83. “Min mhux miżżewweġ jieħu ħsieb l-affarijiet tal-Mulej, kif jogħġob lill-Mulej”

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  30/06/1982.

1. San Pawl, waqt li jispjega fil-kapitolu 7 tal-ewwel ittra lill-Korintin il-kwistjoni taż-żwieġ u tal-verġinità (jew aħjar tar-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet), ifittex li jqanqal il-kawża għal liema min jagħżel iż-żwieġ jagħmel “tajjeb” u min għall-kuntrarju, jiddeċiedi favur ħajja fir-rażan, jew aħjar fil-verġinità, jagħmel “aħjar”.

Infatti huwa jikteb hekk: “Dan ngħidilkom ħuti: iż-żmien issa qsar; minn issa ‘l hemm, dawk li għandhom mara, jgħixu bħallikieku m’għandhomx . . .”; u mbagħad: “dawk li jixtru, bħallikieku m’għandhom xejn; dawk li jinqdew bid-dinja, bħallikieku ma jinqdewx għal kollox: għaliex ix-xena ta’ din id-dinja tgħaddi! Jien irrid narakom mingħajr preokkupazzjonijiet . . .” (1 Kor 7, 29.30-32).

2. L-aħħar kliem tat-test ikkwotat juri li Pawlu  qed jirreferi fl-argumentazzjoni tiegħu ukoll għall-esperjenza propja, għal liema l-argumentazzjoni tiegħu ssir personali. Mhux biss jifformula il-bidu u jfittex li jimmotivah bħala tali, imma jorbot mar-riflessjonijiet u mal-konvinzjonijiet personali, imnissla mill-prattika tal-parir evanġeliku taċ-ċelibat. Mill-qawwa perswasiva tiegħu jixhed l-espressjonijiet u l-lokuzjonijiet singuli. L-Appostlu mhux biss jikteb lill-Korintin tiegħu: “Nixtieq li lkoll kontu bħali” (1 Kor 7, 7), imma jmur oltre, meta, b’referenza għall-irġiel li jidħlu għaż-żwieġ, jikteb: “Madankollu dawk ikollhom it-tribulazzjonijiet fil-ġisem, u jien irrid niffrankahomlhom” (1 Kor 7, 28). Mill-bqija din il-konvinzjoni personali tiegħu kienet diġa espressa fl-ewwel kliem tal-kapitolu sebgħa tal-istess ittra, waqt li rrefera, alavolja biex jimmodifikaha, din l-opinjoni tal-Korintin: “Kwantu mbagħad għall-affarijiet li ktibtuli, tkun ħaġa tajba għar-raġel li ma jmissx mara . . .”  (1 Kor 7, 1).

3. Hawn nistgħu nagħmlu d-domanda: liema “tribulazzjonijiet fil-ġisem” kellu f’moħħu Pawlu? Kristu kien tkellem biss mit-tbatijiet (jew aħjar “niket”) li tħoss il-mara meta tiġi biex “twelled lit-tarbija”, waqt li madankollu enfasizza il-ferħ (cf. Gw 16, 21) li bih tintela bħala kumpens ta’ dawk it-tbatijiet, wara t-twelid tat-tarbija: il-ferħ tal-maternità. Pawlu, iżda, jikteb dwar “it-tribulazzjonijiet tal-ġisem”, li jistennew lill-miżżewġin. Forsi din hija l-espressjoni ta’ stmerrija personali tal-Appostlu fir-rigward taż-żwieġ? F’din l-osservazzjoni rejalistika hemm bżonn naraw twissija ġusta għal dawk li – bħal kultant iż-żgħażagħ – jqisu li l-għaqda u l-konvivenza konjugali għandhom iġibulhom biss ferħ u kuntentizza. L-esperjenza tal-ħajja turi li l-miżżewġin jibqgħu mhux rarament diżillużi f’dak li maġġorment stennew. Il-ferħ tal-għaqda jġib miegħu wkoll dawk “it-tribulazzjonijiet tal-ġisem”, li dwarhom jikteb l-Appostlu fl-ittra lill-Korintin. Dawn spiss huma “tribulazzjonijiet” ta’ natura morali. Jekk b’dan huwa ried jgħid li l-veru mħabba konjugali – propju dik li minħabba fiha “r-raġel . . . jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed”  (Ġen 2, 24) – hija wkoll imħabba diffiċli, bla dubju jibqà fuq l-art tal-verità evanġelika u mhemm ebda raġuni biex  naraw sintomi tal-atteġġjament li iktar tard, kellu jikkaratterizza l-manikeiżmu.

4. Kristu, fi kliemu dwar ir-rażan għas-Saltna ta’ Alla, ma jfittex bl-ebda mod li jiggwida lis-semmiegħa lejn iċ-ċelibat jew lejn il-verġinità, billi jindikalhom “it-tribulazzjonijiet” taż-żwieġ. Pjuttost wieħed iħoss li huwa jfittex jenfasizza diversi aspetti, umanament li jweġġgħu, biex wieħed jiddeċiedi dwar ir-rażan: kemm ir-raġuni soċjali, kif ukoll ir-raġunijiet ta’ natura soġġettiva, jwasslu lil Kristu li jgħid lir-raġel li jieħu tali deċiżjoni, li hu se jagħmel lilu nnifsu “ewnuku”, jiġifieri b’mod volontarju se jħaddan ir-rażan. Imma propju grazzi lil dan, jaqbeż ferm ċar is-sinifikat kollu soġġettiv, il-kobor u l-eċcezzjonalità ta’ tali deċiżjoni: is-sinifikat ta’ tweġiba matura għal don partikolari tal-Ispirtu.

5. Xejn differenti jifhem il-parir ta’ rażan San Pawl fl-ittra tiegħu lill-Korintin, imma hu jesprimih b’mod differenti. Infatti, jikteb: “Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien issa qsar . . .” (1 Kor 7, 29), u ftit iktar ‘il quddiem: “Tgħaddi x-xena ta’ din id-dinja . . .” (1 Kor 7, 31). Din l-osservazzjoni dwar  il-ħarba taż-żmien tal-eżistenza umana u t-tranżitorjetà tad-dinja temporali, f’ċertu sens dwar l-aċċidentalità ta’ dak kollu li huwa maħluq, għandu jassikura li “dawk li għandhom mara, jgħixu bħallikieku m’kellhomx” (1 Kor 7, 29; cf. 7, 31), u fl-istess ħin iħejji l-art għat-tagħlim dwar ir-rażan. Fil-qalba tar-raġunament tiegħu, infatti, Pawlu jpoġġi s-sentenza ewlenija li tistà tiġi magħquda mal-espressjoni ta’ Kristu, unika fil-ġeneru tagħha, dwar it-tema tar-rażan għas-Saltna ta’ Alla  (cf. Mt 19, 12).

6. Waqt li Kristu jenfasizza l-kobor tar-rażan, inseparabbli minn tali deċiżjoni, Pawlu juri speċjalment kif hemm bżonn tifhem is-“Saltna ta’ Alla”, fil-ħajja tal-bniedem, li rrinunzja għaż-żwieġ minħabba fiha. U waqt li l-paralelliżmu triplu tal-espressjoni ta’ Kristu jilħaq il-quċċata fil-verb li jfisser l-kobor tar-rażan assunt volontartjament (“u hemm oħrajn li saru ewnuki għas-Saltna tas-Smewwiet”) (Mt 19, 12), Pawlu jiddefenixxi s-sitwazzjoni b’kelma waħda biss: “Min mhux miżżewweġ” (àgamos); iktar ‘il quddiem iżda jirrendi l-kontenut kollu tal-espressjoni “Saltna tas-Smewwiet” f’sintesi splendida. Infatti, huwa jgħid: “Min mhux miżżewweġ jieħu ħsieb l-affarijiet tal-Mulej, kif jogħġob lill-Mulej” (1 Kor 7, 32). Kull kelma f’din l-espressjoni jistħoqqilha analiżi speċjali.

7. Il-kuntest tal-verb “konċernat” jew “tfittex” fil-Vanġelu ta’ Luqa, dixxiplu ta’ Pawlu, jindika li verament hemm bżonn tfittex biss is-Saltna ta’ Alla  (cf. Lq 12,31), dak li jikkostitwixxi “l-aħjar parti”, l-“unum necessarium” (cf. Lq 10, 41). U Pawlu nnifsu jitkellem b’mod dirett dwar “ it-tħassib tiegħu għall-Knejjes kollha” (2 Kor 11, 28), dwar ir-riċerka ta’ Kristu permezz tas-solleċitudni għall-problemi tal-aħwa, għall-membri tal-Ġisem ta’ Kristu (cf. Fil 2, 20-21; 1 Kor 12, 25). Diġa minn dan il-kuntest joħroġ il-kamp vast kollu tat-“tħassib”, li għalih ir-raġel mhux miżżewweġ jista jiddedika totalment ħsiebu, l-isforzi tiegħu u qalbu. Infatti, ir-raġel, jistà jkun biss “jikkonċerna ruħu” b’dak li verament ikun jikkonċernah.

8. Fl-espressjoni ta’ Pawlu, min mhux miżżewweġ jikkonċerna ruħu fl-affarijiet tal-Mulej (tà toû kyrìou). B’din l-espressjoni konċiża Pawlu jħaddan r-realtà oġġettiva tas-Saltna ta’ Alla kollha kemm hi.

“Tal-Mulej hija l-art u dak kollu li jinsab fiha”, jġħid huwa stess iktar ‘il quddiem f’din l-ittra (1 Kor 10, 26; cf. Sal 23 [24], 1).

L-oġġett tas-solleċitudni tan-nisrani huwa d-dinja kollha! Imma Pawlu bl-isem ta’ “Mulej” jikkwalifika qabel xejn lil Ġesù Kristu (cf. ex. gr.,Fil 2, 11), u għalhekk “l-affarijiet tal-Mulej” ifissru l-ewwelnett “is-Saltna ta’ Kristu”, Ġismu li huwa l-Knisja (cf.Kol 1, 18) u dak kollu li jikkontribwixxi għat-tkabbir tagħha. Minn dan kollu jikkonċerna ruħu r-raġel mhux miżżewweġ u għalhekk Pawlu, billi kien fil-propju sens tal-kelma “appostlu ta’ Ġesù Kristu”  (1 Kor1, 1) u ministru tal-Vanġelu (cf. Kol 1, 23), jikteb lill-Korintin: “Nixtieq li kontu lkoll bħali” (1 Kor 7, 7).

9. Madankollu, iż-żelu apostoliku u l-attività l-iktar fruttifikanti għad ma jeżawrixxux dak li hemm fil-motivazzjoni pawlina tar-rażan. Nistgħu saħansitra ngħidu li l-għerq u s-sors tagħhom jinsab fit-tieni parti tas-sentenza, li turi r-realtà soġġettiva tas-Saltna ta’ Alla: “Min mhux miżżewweġ jikkonċerna ruħu . . ., kif jistà jogħġob lill-Mulej”. Din l-osservazzjoni tħaddan il-kamp kollu tar-relazzjoni personali tal-bniedem ma’ Alla. “Jogħġob lil Alla” – l-espressjoni tinsab f’kotba antiki tal-Bibbja (cf. ex gr., Dt 13, 19) – hija sinonima ta’ ħajja fil-grazzja ta’ Alla, u tesprimi l-atteġġjament ta’ dak li jfittex lil Alla, jew aħjar ta’ min iġib ruħu skont ir-rieda tiegħu, hekk li jkun milqugħ minnu. F’wieħed mill-aħħar kotba tal-Iskrittura Mqaddsa din l-espressjoni ssir sintesi tejoloġika tal-qdusija. San Ġwann japplikaha darba biss għal Kristu: “Jien dejjem nagħmel l-affarijiet li huma milqugħa minnu (mill-Missier)” (Gw 8, 29). San Pawl josserva fl-ittra lir-Rumani li Kristu “ma fittixx li jogħġob lilu nnifsu” (Rm 15, 3).

Bejn dawn iż-żewġ osservazzjonijiet jinġabar dak kollu li jikkostitwixxi l-kontenut tal-“jogħġob lill-Mulej”, mifhum fit-Testment il-Ġdid bħala kif issegwi l-passi ta’ Kristu.

10. Donnu li ż-żewġ partijiet tal-espressjoni pawlina jirkbu lil xulxin: infatti, jikkonċerna ruħu b’dak li “jappartjeni lill-Mulej”, tal “affarijiet tal-Mulej”, irid “jogħġob lill-Mulej”. Minn banda oħra, dak li jogħġob lil Alla ma jistax ikun li jingħalaq fih innifsu, imma jinfetaħ għad-dinja, għal dak kollu li jistà jreġġgħu lura għal Kristu. Dawn huma, evidentement, żewġ aspetti biss tal-istess realtà ta’ Alla u tas-Saltna tiegħu. Pawlu, madankollu, kellu jiddistingwihom, biex juri b’mod iktar ċar in-natura u l-possibiltà tar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”.

Infittxu li nerġgħu lura mill-ġdid għal din it-tema.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: