L-Inkarnazzjoni tistedinna għal Rivoluzzjoni ta’ Ħlewwa: L-Inkarnazzjoni fit-Tagħlim ta’ Papa Franġisku

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (30)

9 ta’ Diċembru 2014

L-Inkarnazzjoni tistedinna għal Rivoluzzjoni ta’ Ħlewwa:
L-Inkarnazzjoni fit-Tagħlim ta’ Papa Franġisku

Nisimgħu ħafna, fl-aħbarijiet, dwar dak li jkun qal Papa Franġisku fl-omeliji u l-udjenzi li huwa jagħti.  Ċerti soundbites tal-ġurnalisti dwar dak li jkun qal il-Papa saru spissi, u xi drabi, anke interpretati ħażin.  Spiss, l-aħbarijiet u l-midja diġitali jagħtu importanza dwar xi intervista li l-Papa jieħu sehem fiha meta l-ġurnalisti li jkun hemm miegħu fuq l-ajruplan – waqt wieħed mill-vjaġġi pastorali tiegħu – jistaqsuh dwar ħafna temi.  Dan l-aħħar, il-midja taw, kif kien mistenni, importanza għal dak li Papa Franġisku qal fiż-żjajjar ferm sinifikattivi fi Strasbourg (fejn indirizza l-istituzzjonijiet Ewropej) u ġewwa t-Turkija fejn huwa ltaqa’ mal-Patrijarka Bartilmew.

Naħseb li ftit huma dawk li japprezzaw biżżejjed it-tagħlim ta’ Papa Franġisku dwar il-misteru tal-Inkarnazzjoni.  Il-Maġisteru tiegħu sa issa dwar dan il-misteru li qed niċċelebrawh f’dawn il-jiem insibuh fl-Enċiklika Lumen Fidei u fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium.

L-ewwel enċiklika ta’ Papa Franġisku, Lumen Fidei (29 ta’ Ġunju 2013) hi dwar il-virtù teologali tal-fidi.  Imħejjija fuq l-abbozz li kien diġà ħadem fuqu Papa Benedittu xvi, qabel ma huwa ħalla l-Uffiċċju Petrin, Papa Franġisku jgħallimna dwar ir-rigal tal-fidi u kif aħna l-Insara msejħin ngħixuh fil-mixja spiritwali tagħna.  Dak iż-żmien konna qed niċċelebraw is-Sena tal-Fidi (2012-2013).

Il-Papa jirreferi għall-Prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann meta jistqarr li “Ġesù… jiġi quddiemna bħala dak li jfissrilna lil Alla (ara Ġw 1,18).  Il-ħajja ta’ Kristu – il-mod kif hu jagħraf il-Missier, kif jgħix b’mod sħiħ ir-rabta miegħu – tiftaħ spazju ġdid għall-esperjenza tal-bniedem u aħna nistgħu nidħlu fiha” (n. 18).  F’rabta mat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan ii f’Gaudium et Spes, n. 22, u mal-Maġisteru tal-Papiet li ġew qablu, Papa Bergoglio jisħaq fuq il-kobor tal-verità li aħna l-bnedmin nidħlu f’relazzjoni speċjali ma’ Alla permezz tal-Inkarnazzjoni.  Kemm hu qawwi u sabiħ il-kliem tal-Papa meta jfakkarna li “l-Iben ta’ Alla ħa ġisem bħal tagħna, u hekk il-viżjoni tiegħu tal-Missier seħħet ukoll b’mod uman, permezz ta’ mixja u triq fiż-żmien.  Il-fidi Nisranija hija fidi fl-Inkarnazzjoni tal-Verb u fil-Qawmien tiegħu fil-ġisem” (n. 18)!

Il-Papa jgħallimna kemm l-Iben ta’ Alla tqarreb lejna meta sar bniedem bħalna.  Seħibna miegħu: “bl-Inkarnazzjoni u l-Qawmien tiegħu, l-Iben ta’ Alla ħaddan il-mixja sħiħa tal-bniedem… il-fidi taf li Alla resaq ħafna qrib tagħna” (n. 20).  Aktar ’l isfel fl-Enċiklika tiegħu Lumen Fidei, Papa Franġisku jisħaq fuq il-verbi tara, tisma’ u temmen, ilkoll ċentrali fl-Evanġelju skont San Ġwann.  Nistgħu naraw lill-Iben u nisimgħuh għax sar bniedem tassew.  Il-Papa jikteb: “Kif naslu għal din is-sinteżi bejn is-smigħ u li tara?  Din issir possibbli jekk nitilqu mill-persuna konkreta ta’ Ġesù, li narawh u nisimgħuh.  Huwa l-Kelma magħmula bniedem, li tiegħu rajna l-glorja (ara Ġw 1,14).  Id-dawl tal-fidi hu dak ta’ Wiċċ li fih jidher il-Missier” (n. 30).

Din ir-riflessjoni personali tal-Iben ta’ Alla magħna l-bnedmin tispikka minħabba l-verità li “nintmessu f’qalbna” (n. 31) minnu.  Dan huwa Alla tagħna li hu l-Għimmanu-El, Alla-magħna, u Alla-għalina l-bnedmin.  Il-Papa jfakkarna li “hekk deher Alla personali tal-Bibbja, kapaċi jkellem lill-bniedem, li jinżel jgħix miegħu u jsieħeb il-mixja tiegħu fl-istorja” (n. 33).  Papa Franġisku jisħaq mill-ġdid dwar il-“konkretezza” tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni meta jirreferi għat-tagħlim ta’ Sant’Irinew kontra l-Injostiċi ta’ żmienu.  Il-Papa jenfasizza l-verità li l-Iben ta’ Alla tassew sar bniedem bħalna f’mument storiku partikulari: “Sant’Irinew… jgħid li l-fidi hi waħda, għax dejjem tgħaddi mill-punt konkret tal-Inkarnazzjoni, mingħajr ma tmur lil hinn mill-ġisem u l-istorja ta’ Kristu, mill-waqt li Alla ried juri ruħu bis-sħiħ fiha” (n. 47).

Lejn tmiem l-Enċiklika, il-Papa jirrifletti dwar ir-rwol ta’ Marija fil-ħajja ta’ Binha, u l-fidi li hija wriet fil-Misteri tiegħu.  Jitkellem dwar il-maternità vera ta’ Marija li, għalhekk, “assigurat għall-Iben ta’ Alla storja umana vera, ġisem veru li fih hu jmut fuq is-salib u jqum mill-imwiet” (n. 59).

Ftit aktar minn sena ilu, Papa Franġisku, fl-għeluq tas-Sena tal-Fidi, ippubblika l-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Evangelii Gaudium (24 ta’ Novembru 2013).  Dan id-dokument tal-Maġisteru Pontifiċju jittratta s-sejħa tagħna l-imgħammdin li nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, nisimgħuha, u nħalluha tibdilna mill-qiegħ, biex imbagħad, inkunu “Knisja li toħroġ” li tilħaq il-bnedmin kollha, l-aktar dawk li jinsabu fil-periferija eżistenzjali ta’ żminijietna.  Din l-Eżortazzjoni toffri sfida lil kull wieħed u waħda minna – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – biex kuljum nagħrfu r-responsabilità tagħna li nkunu missjunarji ħabrieka u kreattivi fid-dinja tallum.

Dwar l-Inkarnazzjoni, insibu xi siltiet sbieħ li jkomplu jimlew ’il qlubna f’dan iż-żmien li jwassalna għall-Milied u ċ-ċelebrazzjoni tiegħu.  Meta jitħaddet dwar ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej Ġesù u kif din ir-rabta ssebbaħ u tagħni r-relazzjonijiet ma’ ħutna l-bnedmin, Papa Franġisku jikkritika ’l dawk li llum “jixtiequ Kristu purament spiritwali, bla laħam u bla salib”.  Huwa jgħallimna li “l-fidi awtentika fl-Iben ta’ Alla magħmul laħam ma nistgħux nifirduha mid-don tagħna nfusna, mill-appartenenza għall-komunità, mis-servizz… l-Iben ta’ Alla, fl-Inkarnazzjoni tiegħu, stedinna għar-rivoluzzjoni tal-ħlewwa” (n. 88).  Hawnhekk qegħdin naraw kif il-Papa qed jorbot il-kobor tal-Misteru tal-Verb Inkarnat mar-realtà tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Huwa jistedinna biex dan il-Misteru jagħmel minna ħabbara awtentiċi tat-tjubija u l-ħniena ta’ Alla.

Imnebbaħ mill-ispiritwalità Injazjana li huwa jħaddan bħala Ġiżwita, Papa Franġisku jorbot flimkien l-istqarrija tal-fidi u l-impenn soċjali.  Dan huwa aspett importanti għall-Insara ta’ kull żmien – il-kumplimentarjetà bejn l-azzjoni u l-kontemplazzjoni.  Huwa jikteb: “nistqarru li l-Iben ta’ Alla ħa l-laħam tal-ġisem tagħna ta’ bnedmin ifisser li kull bniedem ġie mgħolli għall-istess qalb ta’ Alla” (n. 178).  Din il-verità kbira tgħabbina bir-responsabilità li aħna li nagħmlu esperjenza tal-imħabba ta’ Alla, inwasslu din l-imħabba fis-soċjetà tallum u fl-istrutturi tagħha.  In-Nisrani, hekk ikun melħ, dawl u ħmira fid-dinja sekularizzata tallum.

Fl-aħħarnett, Papa Franġisku jisħaq mill-ġdid dwar ir-relevanza tal-Inkarnazzjoni fir-relazzjonijiet soċjali tagħna, u kif dal-misteru llum ukoll irid ikun inkulturat: “il-kriterju tar-realtà, ta’ Kelma li diġà tlaħħmet u li dejjem tfittex li titlaħħam, hu essenzjali għall-evanġelizzazzjoni” (n. 233).  Il-Verb ta’ Alla sar bniedem għalina l-bnedmin f’kull żmien, post, kultura u sitwazzjoni.

Dawn ir-riflessjonijiet juruna l-attwalità tat-tagħlim ta’ Papa Franġisku, anke dwar il-Misteru tal-Inkarnazzjoni.  Jalla dan il-kliem tal-Vigarju ta’ Kristu nixtarruh, napprezzawh, ngħixuh u nwassluh lil dawk li niltaqgħu magħhom.

 

Dun Hector Scerri

President – Kummissjoni Teoloġika