L-Evanġelizzazzjoni Ġdida: Inħejju ruħna għas-Sena tal-Fidi, It-tieni parti

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (9)

16 ta’ Lulju 2012

L-EVANĠELIZZAZZJONI L-ĠDIDA:

INĦEJJU RUĦNA GĦAS-SENA TAL-FIDI

It-tieni parti

Wara li fl-aħħar ħarġa, rajna t-tifsira awtentika tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, u l-għanijiet tal-Papa Benedittu XVI għas-Sena tal-Fidi, issa qed jiġu proposti numru ta’ temi li qegħdin fl-isfond tal-Ittra Appostolika Porta Fidei. Illum se nirriflettu dwar tlieta minn dawn it-temi.

  1. Fl-Ittra Porta Fidei, kif ukoll fl-avventura tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, niltaqgħu mat-tema tal-vjaġġ tal-fidi. L-esperjenza tal-fidi qatt ma tħalli l-bniedem li jemmen f’sitwazzjoni statika. Ninnutaw il-vokabolarju li juża l-Papa: huwa jitkellem dwar ‘il-bieb tal-fidi (li) hu dejjem miftuħ għalina biex iwassalna għall-ħajja ta’ komunjoni m’Alla u joffrilna d-daħla fil-Knisja tiegħu… Nidħlu minn dan il-bieb ifisser li nibdew vjaġġ’ (n.1). L-evanġelizzazzjoni l-ġdida tfisser dan kollu. L-istess isem tal-Ittra Appostolika, Porta Fidei, iġibna f’kuntatt dirett mal-esperjenza tal-ewwel appostli u x-xandir tal-Aħbar it-Tajba, meta l-‘bieb tal-fidi’ (Atti 14:27) infetaħ għall-pagani. Il-Papa jħeġġiġna biex ‘niskopru mill-ġdid il-vjaġġ tal-fidi… Il-Knisja … tmexxi l-poplu barra mid-deżert u twasslu lejn il-post tal-ħajja’ (n.2). Jistedinna wkoll biex mmorru ħdejn il-bir (n.3); hawnhekk niftakru fl-importanza teoloġika tal-bir fl-Iskrittura (kemm fl-esperjenza tal-Poplu t’Alla fit-Testment il-Qadim, imma wkoll fil-Ġdid). Il-Papa jfakkarna fl-esperjenza tal-fidi tas-Samaritana (Ġw 4) u l-istadji differenti li hi għaddiet minnhom fil-vjaġġ spiritwali tagħha meta ltaqgħet mal-Kelma. Huma impressjonanti t-tarġiet differenti li hija titla’ fl-esperjenza tagħha bħala mudell ta’ min ġie evanġelizzat: (a) ‘Int Lhudi’, tgħid lil Ġesu’, biex taċċentwa l-firda bejn il-Lhud u s-Samaritani); (b) Aktar tard, isejjaħlu Sidi, kif ilsir isejjaħ is-sid tiegħu; (c) Imbagħad lil Ġesu’ tindirizzah bħala profeta: dan ifisser li qalbha bdiet tinfetaħ sew għall-Kelma; (d) Fl-aħħar tar-rakkont dettaljat li jagħtina l-evanġelista San Ġwann, huwa ċar li issa Ġesu’ sar il-Messija tagħha, u hi ssir ‘appostlu’ għax hi stess twassal il-Bxara t-Tajba lin-nies tar-raħal tagħha.

Il-Papa jitkellem dwar id-dinamiżmu li għalih huwa msejjaħ in-nisrani fl-għixien tal-fidi  tiegħu, jew fir-riskoperta tal-fidi. Filwaqt li jikkwota silta magħrufa minn San Pawl, Benedittu XVI jgħidilna li: ‘l-imħabba ta’ Kristu ssuqna… Illum bħal fl-imgħoddi hu jibgħatna fit-toroq tad-dinja biex inxandru l-Evanġelju tiegħu’ (n.7). Din hija, iswed fuq l-abjad, l-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Pero’, Benedittu XVI jistedinna lkoll biex ninżlu fil-fond u għalhekk ‘nerġgħu niskopru u nistudjaw il-kontenut tal-fidi’ (n.11). Jgħidilna wkoll biex ‘nerġgħu ngħaddu mit-triq tal-fidi tagħna li fiha nsibu l-misteru kbir tan-nisġa bejn il-qdusija u d-dnub’ (n.13).

Biex inkompli ngħarblu t-tifsira tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida skont il-ħsieb ta’ Benedittu XVI, ikun utli li nduqu r-riflessjonijiet profondi u sbieħ li jagħmel it-teologu Taljan, Mons. Bruno Forte (1949-  ), għall-aħħar tmien snin l-Arċisqof ta’ Chieti-Vasto. Fil-ktejjeb tiegħu Confessio theologi ai filosofi (1995), huwa wkoll jitkellem dwar l-esperjenza tal-fidi bħala vjaġġ: fil-fatt, waħda mit-taqsimiet tal-ktieb jisimha L’esodo, Il Dio dell’Avvento; Dove l’esodo incontra l’Avvento. Huwa jisħaq li ma tistax tieqaf: fl-esperjenza personali u komunitarja tagħna tal-fidi, kif ukoll tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida trid tkompli tissielet: Chi pensa di aver fede senza lottare, non crede piu’ in nulla: con Dio non si perde, si capitola in una resa senza condizioni di intensissimo amore, di profondissima morte. La fede e’ l’esperienza di Giacobbe (p.29). Hawn jidher ċar li l-esperjenza tal-fidi timplika li bħal Ġakobb ħdejn il-mogħdija tal-Ġabokk (Ġen 32) hemm din it-taqtiegħa kontinwa. Ma’ Alla ma titlifx, imma ċċedi mingħajr kundizzjonijiet f’esperjenza ta’ mħabba qawwija, mewt għalik innifsek.

  1. Aspett ieħor li niltaqgħu miegħu fil-ħsieb tal-Papa Benedittu XVI dwar l-evanġelizzazzjoni l-ġdida hu li l-vjaġġ li tkellimna dwaru jitlaq mix-Xandir tal-Kelma. Dan huwa aspett fundamentali. Il-Kelma mħabbra ġġib trasformazzjoni u konverżjoni. Il-Papa jistqarr: ‘Dan il-pass nistgħu nagħmluh meta titħabbrilna l-Kelma u nħallu l-grazzja tibdilna u tiffurmana’ (Porta Fidei, n.1); ‘nikkonvertu b’mod awtentiku lejn Kristu’ (n.6). Din hija l-laqgħa tagħna ma’ Alla li huwa ħaj. Hawnhekk, nagħmlu referenza oħra għal riflessjoni oħra ta’ Mons. Bruno Forte fil-ktejjeb li ssemma qabel. Huwa jistqarr li jekk għalik Alla mhuwiex nar (fuoco divorante), jekk il-laqgħa tiegħek miegħu hija biss ripetizzjoni ta’ ġesti dejjem l-istess – ġesti mingħajr imħabba passjonali – Alla tiegħek m’għadux Alla ħaj, imma huwa ‘Deus mortuus’, ‘Deus otiosus’ (p.31). Mhux ta’ b’xejn li l-filosfu Franċiż Blaise Pascal (1623-1662) jistqarr li Kristu jibqa’ f’agunija sal-aħħar taż-żmien. Tajjeb li nirrealizzaw li l-kelma agunija ġejja mill-kelma Griega agon li tfisser lotta jew taqtiegħa… u għalhekk dlonk niftakru fit-taqtiegħa ta’ Ġakobb li semmejna qabel. Bruno Forte jgħid li din l-agunija hija l-agunija tal-Insara, hija l-agunija tal-Kristjaneżmu, it-taqtiegħa biex temmen, biex tittama, biex tħobb (p.32). Din it-taqtiegħa, nistgħu nżidu, hija wkoll frott tal-laqgħa tagħna mal-Kelma – Kelma li tisfidana; tisfidana biex napprofondixxu l-fidi tagħna.
  1. Fil-preżentazzjoni tal-Papa Benedittu XVI permezz tal-Ittra tiegħu Porta Fidei, huwa interessanti wkoll li ninnutaw l-aspett lingwistiku. Nistgħu niflu l-verbi li juża l-Papa meta jitkellem dwar l-esperjenza tal-fidi. L-istqarrija awtentika u sinċiera tal-fidi issaħħaħ il-Knisja, issaffiha, tikkonfermaha. Il-Knisja tgħix proċess li jwassalha biex tifhem aħjar dak li temmen u tesplorah mill-ġdid (n.4). Hija fidi li nistqarru, niċċelebraw, ngħixu u nitolbu. Dan ifakkarna fl-istruttura tal-erba’ partijiet tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: (i) il-Kredu, (ii) il-misteru li niċċelebraw fil-Liturġija, (iii) il-Kmandamenti, u (iv) it-Talb, jew fi kliem ieħor lex credendi, lex celebrandi, lex vivendi u lex orandi. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida tirrikjedi li nagħmlu esperjenza mġedda ta’ dawn l-aspetti li huma fil-qofol tal-ħajja nisranija.

Fil-ħarġa li jmiss, se nwasslulkom żewġ temi oħra dwar dan is-suġġett.

Dun Hector Scerri

Kummissjoni Teoloġika