Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (27)

28 ta’ Lulju 2014

Kienu diversi persuni – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – li staqsewna nagħtu informazzjoni dwar San Ġużepp, u dak li hemm dwaru fl-Evanġelju. Ħabat tajjeb li qed inwasslu dan it-tagħrif fl-okkażjoni tal-125 sena mill-Enċiklika Quamquam pluries tal-Papa Ljun XIII (15 ta’ Awwissu 1889) u l-25 sena mill-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, Redemptoris custos (15 ta’ Awwissu 1989) – żewġ dokumenti tal-Maġisteru dwar San Ġużepp.

 

Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija

Ir-referenzi li jagħmlu l-Evanġelji ta’ Mattew, Luqa u Ġwanni għal Ġużeppi, nistgħu niġbruhom fi tliet blokki, skont is-suġġett li jwasslu.

1) Ġużeppi: l-għarus u r-raġel ta’ Marija

Mt 1,16 jiddeskrivi lil Ġużeppi bħala anēr ta’ Marija. Fiha nnifisha, il-kelma ma tispeċifikax hux ir-raġel jew l-għarus. Iż-żwieġ kien fih żewġ tappi: l-erusîm = il-betrothal u n-nissuîm = meta l-għarajjes imorru joqogħdu flimkien (litteralment, meta l-għarus jerfa’ [nāsā’] lill-għarusa u joħodha toqgħod f’daru). Quddiem il-Liġi, l-erusîm kien jorbot liż-żewġ għarajjes daqslikieku kienu miżżewġin (ara Dt 22,23-24).

Mt 1,18 (u Lq 1,27) jgħid li Marija kienet “imwegħda” (mnēsteuō) lil Ġużeppi, u jgħid speċifikament li kienu għadhom ma marrux joqogħdu flimkien (għarusa lilu, fl-ewwel fażi taż-żwieġ tagħhom tal-erusîm). Imma 1,19 jgħid li Ġużeppi, ir-raġel (anēr) tagħha, kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, kien qatagħha li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Mela anēr tfisser kemm l-għarus (bħal f’1,19) u kemm żewġha (bħal f’1,16). Anke fl-għerusija, Ġużeppi kien diġà jissejjaħ l-anēr ta’ Marija.

Mt 1,20.24 jispeċifikaw li Ġużeppi ħaffef iż-żmien bejn l-erusîm u n-nissuîm u ħa lil Marija b’martu fid-dar tiegħu.

Kemm jekk tħares lejn Ġużeppi bħala l-kap tal-familja ta’ Nażaret (wara li ħa lil Marija b’martu u lil Ġesù bħala ibnu legali), magħmula minnu, minn Marija u minn Ġesù, u kemm jekk tħares lejh bħala l-għarus ta’ Marija (qabel marru joqogħdu flimkien), dejjem jista’ jissejjaħ ir-raġel jew żewġ Marija; dejjem huwa anēr.

2) Ġesù, Iben Marija

Grupp ta’ testi oħra jitkellmu fuq ir-relazzjoni bejn Ġużeppi u Ġesù.

Mt 2,13.14.19; 2,21, flimkien ma’ Mt 1,16: donnu li Mt għadu jrid jagħmel distinzjoni speċifika li Ġesù huwa biss iben Marija, għalkemm f’Mt 1,24 kien diġà qalilna li Ġużeppi ħa lil Marija u lil Ġesù bħala tiegħu legalment. F’dawn it-testi dejjem hemm: “it-tifel u ommu” jew li Ġesù twieled minn Marija. Mattew qiegħed donnu jagħmel distinzjoni bejn il-paternità legali tiegħu lejn Ġesù u l-paternità naturali/bijoloġika.

Lq 3,23 jispeċifika li Ġesù kien “maħsub” (enomízeto – għalhekk il-missier putattiv) li hu iben Ġużeppi.

3) Ġesù, Iben Ġużeppi

Il-komunità ta’ Ġwanni, bi tradizzjonijiet differenti minn dawk tas-Sinottiċi, imma wkoll iktar tardiva fiż-żmien mill-komunitajiet tas-Sinottiċi, ma għandhiex diffikultà ssejjaħ lil Ġesù bħala iben Ġużeppi.

Ġw 1,44 – Filippu jindika lil Ġesù lil Natanajel bl-isem ta’ Ġesù bin Ġużeppi, u dan saħansitra skont l-Iskrittura.

Ġw 6,42 huwa iktar qawwi minn hekk, għax lil Ġesù jsejjaħlu bin Ġużeppi daqskemm huwa bin Marija.

Mela m’hemmx diffikultà lessikali li lil Ġużeppi nsejħulu r-raġel ta’ jew żewġ Marija.

Lanqas hemm diffikultà li lil Ġużeppi nsejħulu r-raġel ta’ jew żewġ Marija għax legalment kien hekk tassew, ladarba ħa lil Marija bħala martu.

Naħseb li l-isem ta’ “għarus” ta’ Marija ingħata biss minħabba l-paternità ta’ Ġesù. Kienet paternità legali, għax ħa lil Ġesù bħala ibnu, imma mhux bijoloġika jew naturali.

Allura naħseb li, meta jissemma ma’ Marija, jista’ bit-trankwillità kollha jissejjaħ ir-raġel tagħha jew żewġha.

Dun Pawl Sciberras

Membru tal-Kummissjoni Teoloġika

%d bloggers like this: