Edizzjoni Ġdida bil-Malti tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (28)

4 ta’ Novembru 2014

Edizzjoni Ġdida bil-Malti tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

Dan l-aħħar, l-Arċidjoċesi ta’ Malta ppubblikat edizzjoni ġdida bil-Malti tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li l-membri tal-Knisja, u kull min hu interessat dwar it-tagħlim tagħha, ikollhom dan il-ktieb f’idejhom.

L-ewwel edizzjoni issa ilha eżawrita madwar għaxar snin. L-ewwel edizzjoni kienet ippubblikata mill-Arċidjoċesi fl-1993. L-ilsien Malti kien fost l-ewwel sitt ilsna minn madwar id-dinja kollha li bih kien deher il-Katekiżmu, saħansitra qabel l-edizzjoni Ngliża. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien ippreżenta din il-ġabra sħiħa tat-tagħlim Kattoliku lill-Knisja Universali fis-7 ta’ Diċembru 1992. Però, xahrejn qabel, fil-11 ta’ Ottubru 1992,  it-tletin anniversarju tal-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, huwa ffirma l-Kostituzzjoni Appostolika Fidei Depositum li biha huwa nieda l-Katekiżmu. Nhar is-7 ta’ Diċembru 1992, huwa sejjaħ il-Katekiżmu “l-aħħar dokument tal-Konċilju”. F’diskors li kien għamel dakinhar, Ġwanni Pawlu II stqarr li “dan il-kompendju tal-fidi u tal-morali Kattolika huwa don privileġjat, li fih iseħħ konverġenza u fih tinġabar f’sintesi armonjuża l-imgħoddi tal-Knisja, bit-Tradizzjoni tagħha, l-istorja tagħha ta’ smigħ-tħabbir-ċelebrazzjoni-xhieda tal-Kelma, permezz tal-Konċilji tagħha, id-Dutturi tagħha, il-qaddisin tagħha”.

Huwa kompla jgħid li “permezz ta’ ġenerazzjoni wara l-oħra jidwi, b’dan il-mod, u jibqa’ dejjem attwali, il-Maġisteru evanġeliku ta’ Kristu, li għal għoxrin seklu kien dawl għall-umanità. Il-Katekiżmu huwa don għall-illum tal-Knisja. Ir-rabta ma’ dak kollu li huwa essenzjali u ta’ ġieħ fil-Knisja tal-imgħoddi, jippermettilha li taqdi l-missjoni tagħha fl-illum tal-umanità. F’dan it-test awtorevoli, il-Knisja tippreżenta lil uliedha, għarfien imġedded tagħha nnifisha, grazzi għad-dawl tal-Ispirtu, tal-misteru ta’ Kristu, li fih huwa rifless il-ġmiel tal-Missier”.

It-test oriġinali tal-Katekiżmu kien bl-ilsien Franċiż, u miegħu ħarġet, kif kien mistenni, l-edizzjoni Taljana. Sal-aħħar tas-sena 1992, kienu diġà nbiegħu 300,000 kopja fi Franza u f’pajjiżi Frankofoni. Ġewwa l-Italja kien hemm suċċess simili: 200,000 inbiegħu fi tlett ijiem, u 200,000 oħra fi Spanja.

Tajjeb li nfakkru li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika kien maqlub għall-Maltin mill-oriġinal Franċiz mill-mibki Monsinjur Ġużeppi Lupi (1914-2000). Huwa ħa b’kollox madwar għaxar ġimgħat biex lestieh. Meta tqis li l-Katekiżmu huwa ktieb ta’ madwar seba’ mitt paġna, irridu ngħidu, mingħajr riżervi, li Monsinjur Lupi għamel xogħol straordinarju: qabel xejn, huwa ħadem waħdu u b’effiċenza kbira; it-tieninett, irridu ngħidu li t-test tal-Katekiżmu huwa wieħed b’ħafna terminoloġija teoloġija teknika u siltiet mill-Bibbja u minn dokumenti tal-Maġisteru. Bil-mod tipiku – u llum kważi leġendarju! – tiegħu, huwa ħadem b’ilsienu barra biex lesta t-traduzzjoni malajr kemm seta’ jkun. Mhux ta’ b’xejn li l-edizzjoni Maltija dehret fl-1993! U konna minn tal-ewwel fid-dinja! Għalkemm kien doveruż li Monsinjur Lupi jiġi kkommemorat fiċ-ċentinarju ta’ twelidu (fit-28 ta’ Settembru li għadda), il-fatt li t-tieni edizzjoni tal-Katekiżmu bil-Malti tlestiet mill-istampa u bdiet titqassam f’Settembru 2014, jiċċelebra l-memorja ta’ dan is-saċerdot li ħadem fil-kwiet mingħajr daqq ta’ trombi. Naħseb li hu stess kien jippreferi hekk.

Sa madwar għaxar snin wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel edizzjoni, ma kontx bqajt issib tixtri kopja tal-Katekiżmu bil-Malti. Kien hemm bosta familji li diġà kellhom il-kopja tagħhom, biex ma nsemmix il-katekisti madwar Malta u Għawdex. Kien hemm domanda għall-ktieb mill-istudenti, l-aktar dawk tas-Sitt Klassi (Sixth Form) li kienu jagħżlu r-Religjon bħala wieħed mis-suġġetti jew għal-Livell Avvanzat jew għal-Livell Intermedju. L-għalliema tagħhom kienu jipproponulhom it-test tal-Katekiżmu, imma ma kenux isibuh fil-ħwienet tal-kotba.

Kien għalhekk li fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi 2012-2013, l-Arċidjoċesi ta’ Malta ħadet id-deċiżjoni għaqlija li tidħol għall-ħidma biex ikollna f’idejna edizzjoni ġdida, aktar milli ristampa, tal-Katekiżmu. X’fiha ġdid din l-edizzjoni?

  1. Qabel xejn, l-edizzjoni tal-2014, hija ppreżentata, kif kien id-dmir tal-Knisja li tagħmel u biex tagħti eżempju tajjeb, skont ir-regoli ġodda tal-ortografija għall-ilsien Malti.
  1. L-emendi li l-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi kienet ħarġet fl-1997 ġew inkorporati fl-edizzjoni l-ġdida. X’inhuma dawn l-emendi? F’Settembru 1997, il-Kongregazzjoni li semmejna ħarġet l-edizzjoni uffiċjali tal-Katekiżmu bil-Latin. Dan it-test il-ġdid kien fih 103 emendi għat-test Franċiż tal-1992. L-iskop tal-emendi kien li dawn jirriflettu aħjar it-tagħlim imġedded ta’ kif il-Knisja tħares lejn ċerti problemi, fosthom il-piena kapitali, il-kontraċezzjoni u l-ippjanar tal-familja, l-użu ta’ teknika moderna fis-saħħa tal-bniedem, u l-esperimentazzjoni fuq l-annimali. Dawn l-emendi kollha ddaħħlu bir-reqqa fil-post rispettiv fejn kellhom jidħlu.
  1. Ir-reviżuri tat-test Malti fittxew li jiflu t-test kollu, kelma kelma, vers vers, paragrafu paragrafu, paġna paġna. Qagħdu b’seba’ għajnejn li t-test rivedut ikun lingwistikament u stilistikament mexxej u nieqes minn ambigwitajiet, l-aktar meta jitwalu s-sentenzi. Hawnhekk irid jerġa’ jingħad li t-traduzzjoni ta’ Lupi kienet waħda eċċellenti, ta’ espert li kien tal-patristika, tal-liturġija u tat-teoloġija in ġenerali, apparti l-għarfien kbir li kellu tal-ilsien Franċiż u tal-ilsien Malti. Però, bħalma dejjem jiġri, l-ebda traduzzjoni ma hi eterna. Mal-medda tas-snin, dejjem ikun meħtieġ li xi ħadd jerġa’ jdurha biex jifliha sew, għax kull ilsien ħaj jibqa’ jiżviluppa fil-mod kif jesprimi ruħu. Ir-reviżuri ħadmu fuq it-test ta’ Lupi, filwaqt li quddiemhom dejjem kellhom il-verżjoni uffiċjali (editio typica) Latina, flimkien mat-traduzzjoni Taljana u dik Ingliża għall-konsultazzjoni f’każ ta’ diffikultà li kienet teħtieġ diskussjoni teoloġika jew riflessjoni aktar approfondita.
  1. In-noti f’qiegħ il-paġna (footnotes) kollha ġew riveduti fl-edizzjoni l-ġdida bil-Malti. L-ismijiet ta’ xogħlijiet patristiċi jew ta’ dokumenti tal-Maġisteru tal-Knisja jew kitbiet tal-qaddisin ġew imfissra billi ġeneralment ġew tradotti għall-Malti, jew spjegati aħjar, p.eż. “Definizzjoni kontra l-Albiġiżi u l-Katari”, jew “Kundanni kontra Oriġene”, jew “… dwar l-istat ta’ ruħ il-bnedmin wara l-mewt”, eċċ. Dejjem saret traduzzjoni tal-ismijiet tad-dokumenti, ħlief fil-każ tad-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II u d-dokumenti Maġisterjali tal-Papiet tal-aħħar seklu, liema dokumenti huma diġà magħrufa sew u familjari bl-isem Latin tagħhom, bħal Lumen gentium, Gaudium et spes, Dei Verbum, Humanae vitae, Familiaris consortio, eċċ.
  1. Fil-każ ta’ kull dokument tal-Maġisteru li hemm referenza għalih f’qiegħ il-paġna, ġiet inserita wkoll is-sena ta’ meta ħareġ, għall-benefiċċju ta’ min qiegħed jistudja sew it-test, jew jixtieq jara kif żviluppa l-mod kif ġie ppreżentat it-tagħlim tal-Knisja. Għalhekk id-data hija importanti.
  1. Il-mijiet kbar ta’ siltiet meħudin mill-Kelma ta’ Alla ġew iċċekkjati waħda waħda, kemm mil-lat tan-numri tar-referenzi (p.eż, Ġw 1,14; Ġen 3,14-19), kif ukoll mil-lat tat-test. Fi kliem ieħor, kull silta hija skont l-aħħar edizzjoni tal-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija.
  1. Fir-rigward ta’ siltiet mill-kitbiet tal-qaddisin, fejn dawn kienu diġà saru bil-Malti fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena, ir-reviżuri ħadu ħsieb li jużaw dawn it-traduzzjonijiet, anke biex ikun hemm unità ta’ traduzzjoni, u mhux siltiet li jvarjaw tal-istess test miġjub għall-Malti, p.eż ta’ Santu Wistin, jew Santa Tereża ta’ Avila jew ta’ San Franġisk, eċċ. Dawn, bir-reqqa kollha, tfittxew u nstabu, u – mhux biss bi pjaċir, imma wkoll b’imħabba lejn l-ilsien Malti – sabu posthom fit-test tal-Katekiżmu, u b’noti f’qiegħ il-paġna li jirrikonoxxu l-għejjun Maltin minn fejn ittieħdu.
  1. L-indiċi tat-tieni edizzjoni tal-Katekiżmu bil-Malti joffri progress notevoli fuq dak tal-1993. Mhux biss ġie iċċekkjat u ċerti żbalji ikkorreġuti, imma ħa ħsieb iżid dak li bi żvista kien tħalla barra. L-indiċi tal-Katekiżmu, kif diġà proġettat fl-1992, meta ħareġ, fih bosta taqsimiet: indiċi bibliku, indiċi ta’ referenzi għall-konċilji ekumeniċi, indiċi tad-dokumenti kollha pontifiċji ċitati fil-Katekiżmu, indiċi għar-referenzi kollha għal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika u l-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, indiċi għal testi kwotati mil-Liturġija, indiċi għas-Santi Padri u għal awturi ekkleżjastiċi u spiritwali, u fl-aħħarnett, indiċi tematiku – b’kollox, għalhekk, indiċi komplessiv ta’ madwar 90 paġna! Dan kollu ġie iċċekkjat u organizzat aħjar biex jgħin lill-qarrejja, jew lil min qiegħed ifittex informazzjoni dwar suġġett partikulari. Huwa għalhekk li l-indiċi tematiku huwa imprezzabbli.
  1. Bidla notevoli li saret fit-tieni edizzjoni tal-Katekiżmu hi li l-Werrej (li qabel kien fi tmiem il-volum) inġieb fuq quddiem, kif aħna mdorrijin insibuh. Sar minn kollox biex ikun hemm konsistenza fl-użu ta’ tipi (tal-stampa) differenti biex jiddistingwu kategoriji differenti ta’ taqsimiet, sezzjonijiet u sotto-sezzjonijiet fil-Katekiżmu. Fih innifsu, il-Werrej huwa sommarju tas-suġġetti kollha li nsibu fil-Katekiżmu.
  1. Ġew iċċekkjati l-mijiet ta’ cross-references li hemm fil-ġenb ta’ kull paġna tal-Katekiżmu, u sar sforz biex kull referenza tkun kemm jista’ jkun fiżikament qrib (fuq il-paġna) tat-tema li dwarha wieħed jista’ jfittex f’paragrafu ieħor tal-ktieb. Dan kollu għall-benefiċċju tal-qarrej, tal-katekist, l-istudent jew ir-riċerkatur.
  1. Dettall importanti li għandi niġbed l-attenzjoni għalih huwa bidla żgħira, imma sinifikanti, fit-test Malti tal-Kredu tal-Appostli, jew kif inhu magħruf fostna, il-Kredu “l-qasir”. Fejn qabel, fil-ħames artiklu tal-Kredu konna nistqarru li Ġesù “niżel il-limbu”, issa din saret “niżel bejn l-imwiet”. Naturalment, dan sar bl-approvazzjoni tal-Konferenza Episkopali Maltija, wara li sar studju approfondit u ġew ikkonsultati bosta teoloġi ta’ esperjenza, kemm f’Malta kif ukoll barra. Dwar din il-bidla, qed jitħejja artiklu biex jidher, ma jdumx, f’din is-sensiela ppubblikata mill-Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana.
  1. Fl-aħħarnett, id-dimensjonijiet fiżiċi tat-tieni edizzjoni tal-Katekiżmu bil-Malti huma iżgħar minn dawk tal-ewwel waħda. Għalkemm il-paġni żdiedu minn 756 paġna għal 1104 paġni, il-ħxuna tal-volum baqgħet l-istess, għax l-istampaturi – Asia Pacific Offset, f’Ħong Kong – użaw karta irqaq. Il-volum huwa preżentat b’mod pulit. Il-ħjata tal-legatura hija b’saħħitha u tiflaħ il-wear and tear.

Huwa ttamat li l-għatx li kien hawn fl-aħħar snin għall-Katekiżmu bil-Malti issa beda jinqata’. Huwa ttamat ukoll li dan l-għatx huwa sinjal ta’ xewqa akbar li ma nieqfu qatt nitgħallmu u napprezzaw it-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Evanġelju, jistqarr li l-katekeżi hija “t-tħabbira li twieġeb għall-għatx li hemm f’kull qalb umana għal dak li jibqa’ għal dejjem” (n.165).

Dun Hector Scerri

President – Kummissjoni Teoloġika

%d bloggers like this: