L-Evanġelizzazzjoni Ġdida: Inħejju ruħna għas-Sena tal-Fidi, It-tielet parti

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (10)

26 ta’ Lulju 2012

L-EVANĠELIZZAZZJONI L-ĠDIDA:

INĦEJJU RUĦNA GĦAS-SENA TAL-FIDI

It-tielet parti

Fl-aħħar ħarġa f’din is-sensiela, irriflettejna dwar tliet temi li nsibu fl-isfond tal-Ittra Appostolika tal-Papa Benedittu XVI, Porta Fidei. Illum, li jaħbat il-50 anniversarju tal-jum meta San Ġorġ Preca ħalla din id-dinja biex jiltaqa’ mal-Ħallieq li tant qeda u tant għallem dwaru, nikkonkludu din il-preżentazzjoni permezz ta’ żewġ temi oħra li l-Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana qed toffri lill-Kleru ta’ Malta u ta’ Għawdex.

  1. Aħna u nirriflettu dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida fil-ħsieb tal-Papa Benedittu XVI, titqajjem fina din il-mistoqsija: Imma l-fidi x’inhi? Tul l-Ittra Appostolika Porta Fidei, mhux diffiċli tilmaħ – għalkemm il-Papa qatt ma juża (fl-Ittra) l-espressjonijiet li se nsemmu – referenza għal fides quae creditur u fides qua creditur – jiġifieri, rispettivament, fuq naħa l-kontenut, il-ġabra tal-fidi, jew il-Kredu, il-lex credendi; fuq in-naħa l-oħra hemm il-commitment tan-nisrani, jiġifieri l-istqarrija, ix-xhieda fil-prattika, l-azzjoni, jew il-lex vivendi. L-istqarrija ma tistax tibqa’ stqarrija arida, bl-amment, imma ssir esperjenza ħajja. Tant huwa hekk li Benedittu XVI jistqarr: “mhux biżżejjed inkunu nafu l-kontenut ta’ dak li rridu nemmnu… Min-naħa l-oħra, l-istqarrija bil-fomm turi li l-fidi titlob xhieda u impenn fil-pubbliku’ (n.10). Għaldaqstant, hawnhekk tidħol l-għotja tiegħek innifsek. Bruno Forte, li fil-bosta kitbiet tiegħu, iħobb ħafna jmur għall-għeruq tal-kliem, jgħid li l-Medjevali kienu jsostnu (waqt li jgħid li mhux bilfors kellhom raġun) li credere (temmen) ġejja minn cor-dare, jiġifieri tagħti qalbek, għotja li tfisser li tgħix it-taqtigħa miegħek innifsek (p.32). Fil-kuntest ta’ dan ir-raba’ punt, ma nistgħux ma nsemmux il-kliem ta’ Ġesu’ li wara l-ħasil ta’ saqajn l-Appostli, jiftaħ għajnejn it-Tnax meta jgħidilhom: “Issa li tafu dawn il-ħwejjeġ, ħenjin intom jekk tagħmluhom’ (Ġw 13,17). Hawn ukoll toħroġ ċara r-rabta li semmejna ftit ilu, bejn il-kontenut tal-fidi (tafu) u x-xhieda nisranija (tagħmluhom).
  1. Dan kollu li għidna sa issa f’dawn is-sussidji teoloġiċi dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida – esperjenza, vjaġġ, xandir tal-Kelma, kontenut u commitment – ma jseħħx f’bozza, jew f’laboratorju jew fis-sagristija, imma huwa dejjem kuntestwalizzat fis-soċjeta’ tal-lum li m’għadhiex soċjeta’ nisranija, anzi saret soċjeta’ li spiss hija ostili għall-valuri nsara (Porta Fidei, n.2). Pero’, f’din is-soċjeta’ hemm ukoll min qiegħed ifittex (‘ifittxu sens aħħari u l-verita’ definittiva dwar l-eżistenza tagħhom fid-dinja’ (n.10). Għalhekk, il-Papa Benedittu jfakkarna fl-importanza tal-attenzjoni tagħna għas-sinjali taż-żminijiet fil-ġrajjiet ta’ kuljum (n.15). L-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida ma sseħħx fl-astratt. Isseħħ fid-dinja, iseħħ f’soċjeta’, anke jekk din hija ostili lejn l-Aħbar it-Tajba u l-valuri marbutin magħha.

Semmejna li hemm min qiegħed ifittex. Wara kollox, ilkoll qegħdin infittxu. Anke aħna. Gwaj għalina jekk inkunu ċerti wisq minna nfusna, qisna diġa’ għandna xi biljett maqtugħ għall-ġenna! Anke int li temmen, u temmen bis-sħiħ, kuljum inti msejjaħ tagħmel l-isforz biex temmen. Bruno Forte għandu frażi sabiħa li tgħodd ħafna għal dak li għadna kemm għidna: Il credente in fondo non e’ che un povero “ateo”, che ogni giorno si sforza di cominciare a credere. Se il credente non fosse tale, la sua fede, la sua fede non sarebbe niente altro che un dato sociologico, … una delle tante ideologie che hanno ingannato il mondo e determinato l’alienazione del mondo (Confessio theologi, p.38-9). Għalhekk, b’differenza minn kull ideoloġija, il-fidi hija konverżjoni kontinwa lejn Alla, għotja kontinwa tal-qalb lil Alla, u li inti tibda dan kuljum, b’mod ġdid; kuljum iġġedded l-impenn li temmen (p.39). Dan ngħixuh dejjem f’kuntest. L-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida timplika dan ukoll.

Il-Papa, kif rajna, fl-Ittra Appostolika Porta Fidei, fakkar li hemm min qiegħed ifittex.  Bruno Forte jgħid li jekk il credente huwa ‘ateu’ li kuljum jisforza biex jibda jemmen, allura ma nistgħux forsi naraw lill-‘ateu’ bħala credente li kuljum jgħix it-taqtigħa biex kuljum jibda ma jemminx? (p.40).

 

Konklużjoni

Fl-għeluq ta’ din is-serje ta’ artikli qosra, biex inkomplu nifhmu l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida skont il-ħsieb tal-Papa Benedittu XVI, huwa utli li nisimgħu dak li huwa qal waqt id-diskors tiegħu fil-Laqgħa Plenarja tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, nhar is-27 ta’ Jannar 2012. Huwa stqarr hekk: ‘Kif nafu, f’partijiet kbar tad-dinja, il-fidi qed tirriskja li tinħonoq, bħal fjamma li m’għadhiex mitmugħa (like a flame that is no longer fed; fl-oriġinal Taljan li bih huwa d-diskors tiegħu: come una fiamma che non trova più alimento). Qed naffaċċjaw kriżi profonda tal-fidi. Li s-sens reliġjuż qed jintilef hija l-akbar sfida għall-Knisja llum. It-tiġdid tal-fidi għandu jieħu prijorita’ fil-commitment tal-Knisja kollha llum. Nittama li s-Sena tal-Fidi tikkontribwixxi, bil-koperazzjoni mill-qalb tal-membri tal-Poplu t’Alla, biex Alla jkun mill-ġdid preżenti fid-dinja, u li tagħti lill-bnedmin aċċess għall-fidi biex jafdaw lilhom infushom lil Alla li ħabbna għall-aħħar (ara Ġw 13:1), f’Ġesu’, imsallab u rxoxt’. Dan huwa l-qofol tal-messaġġ tal-Papa Benedittu XVI dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida.

X’se nagħmlu? Se naqdfu fil-fond? … biex hemm nixħtu x-xbieki tagħna? Jew nippreferu l-ilma baxx ta’ max-xatt, fejn għandna s-sigurtajiet tagħna? Jew immexxijin mill-Ispirtu s-Santu, lesti li mmorru fejn qed jibgħatna l-Mulej? Lesti biex ngħixu s-sejħa profetika tagħna? Nilqgħu l-isfidi tal-lum? Nilqgħu personalment l-isfidi tal-Kelma fil-kuntest tal-lum? Kemm qed nipproponu dawn l-isfidi lill-individwi u lill-komunitajiet li aħna responsabbli tagħhom?

Għandna f’idejna l-esperjenza tal-fidi: għandna l-Ortodossija (jiġifieri l-kontenut tal-fidi u t-tagħlim u r-riflessjoni) u l-Ortoprassi (jiġifieri l-għixien tal-fidi b’mod prattiku permezz ta’ xhieda awtentika). Dawn iż-żewġ aspetti huma kumplimentari. Qishom iż-żewġ ġwienaħ tal-esperjenza tal-fidi nisranija. Is-sejħa għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida hija bħal xprun għad-dixxerniment personali. Tajba wkoll għad-dixxerniment ekkleżjali fuq livell parrokkjali, fuq livell ta’ komunitajiet reliġjużi, kif ukoll fuq livell djoċesan. Tajba biex nġeddu l-impenn tagħna li fil-Knisja lokali tagħna u fis-soċjeta’ Maltija nkunu melħ, dawl u ħmira.

Dun Hector Scerri

Kummissjoni Teoloġika

%d bloggers like this: