84. Kull wieħed għandu il-propju don mingħand Alla, min b’mod u min b’ieħor

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  07/07/1982.

1.Matul il-laqqgħa tal-Erbgħa li għadda fittixna li napprofondixxu l-argumentazzjoni, li dwarha jikteb San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin biex jikkonvinċi lid-destinatarji tiegħu li dak li jagħżel il-verġinità (jew aħjar ir-rażan skont l-ispirtu tal-parir evanġeliku) jagħmel “aħjar”  (1 Kor 7, 38). Waqt li llum inkomplu din il-meditazzjoni, niftakru li skont San Pawl “min mhux miżżewweġ jinkwieta ruħu . .  . kif jistà jogħġob lill-Mulej” (1 Kor 7, 32).

Illi “togħġob lill-Mulej” għandu bħala sfond, l-imħabba. Dan l-isfond joħroġ minn konfront ulterjuri: min mhux miżżewweġ jinkwieta kif jistà jogħġob lil Alla, waqt li r-raġel miżżewweġ irid jinkwieta wkoll kif se jikkuntenta lil martu. Hawn jidher, f’ċertu sens, il-karattru sponsali tar-“rażan għas-Saltna ta’ Alla”. Il-bniedem ifittex dejjem li jogħġob lill-persuna maħbuba. Li “togħġob lil Alla mhuwiex mela nieqes minn dan il-karattru, li jiddistingwi r-relazzjoni interpersonali tal-għarajjes. Minn banda, dan huwa sforz tal-bniedem li jfittex lil Alla u jfittex il-mod kif jogħġbu, jiġifieri li jesprimi b’mod attiv l-imħabba; mill-banda l-oħra, ma’ din l-aspirazzjoni jikkorrispondi sodisfazzjon ta’ Alla li, waqt li jaċċetta l-isforzi tal-bniedem, jinkuruna l-propja opra bl-għoti ta’ grazzja ġdida: infatti sa mill-bidu din l-aspirazzjoni kienet rigal tiegħu. Li “tinkwieta kif togħġob lil Alla” huwa mela kontribut tal-bniedem għad-djalogu kontinwu tal-fidwa,  mibdi minn Alla. Evidentement fih jieħu sehem kull nisrani li jgħix bil-fidi.

2. Madankollu, Pawlu josserva li r-raġel marbut bir-rabta matrimonjali “jsib ruħu maqsum” (1 Kor 7, 34) minħabba d-dmirijiet tiegħu familjari (cf. 1 Kor 7, 34). Minn din l-osservazzjoni donnu mela jirriżulta li l-persuna mhix miżżewġa tgħandha tkun ikkaratterizzata minn integrazzjoni nterna, minn unifikazzjoni, li jippermettulha tiddedika ruħha kompletament għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla fid-dimensjonijiet kollha tiegħu. Tali atteġġjament jippresupponi l-astensjoni miż-żwieġ, b’mod esklussiv “għas-Saltna ta’ Alla”, u ħajja ndirizzata unikament għal dan l-iskop.  Diversament, “il-qsim” jistà  nkiss inkiss jidħol ukoll fil-ħajja ta’ wieħed mhux miżżewweġ, li, billi jkun nieqes minn banda mill-ħajja miżżewġa u mill-banda l-oħra minn skop ċar li għalih irid jirrinunzja għaliha, jistà jsib ruħu quddiem ċertu vojt.

3. L-Appostlu donnu jaf sewwa dan kollu, u jgħaggel jispeċifika li huwa ma jridx “jitfà  ġebla” lil dak li jagħti parir biex ma jiżżewwiġx, imma dan jagħmlu biex jindirizzah għal dak li huwa dehen u li jżommu marbut mal-Mulej mingħajr distrazzjoni  (cf. 1 Kor 7, 35). Dawn il-kliem iġibulna f’moħħna dak li Kristu waqt l-Aħħar Ċena, skont il-Vanġelu ta’ Luqa, jgħid lill-Appostli: “Intom dawk li pperseveraw miegħi fil-provi tiegħi (letteralment, “fit-tentazzjonijiet”); u jien se nħejji għalikom Saltna, bħalma l-Missier ħejja għalija” (Lq 22, 28-29). Min mhux miżżewweġ “billi huwa magħqud mal-Mulej”, jistà jkun ċert li d-diffikultajiet tiegħu isibu komprensjoni: “Infatti m’għandniex sommu saċerdot li ma jafx jissimpatizza l-mard tagħna, billi huwa nnifsu kien ippruvat f’kull ħaġa, eskluż id-dnub” (Eb 4, 15). Dan jippermetti lill-persuna mhix miżżewġa mhux tant li togħdos esklussivament fil-problemi personali possibbli, daqs kemm li tinkludihom fil-kurrent kbir tat-tbatijiet ta’ Kristu u ta’ Ġismu li huwa l-Knisja.

