Niżel bejn l-imwiet

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (29)

17 ta’ Novembru 2014

Niżel bejn l-imwiet

Il-Konferenza Episkopali Maltija, fl-Assemblea Plenarja tagħha tal-20 t’Awwissu 2013, approvat il-kliem niżel bejn l-imwiet biex jissostitwixxi l-kliem li aħna familjari miegħu, fil-Kredu, niżel fil-limbu. Għaldaqstant, meta nistqarru l-Kredu tal-Appostli – jew kif inhu magħruf fostna, il-Kredu l-qasir – se nibdew ngħidu hekk, dwar Ġesù: “… bata taħt Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh, niżel bejn l-imwiet, fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet …”.

            Meta nqallbu l-edizzjoni l-ġdida (2014) bil-Malti tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nistgħu naraw din il-bidla, kemm f’paġni 102-103, fejn insibu l-Kredu tal-Appostli u l-Kredu ta’ Nicea-Kostantinopli, kif ukoll fil-paragrafi kollha fejn qabel kien hemm referenza għall-istat tar-ruħ ta’ Ġesù bejn il-mument tal-mewt tiegħu fuq is-salib u l-mument tal-qawmien tiegħu għall-ħajja ġdida: il-paragrafi 512, 624, 631, 632, 633, 636. Il-bidla fit-terminoloġija narawha wkoll fil-headings fil-Werrej Ġenerali, fil-headings f’paġni 257 u 258, u fl-Indiċi f’paġna 1089.

            Fid-dawl tad-Dokument tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali tal-2007 li jitratta s-salvazzjoni tat-trabi li jmutu qabel il-Magħmudija, huwa ċar li dak li konna nirreferu għalih bħala limbo puerorum (il-limbu tat-tfal) m’għandux jissemma aktar. Id-dokument tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, The Hope of Salvation for Infants who die without being baptized, approvat mill-Papa Benedittu XVI fid-19 ta’ Jannar 2007, jgħid li t-teorija dwar il-limbu, elaborata minn għadd ta’ teoloġi medjevali, qatt ma kienet parti mid-definizzjonijiet dommatiċi tal-Maġisteru. Issa, il-poplu ta’ dawn il-gżejjer spiss jitfixkel meta minn banda kien jisma’ li t-terminu limbu m’għadux jintuża, u li dik kienet biss opinjoni teoloġika u qatt ma kienet parti mill-Maġisteru. Min-naħa l-oħra, meta l-poplu tagħna jistqarr il-Kredu tal-Appostli huwa baqa’ jgħid li Ġesù “niżel il-limbu”.

            Fl-istess żmien li fih il-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali kienet qed tistudja dan is-suġġett, it-teologu Taljan, l-Arċisqof Bruno Forte kien qal pubblikament li t-tagħlim popolari dwar il-limbu jista’ jitneħħa minn moħħna “mingħajr ma l-fidi tiġi kompromessa”. Barra minn hekk, jekk immorru aktar lura fiż-żmien, f’intervista li dehret fl-1984 fin-New York Times, il-Kardinal Joseph Ratzinger, snin twal qabel ma sar Papa, kien qal li “l-limbu qatt ma kien verità definittiva tal-fidi … Personalment naħseb – qal – li m’għandniex inkomplu nitkellmu dwaru għaliex kien dejjem ipotesi teoloġika” biss.

            Filwaqt li aspetti mil-letteratura Kattolika tul is-sekli ma nnegawx li jibqgħu jitkellmu dwar limbo patrum, jiġifieri dak l-istat li kienu fih il-ġusti kollha sakemm seħħet il-Fidwa, irridu ngħidu li t-terminu Malti limbu kien se jibqa’ joħloq konfużjoni f’moħħ il-poplu, għax huwa minnufih jassoċja dan l-istat mat-trabi mhux imgħammda. Biex nevitaw dan, issa qed tibda tintuża l-frażi “bejn l-imwiet”. L-ewwelnett, jekk Ġesù “qam minn bejn l-imwiet”, allura nkunu korretti ngħidu fl-artiklu tal-Kredu li jiġi eżatt qabel dan, li “niżel bejn l-imwiet”. Dan huwa wkoll f’konformità ma’ dak li huwa propost minn żewġ teoloġi kontemporanji kbar: il-futur Benedittu XVI, meta kien it-teologu Joseph Ratzinger, fil-ktieb tiegħu Introduction to Christianity, fejn jispjega l-istess artiklu in kwistjoni tal-Kredu (paġ.223-230); u Hans Urs von Balthasar, f’Mysterium Paschale, fis-sezzjoni “Going to the Dead: Holy Saturday” (paġ.148-168).

            Xtaqt ngħid ukoll li l-ebda lsien modern ma jittraduċi l-artiklu li qed nitkellmu dwaru mill-Kredu  descendit ad inferos b’xi kelma remotement konnessa mal-limbu. Huwa interessanti li wieħed jistudja t-traduzzjonijiet differenti ta’ dan l-artiklu tal-Kredu bl-ilsna Ewropej li aħna familjari magħhom. Huwa evidenti li l-kunċett predominanti qatt ma hu tal-limbu, imma huwa ta’ art il-mejtin (jiġifieri, dik li fil-mitoloġija kienet tissejjaħ Hades u Inferi, jew fil-ħsieb tat-Testment il-Qadim, Sheol).

            Spiss, fil-Kotba Mqaddsa u, aktar ukoll, fit-testi liturġiċi, niltaqgħu mal-espressjoni (bil-Grieg) tôn nekrôn, u (bl-Għarbi Nisrani) l-amwāt. Fil-Bibbja Maltija, l-espressjoni l-imwiet hija komuni.

            Barra minn dan, hemm ukoll il-forza tat-test liturġiku tar-Raba’ Talba Ewkaristika li għandu l-approvazzjoni tas-Santa Sede (meta kien ġie approvat il-Missal Malti fl-1974). Eżatt wara l-konsagrazzjoni, it-test Latin ta’ din it-Talba Ewkaristika (Messale Romanum, 1970) jgħid:

“Unde et nos, Domine,

redemptionis nostrae memoriale nunc celebrantes,

mortem Christi

eiusque descensum ad inferos recolimus,

eiusdem resurrectionem…”

Fil-Missal Malti, fir-Raba’ Talba Ewkaristika, fl-istess post aħna nitolbu hekk:

“Għalhekk, Mulej,

aħna u niċċelebraw it-tifkira tal-fidwa tagħna,

niftakru fil-mewt ta’ Kristu

u fl-inżul tiegħu fl-imwiet,

nistqarru l-qawmien tiegħu…”

            Issa jekk għal erbgħin sena, aħna tlabna permezz ta’ din it-traduzzjoni uffiċjalment approvata, għaliex ma kellniex nużaw l-istess terminoloġija fil-Kredu tal-Appostli?

            Hemm ukoll it-traduzzjoni tal-Atti tal-Appostli bil-Malti, li tkompli ssaħħaħ l-użu tajjeb tat-traduzzjoni Maltija tat-test liturġiku li għadna kemm semmejna. Fl-Atti 23:6, naqraw hekk: “it-tama fil-qawmien minn bejn l-imwiet”, waqt li fl-Atti 2:27, insibu: “inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi”.

            Il-proposta studjata matul medda ta’ snin mill-Kummissjoni Teoloġika Maltija tressqet għall-parir ta’ numru ta’ biblisti u teoloġi Maltin, xi wħud minnhom ta’ fama internazzjonali minħabba l-kontribut li taw jew fl-Universitajiet Pontifiċji ġewwa Ruma jew fil-Kongregazzjonijiet tas-Santa Sede.

Issa li għadha kemm ġiet ippubblikata t-tieni edizzjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, tajjeb li nibdew nidraw nistqarru l-Kredu tal-Appostli skont kif qed jiġi mfisser. Din in-nota dottrinali tgħinna wkoll biex nagħtu spjegazzjoni adegwata lil ħutna li jistaqsuna dwar il-bidla fit-terminoloġija tat-traduzzjoni Maltija.

Dun Hector Scerri

President – Kummissjoni Teoloġika

Ara aktar riżorsi mill-Kummissjoni Teoloġika fuq … http://www.laikos.org/KTI-Sussidji.htm