Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Alfonsa Muttathupadatu


Fit-28 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Santa Alfonsa Muttathupadatu, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1910 sa 1946.

Alfonsa, li qabel ma daħlet reliġjuża kien jisimha Anna, twieldet minn familja kattolika fl-Indja. Tilfet ’l ommha meta kellha biss tliet xhur u bdiet tieħu ħsiebha oħt ommha.

Sa minn ċkunitha kienet turi mogħdrija u mħabba kbira lejn il-foqra u l-batuti u xtaqet tiddedika ħajjitha għalihom. Imma zitha kellha pjanijiet oħra għaliha.

Meta kibret biżżejjed, għażlulha l-għarus u saru l-arranġamenti meħtieġa biex iżewġuha. Din il-ħaġa inkwetat ħafna lit-tfajla u ddeċidiet li tħarbat kollox. Ġieha f’rasha li ddaħħal sieqha fin-nar u ħarqitha tant li sfiguratha.

Ta’ 18-il sena (2 t’Awwissu, 1928) daħlet mas-Sorijiet Klarissi fejn tawha l-isem ta’ Alfonsa Marija. Kienet kważi mibgħuta ’l barra mill-kunvent għax kienet dejjem marida, iżda Alla riedha tibqa’ miġbura fejn kienet u malajr biddel il-fehma tas-superjuri.

Fis-sodda għal ħajjitha, imqabra b’uġigħ qawwi, kultant bil-malarja, ulċera f’riġlejha, emoraġija, eċċ., bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, il-mudell li għażlet hija stess, Alfonsa għexet kull mument ta’ ħajjitha bħal tifla żgħira, b’fiduċja u b’telqa ta’ mħabba fir-rieda ta’ Alla.

Santa Alfonsa Muttathupadatu ġieli talbet għal aktar sofferenzi. Tant hu hekk li meta darba semgħet li wieħed isqof kien marid, Alfonsa talbet lil Ġesù biex il-mard u d-deni tal-isqof jgħaddu fuqha għax, irraġunat, “Jiena ma nista’ nagħmel xejn iżjed ħlief insofri; għalhekk għandi nieħu fuqi dak id-deni wkoll.” U t-talba tagħha kienet mismugħa.

F’għajnejn xi nies, il-ħajja ta’ Alfonsa kienet moħlija u bla skop għax ma wettqet xejn speċjali. Kull ġurnata li tgħaddi kienet biss ġurnata ta’ sofferenzi bħall-oħrajn. U biex iżjed titnikket f’qalbha, Alfonsa kienet ħafna drabi mifhuma ħażin minn dawk stess li kienu jduru biha, anki minn wieħed predikatur tal-irtiri u saħansitra mill-istess superjuri tagħha.

Bla ma tgerger, waqt li żżomm kollox f’qalbha u ssofri kollox għal Ġesù, hija kienet propju tinfena rqiq irqiq. Kienet tgħid: “Kull ġurnata li fiha jiena ma nsofrix għall-Mulej, dik tkun ġurnata mitlufa.”

Swor Alfonsa Muttathupadatu mietet fit-28 ta’ Lulju, 1946, 13-il ġurnata qabel ma għalqet 36 sena. Sa minn wara mewtha, eluf kbar ta’ pellegrini minn kull naħa tal-Indja, insara, indus u oħrajn bdew iżuru l-qabar tagħha biex jitolbuha. Kienet ibbeatifikata mill-Papa Ġwanni Pawlu II waqt vjaġġ appostoliku fl-Indja, fl-1986. Kienet dikjarata qaddisa mill-Papa Benedittu XVI.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.