4. L-Appostlu juri b’liema mod nistgħu “inkunu magħqudin fil-Mulej”: dan nistgħu nilħquh billi naspiraw għal permanenza kostanti miegħu, għal ferħ tal-preżenza tiegħu  (eupáredron), mingħajr ma nħallu lilna nfusna naljenaw mill-ħwejjeġ mhux essenzjali (aperispástos) (cf. 1 Kor 7, 35).

Pawlu jippreċiża dan il-ħsieb mill-ġdid b’mod iktar ċar, meta jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-mara miżżewġa u dwar dik li għażlet il-verġinità jew m’għandhiex iktar lil żewġha. Waqt li l-mara miżżewġa trid tħabbel moħħha “kif tistà togħġob lil żewġha”, dik mhix miżżewġa “tieħu ħsieb l-affarijiet tal-Mulej, biex tkun qaddisa fil-ġisem u fl-ispirtu” (1 Kor 7, 34).

5. Biex naqbdu b’mod adegwat il-profondità kollha tal-ħsieb ta’ Pawlu, hemm bżonn nosservaw li l-“qdusija”, skont il-konċett bibbliku, hija pjuttost stat milli azzjoni: hija għandha karattru qabel xejn ontoloġiku u mbagħad ukoll morali. Speċajalment fit-Testment il-Qadim, hija “separazzjoni” minn dak li mhux soġġett għall-influwenza ta’ Alla, li huwa “profanum”, biex jappartjeni b’mod esklussiv għal Alla. Il-“qdusija fil-ġisem u fl-ispirtu”, mela, tfisser is-sagralità tal verġinità jew taċ-ċelibat, aċcettati għas-“Saltna tas-Smewwiet”. U fl-istess ħin, dak li huwa offrut lil Alla għandu jiddistingwi ruħu bil-purezza morali u allura jippresupponi mġieba “mingħajr tebgħa jew tikmixa”, “qaddis u immakulat”, skont il-mudell verġinali tal-Knosja li tinsab quddiem Kristu (Ef 5, 27).

L-Appostlu f’dan il-kapitolu tal-ittra lill-Korintin, imiss il-problemi taż-żwieġ u taċ-ċelibat jew tal-verġinità b’mod profondament uman u rejalistiku, waqt li jagħti kont tal-mentalità tad-destinatarji tiegħu. L-argumentazzjoni ta’ Pawlu hija, sa ċertu qies, “ad hominem”. Id-dinja l-ġdida, l-ordni l-ġdid tal-valuri li huwa jxandar, hemm bżonn li tiltaqà, fl-ambjent tad-destinatarji tiegħu ta’ Korintu, ma’ “dinja” oħra u ma’ ordni ta’ valuri ieħor, differenti wkoll minn dak li għalih kien wasal il-kliem ippronunzjat minn Kristu.

6. Jekk Pawlu, bid-duttrina tiegħu dwar iż-żwieġ, jirreferi għall-għabex tad-dinja u tal-ħajja umana fiha, bla dubju dan jagħmlu b’referenza għall-ambjent, li, f’ċertu sens, kien orjentat b’mod programmatiku għall-“użu tad-dinja”. Kemm huwa sinifikattiv, minn dan il-punt di vista, l-appell tiegħu “għal dawk li jużaw id-dinja” billi jagħmluh “bħallikieku ma jużawhiex għal kollox” (1 Kor 7, 31). Mill-kuntest immedjat jirriżulta li wkoll iż-żwieġ, f’dan l-ambjent, kien intiż bħala mod għalbiex “tuża d-dinja”- differentement minn kif kien fit-tradizzjoni iżraelitika kollha (minkejja diversi żnaturamenti, li Ġesù indika fid-djalogu mal-Fariżej, jew inkella fid-Diskors tal-Muntanja). Bla dubju ta’ xejn, dan kollu jispjega l-istil tat-tweġiba ta’ Pawlu. L-Appostlu kien jaf sewwa li, waqt li jinkuraġġixxi għall-astensjoni miż-żwieġ, kellu fl-istess ħin  jixħet dawl fuq mod ta’ fehim taż-żwieġ li jkun konformi mal-ordni kollu evanġeliku tal-valuri. U dan kollu jagħmlu bl-ikbar realiżmu, waqt li jżomm quddiem għajnejh l-ambjent li kien qiegħed jindirizza, l-ideat u l-modi tal-valutazzjoni tal-affarijiet, fih dominanti.

7. Għall-irġiel li kienu jgħixu f’ambjent, fejn iż-żwieġ kien meqjus qabel kollox bħala wieħed mill-modi “kif tuża d-dinja”, Pawlu mela , jippronunzja ruħu bi kliem sinifikattiv kemm dwar il-verġinità jew iċ-ċelibat (kif rajna), kemm ukoll dwar iż-żwieġ stess: “Lill-miżżewġin u lir-romol ngħidilhom: hija ħaġa tajba għalihom li jibqgħu bħal ma jien jien; imma jekk ma jafux jgħixu fir-rażan, jiżżewġu; huwa aħjar li jiżżewġu milli jinħarqu” (1 Kor 7, 8-9). Kważi l-istess idea kienet espressa minn Pawlu diġa qabel: “Imbagħad inkwantu għar-rigward ta’ dak li ktibtuli, hija ħaġa tajba għar-raġel li ma jmissx il-mara; madankollu, minħabba l-perikolu tal-inkontinenza, kull wieħed għandu lill-propja martu u kull mara lill-propju żewġha” (1 Cor 7, 1-2).

8. Jistà jkun li l-Appostlu, fl-ewwel ittra lill-Korintin, iħares lejn iż-żwieġ esklussivament mill-punt divista ta’ “remedium concupiscentiae”, kif kien solitu jingħad fil-lingwaġġ tejoloġiku tradizzjonali? L-espressjonijiet rappurtati ftit ‘il fuq donnhom li jixhdu dan. Intant, fil-viċinanza mmdejata tal-formulazzjonijiet rappurtati, naqraw sentenza li twassalna biex naraw b’mod differenti t-totalità tat-tagħlim ta’ San Pawl, miġbur fil-kapitolu 7 tal-ewwel ittra lill-Korintin: “Irrid li lkoll tkunu bħali (huwa jirrepeti l-argument preferut tiegħu favur l-astensjoni miż-żwieġ); – kull wieħed għandu d-don propju mingħand Alla, min b’mod, u min b’ieħor” (1 Kor 7, 7). Mela, ukoll dawk li jagħżlu ż-żwieġ u jgħixu fih jirċievu mingħand Alla “rigal”, ir-“rigal propju”, jiġifieri il-grazzja propja ta’ tali għażla, ta’ dan il-mod ta’ għixiem, ta’ dan l-istat. Ir-rigal riċevut mill-persuni li jgħixu fiż-żwieġ huwa differenti minn dak riċevut mill-persuni li jgħixu fil-verġinità u jagħżlu r-rażan għas-Saltna ta’ Alla; xejn inqas huwa huwa veru “rigal ta’ Alla”, rigal “propju”, iddestinat għal persuni konkreti, u “speċifiku”, jiġifieri addattat għall-vokazzjoni ta’ ħajja tagħhom.

9. Wieħed mela jistà jgħid li, waqt li l-Appostlu, fil-karatterizzazzjoni tiegħu taż-żwieġ da parti “umana” (u forsi iktar da parti tas-sitwazzjoni lokali li kienet tiddomina Korintu) jenfasizza b’mod qawwi ħafna il-motivazzjoni “fir-rigward għall-konkupixxenza tal-ġisem”, fl-istess ħin huwa jinnota, b’xejn inqas qawwa ta’ konvinzjoni, ukoll il-karattru sagramentali u “kariżmatiku” tagħha. Bl-istess ċarezza, li biha jara s-sitwazzjoni tal-bniedem f’relazzjoni mal-konkupixxenza tal-ġisem, huwa jara wkoll l-azzjoni tal-grazzja f’kull bniedem – f’dak li jgħix fiż-żwieġ u f’dak li jagħżel b’mod volontarju r-rażan – waqt li jżomm preżenti li “tgħaddi ix-xena ta’ din id-dinja”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: