
Fost il-ħafna patrijiet u reliġjuzi Karmelitani nsibu bosta li baqgħu jissemmew għal-tlett ħwejjeġ li għamlu: Il-qdusija ta’ ħajjithom, l-għerf li żejjinhom Alla biħ u l-ħidma appostolika li huma wettqu. Illum qed nikteb dwar patri li kien mogħni bl-għerf. Dan hu Patri Anastasju Cuschieri, magħruf bħala l-poeta tal-Madonna u tal-ilsien Malti. Żgur li mhux ħa niktbu kollox fuqu għax saru ħafna studji u riċerki, imma se niktbu biss dak li hu meħtieġ biex ikun jiswa għall-qarrejja tagħna.
Patri Anastasju twieled ġewwa l-parroċċa tal-Madonna ta’ Portu Salvu magħrufa aktar bħala ta’ San Duminku l-Belt Valletta nhar is-27 ta’Jannar 1876. Ftit jiem wara ġie mgħammed fil-knisja parrokjali tal-istess parroċċa fejn tawħ l-isem ta’ Pawlu.
Bħala tifel kien imur l-iskola primarja minn fejn għadda għall-Liċeo. Ta’ 15 il-sena daħal fl-ordni Karmelitan u beda in-novizzjat fil-25 ta’ April 1891. Hawnhekk huwa biddel l-isem tiegħu għal dak ta’ Anastasju kif kienet l-użanża tal-patrijiet f’dawk iż-żminijiet. Nhar il-28 ta’ Awissu 1892, huwa għamel il-professjoni sempliċi. Wara li beda l-istudji tiegħu hawn Malta, s-superjuri tiegħu bagħtuħ Ruma biex jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija fl-Universita Gregorjana. Fis-sena 1898 huwa għamel il-professjoni solenni tiegħu fl-Ordni Karmelitan u iktar tard fl-istess sena ġie ordnat saċerdot. Fl-1902 huwa ħa l-grad ta’ dottorat fil-Filosofija u f’dik l-istess sena inħatar Professur fl-Università Rjali ta’ Malta fejn dam f’din il-ħatra għall-37 sena jiġifieri sas-sena 1939.
It-Tagħlim tiegħu mhux biss baqa’ bejn il-ħitan tal-Università iżda sab ruħu mitbugħ fir-“Rivista di Filosofia Neo-Scolastica” ta’ Milan.
Bħala professur għaddew min taħt idejħ hafna żgħażagħ li magħhom nqeda bid-doni li tah Alla biex ikun jista jgħinhom. Għadu mfakkar għall-lezzjonijiet sbieħ li kien jagħmel fejn kien juża d-dehen li kellu u dak ta’ poeta imħallat mal-mod ħlejju li kien jgħallem bih. Għalhekk l-istudenti kellhom ġibda kbira lejh.
Huwa mhux biss kien maħtur Professur tal-Filosofija imma ukoll għal-darbtejn ġie maħtur bħala Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Karmelitana Maltija mis-26 ta’ Novembru 1906 sal-14 ta’ April 1910, u mill-1 ta’ Settembru 1913 sas-26 ta’ Ġunju 1916.
Ukoll għall darbtejn kien magħżul bħala Senatur mal-Gvern ta’ dak iż-żmien biex jirrappreżenta l-gradwati Universitarji: darba fis-sena 1927 u darb’oħra fl-1932.
Kienet aħbar kerha meta l-poplu tagħna sar jaf li nhar il-15 t’Awwissu 1959 huwa ġie milqut minn-marda qerrieda li ħallietu paralitiku. Dam b’dik il-marda għall 3 snin sħaħ fejn kien ikkurat ħafna min ħutu l-patrijiet. Fis-17 ta’ Lulju 1962, Patri Anastasju għadda għall-ħajja aħjar. Hawnhekk naraw li intemmet waħda mill-ħajjiet ta’ iben għaref tal-Ġżira tagħna. Il-funeral tiegħu sar fis-Santwarju Bażilika tal-Karmnu l-Belt u għalih attendew bosta persuni distinti kif kien jistħoqlu. Huwa ġie midfun fil-kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Karmni fl-Imdina.
Patri Anastasju huwa magħruf bħala l-Poeta tal-Madonna, għall-ħafna poeżiji tiegħu b’tema Marjana, li huma fost l-aqwa fil-letteratura Maltija. Huwa poeta ta’ stil romantiku u klassiku. Hu beda jikteb il-poeżija bil-Malti fl-1909, tliet snin qabel Dun Karm Psaila. L-ewwel poeżija tiegħu iġġib l-isem Fil-Festa tal-Madonna tal-Karmnu. Fost il-bosta poeżiji ta’ P. Anastasju Cuschieri nistgħu nsemmu dawn li huma l-iktar popolari:
- Fis-Santwarju tal-Karmnu,
- Ilsien Pajjiżi,
- Il-Kelma Maltija,
- Qtigħ il-Qalb,
- Oqbra u Ħolm
Barra minn hekk nsibu diversi poeżiji li aktar tard ġew immużikati bħala innijiet sagri bħalma hija “Sliem għalik Omm tal-Karmelu” li għandha versi tant sbieħ li juru l-imħabba li kellu lejn il-Madonna.

Fost dawk li kitbu dwaru nistgħu nsemmu tnejn partikolari; il-poeta magħruf Ninu Cremona u l-kittieb Ġuże Aquilina. Ninu Cremona qal hekk dwar P. Anastasju: “Il-poeżiji ta’ Cuschieri… qajmu għagħa ta’ ħeġġa kbira fost il-kittieba tal-Malti li għal xi ftit kienu nsew il-versi ta’ kull poeta ieħor. Il-versi bil-Malti ta’ Cuschieri dlonk dehru bħala l-isbaħ mudelli ta’ poeżiji letterarji fil-kotba tal-Qari għat-tfal tal-iskejjel Sekondarji u għall-istudenti ta’ l-Università ma’ poeżiji oħra”.

Waqt li Ġuże Aquilina kiteb, “Dawk li studjaw taħtu jafu kemm il-filosofija kien jagħmilha ħajja u kemm kien iqajjem interess fost l-istudenti . Il-Professur Cuschieri, barra li kien jaf sewwa s-suġġett tiegħu, kien jaf ifisser ruħu bit-Taljan għax dak iż-żmien il-Filosofija kienet tintgħallem b’din il-lingwa. Kien membru tal-Kunsill Ġenerali fl-Università fejn irrapreżenta l-Fakoltà tax-Xjenza u mbarra dan, membru tal-kummissjoni tal-eżaminaturi tal-Lingwa u Letteratura Taljana….Id-diskorsi li għamel kemm dam senatur jitfgħu dawl fuq il-prinċipji u l-karriera tiegħu politika li dik il-ħabta, mhux bħal fi żminijietna, kienet imsejsa l-aktar fuq l-hekk imsejħa kwestjoni tal-Lingwa, il-ġlieda għal status uffiċċjali bejn it-Taljan u l-Ingliż li ħafna drabi l-Malti sab ruħu mgħaffeġ bejniethom, imdeffes minn min ried jinqeda bih għal ħsieb ta’ politika u mħares minnhom it-tnejn u studjużi oħra tal-Malti li riedu li lsien il-poplu jieħu li ħaqqu f’art twelidna mingħajr ma jiċċappas mal-politika. Din il-qagħda politika kienet ta’ twegħir għal nies li kienu jħobbu l-Malta bħal Cuschieri u Dun Karm. Dawn iż-żewġ poeti għexu f’dan iż-żmien ta’ deċiżjonijiet. Li t-tnejn kienu jħobbu l-ilsien Malti u riduh jieħu li ħaqqu u jibqa’ safi u bla tinġiż ħadd ma jista’ jmieri.”
Tajjeb li ngħidu li Patri Anastasju f’ħajjtu, għamel bosta paneġierki li ħafna minnhom baqgħu jissemmew kemm bit-Taljan u kemm bil-Malti. Wieħed mill-iktar li baqa’ magħruf kien dak li għamel fis-Solennita’ tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fil-Kolleġġjata tal-Belt.
Intemm din il-kitba żgħira tiegħi dwar ħuna P. Anastasju Cuschieri b’din il-poeżija tiegħu dwar il-Madonna.

Fis-Santwarju Tal-Karmnu
Qabel norqod fil-għaxija
Lilek inkellem
U nsellem,
Marija.
–
Kif mir-rqad jistrieħ il-ġisem,
Narġa jien niftaħ għajnejja,
Lilek, ja Sbejħa,
L-ewwel sejħa,
L-ewwel kelma ta’ xofftejja;
–
Meta l-leħen tal-qanpiena
Donnu jitlob ix-xemx bil-ħniena
Biex ittik l-aħħar tislima,
Lejk minn fommi,
Ja Ommi,
Lejk minn qalbi
Ma’ talbi
Jitla’ l-bews ta’ l-akbar qima.
–
Jekk in-niket jiġi jżurni
F’daqqa
U tfaqqa’
Inħoss qalbi u sat-tama
Nitlef jien li għad nithenna.
–
Lejk indur, minnek nistenna,
Faraġ; int lejja
Tħares, f’widnejja
Donnok tgħidli u ssemmagħli:
Xejn la tibża’, ħadd mhu bħali!
–
Ħadd mhu bħalek, ja Marija;
F’Liema tarf ta’ għolja kbira,
Sajf u xitwa
Bil-ward miksija,
Rajtek jiena, ja Madonna,
Tiddi, bajda, qalb il-ħdura?
–
Sħab ileqq kellek ma’ dwarek
Ta’ kull lewn u ta’ kull sura;
Int hemm waħdek
Tħares ‘l isfel lejn il-ġonna,
Tħares ‘l isfel, ja Magħżula,
Lejn il-bliet u lejn ir-rħula.
–
Tapit aħdar taħt saqqajja
Ifewwaħ,
Weraq irewwaħ
Tal-palm fuq rasi,
Ħdejk tlajt nilheġ, Omma il-ħajja;
Int kif rajtni,
Fjur tal-Karmnu, ilbiesek tajtni.
–
Kont żagħżugħ: l-imrar tal-ħajja
Ma kienx għadu mess xofftejja,
U jekk qatt demgħa
Fuq ħaddejja
Daqqiet taqbeż minn għajnejja,
B’wiċċ il-ħelu ta’ dik Ommi
Tarġa tleħħ id-daħka f’fommi.
–
Hawn fejn lilek qed inkellem
U nsellem,
Hawn fil-għodu u fil-għaxija
Kont tarani fi tfuliti.
–
Hawn, Marija, kont jien niġi
Leħni nsamma’
Fis-sejħat tal-litanija,
Fit-tnehid ta’ Ġeremija.
–
Fejnek issa, żmien ta’ dari,
Ja żmien ħelu taż-żgħożija,
Meta kollox kien ġo fija
Għana u dija?
Ah! Marija, ja Marija,
Kemm dmugħ żdied issa ma’ tiegħi!
X’dalma din! X’lejla waħxija!
–
Omm u xbejba ta’ kull ħlewwa,
Li bik biss qalbi tithenna,
Tħallinix aktar nistenna,
Tħallix iżjed lili nara
Dix-xmara
Ta’ dmugħ għaddejja.
–
Ejja, ejja;
Fuq is-sodda, tal-mewt tiegħi
Ejja fis agħlaq għajnejja:
Lilek, ja sbejħa,
L-aħħar kelma ta’ xofftejja.
27.2.1917
