrab minn quddiem għajnejk, Mulej, il-ħtijiet tal-poplu tiegħek, biex aħna, li ma għandniex ħila nogħġbuk b’dak li nagħmlu aħna, insalvaw bit-talb ta’ Omm Ibnek, Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla.