FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI
MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (8)
6 ta’ Lulju 2012
L-EVANĠELIZZAZZJONI L-ĠDIDA:
INĦEJJU RUĦNA GĦAS-SENA TAL-FIDI
L-ewwel parti
It-terminu evanġelizzazzjoni l-ġdida ilna ħafna nisimgħuh. L-ewwel darba li ntuża uffiċjalment minn Papa kien f’nofs is-snin 80 waqt iż-żjara pastorali li Ġwanni Pawlu II għamel ġewwa Haiti, pajjiż fil-Karibew. Minn dak iż-żmien sal-lum intuża għexieren ta’ drabi mill-Papa Ġwanni Pawlu II nnifsu u mill-Papa Benedittu XVI. Intuża mhux biss f’dokumenti uffiċjali, fosthom il-Lineamenta (ippubblikati f’Ġunju 2012) bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida (Ottubru 2012) u dokumenti marbutin ma’ għadd kbir ta’ Sinodi oħra, imma wkoll f’messaġġi u omeliji tal-Papiet u ta’ Isqfijiet madwar id-dinja, fl-eżerċizzju tal-ministeru tagħhom. Jintuża mis-saċerdoti u l-lajċi fl-appostolat tagħhom. Il-materjal f’din il-ħarġa ta’ Formazzjoni u Informazzjoni u fil-ħarġiet li jmiss se jiffoka fuq din it-tema attwali: l-evanġelizzazzjoni l-ġdida f’rabta mas-Sena tal-Fidi.
Kif ġie spjegat tajjeb anke lokalment, mill-Arċisqof Pawl Cremona u l-Isqof Mario Grech, ir-ri-evanġelizzazzjoni hija x-xandir tal-Kelma mill-ġdid lil dawk il-popli li tradizzjonalment kienu jew għadhom nominalment insara, imma li birdu fl-għixien tal-fidi Kristjana. Għalhekk nitkellmu dwar il-ħtieġa li l-kerygma terġa’ titwassal lilhom mill-ġdid. Dan l-aspett fil-ħajja tal-Knisja tant ittieħed bis-serjeta’ mill-Papa Benedittu XVI li mhux biss se jlaqqa’ Sinodu tal-Isqfijiet f’Ottubru li ġej dwar din it-tema, imma wkoll iddeċieda li jwaqqaf dikasteru ġdid fil-Kurja Rumana għal dan l-istess għan.
Fil-fatt, fil-21 ta’ Settembru 2010, Benedittu XVI istitwixxa l-Kunsill Pontifiċju għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida permezz tal-Ittra Appostolika Ubicumque et Semper. Fil-konklużjoni ta’ din l-Ittra, huwa jistqarr: “Kif għidt fl-ewwel enċiklika tiegħi Deus caritas est, ‘Li tkun nisrani mhuwiex ir-riżultat ta’ xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva’. Bl-istess mod, fl-għerq ta’ kull evanġelizzazzjoni ma hemmx pjan uman ta’ espansjoni, imma minflok, ix-xewqa li taqsam ma’ ħaddieħor id-don inestimabbli li Alla xtaq jagħtina meta ried iseħibna fl-istess ħajja tiegħu’. L-aħjar mod biex bih nifhmu llum – b’mod attwali u prattiku – l-evanġelizzazzjoni l-ġdida skont il-ħsieb preżenti tal-Papa Benedittu XVI huwa li nidħlu fil-fond ta’ dak li hu stess qiegħed jipproponi dwar dan is-suġġett fl-Ittra Appostolika tiegħu Porta Fidei u f’xi diskorsi tiegħu.
Importanti li jkun ċar x’nifhmu eżattament bit-terminu evanġelizzazzjoni l-ġdida. Il-Lineamenta tas-Sinodu tal-Isqfijiet ifissrulna dan b’mod ċar: ‘Dan ma jirreferix għal xi ħaġa li hemm bżonn issir mill-ġdid għax kienet saret ħażin jew għax ma ħadmitx, bħallikieku l-azzjoni l-ġdida kienet ġudizzju impliċitu dwar il-falliment ta’ dik li saret qabel. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida mhix duplikazzjoni tal-ewwel waħda, jew sempliċi ripetizzjoni, imma hija l-kuraġġ li wieħed jaqbad mogħdijiet ġodda quddiem is-sitwazzjonijiet ġodda li fihom il-Knisja llum hija msejħa biex tgħix ix-xandir tal-Evanġelju. … L-evanġelizzazzjoni l-ġdida hija l-azzjoni li tiġi wara l-proċess ta’ dixxerniment li bih il-Knisja … hija msejħa sabiex taqra u tiżen is-sitwazzjoni li tinsab fiha’ (n.5)
Permezz tal-Ittra Appostolika Porta Fidei li ġġib id-data tal-11 t’Ottubru 2011 imma li ġiet ippubblikata fis-17 t’Ottubru, il-Papa Benedittu XVI nieda s-Sena ta’ Fidi. Din se tkun iċċelebrata mill-11 t’Ottubru 2012 (il-50 anniversarju tal-bidu tal-Konċilju Vatikan II) sal-24 ta’ Novembru 2013 (Solennita’ ta’ Kristu Sultan). Id-dokument mhuwiex wieħed twil, u aktar milli se nfissruh fil-qosor, se nippreżentaw l-evanġelizzazzjoni l-ġdida permezz ta’ xi temi rikkorrenti li hemm fl-istess Ittra, u li jispikkaw fin-nisġa tat-test tagħha. Dawn it-temi jgħinuna biex nirriflettu dwar l-esperjenza tal-fidi f’rabta mal-evanġelizzazzjoni l-ġdida.
Qabel kollox, irridu nippruvaw nifhmu ħaġa importanti: X’għan għandu l-Papa Benedittu meta jitkellem dwar l-evanġelizzazzjoni l-ġdida? X’hemm f’qalbu? Tajjeb li jkollna f’idejna l-muftieħ jew il-chiave di lettura biex nifhmu l-Ittra u l-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Huwa sinifikanti li l-Ħadd 16 t’Ottubru 2011, jiġifieri ġurnata qabel ma kienet ippubblikata l-Ittra, huwa ħabbar is-Sena tal-Fidi fi tmiem l-omelija li għamel waqt Quddiesa ċelebrata fl-għeluq tal-Ewwel Laqgħa Internazzjonali organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Għalhekk, irridu ninkwadraw is-Sena tal-Fidi u din l-Ittra f’rabta sħiħa mal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Fil-fatt, il-Papa Benedittu XVI qal li l-iskopijiet tas-Sena tal-Fidi huma: (1) li jagħti enerġija ġdida (a fresh impetus, jew aħjar fl-oriġinal Taljan li bih għamel l-omelija: per dare rinnovato impulso) lill-missjoni tal-Knisja kollha biex tmexxi l-bnedmin mid-deżert li spiss isibu ruħhom fih lejn il-post tal-ħajja – il-ħbiberija ma’ Kristu li jagħtina l-ħajja bil-kotra; (2) li tkun esperjenza ta’ grazzja u ta’ impenn għal konverżjoni aktar sħiħa lejn Alla; (3) biex insaħħu l-fidi tagħna fih; (4) li nipproklamawh bil-ferħ lill-bnedmin ta’ żminijietna. Hawnhekk, il-Papa Benedittu XVI qed jagħtina x’inhuma l-aspetti fondamentali tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida.
Dakinhar stess, ftit tal-ħin wara l-omelija li rreferejna għaliha, fid-diskors qasir qabel it-talba tal-Angelus, mit-tieqa tal-istudju privat tiegħu, il-Papa Benedittu XVI kompla jelabora dwar l-għanijiet tas-Sena tal-Fidi u t-tifsira tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida: (a) biex inġeddu il-ġmiel u ċ-ċentralita’ tal-fidi; (b) biex insaħħu l-fidi u ninżlu fil-fond fiha fuq livell personali u komunitarju; (c) wissa wkoll li dan kollu nagħmluh mhux tant b’atteġġjament ċelebrattiv, imma bi spirtu missjunarju ad gentes u għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida.
Fl-Ittra Appostolika Porta Fidei, il-Papa Benedittu XVI kompla jfisser f’aktar dettall l-iskop ta’ din is-Sena. Bħal f’mumenti oħra tal-missjoni tiegħu, ta’ teologu professjonali li hu, Benedittu XVI jistedinna mmorru lura għall-għejjun, l-għeruq tal-fidi tagħna. Jaqra s-sinjali taż-żminijiet, u jgħidilna biex niġġeddu personalment u bħala komunita’ li temmen (n.6). Permezz ta’ interpretazzjoni korretta tad-dokumenti tal-Konċilju, nistgħu ngħaddu minn esperjenza ta’ tiġdid kontinwu. Biex nifhmu aħjar l-evanġelizzazzjoni l-ġdida skont il-ħsieb ta’ Benedittu XVI, il-Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana se tkun qed nipproponi – fil-ħarġiet li ġejjin ta’ dawn is-sussidji teoloġiċi – ħames temi : temi li qegħdin fl-isfond tal-Ittra Porta Fidei u fil-qalba ta’ din il-ħidma tax-xandir tal-Kelma li l-Knisja qed tkompli timpenja ruħha għaliha.
Dun Hector Scerri
President Kummissjoni Teoloġika