104. Il-kliem tal-għarajjees “Nieħu lilek …” huma biss is-sinjal tal-attwazzjoni taż-żwieġ u mhux l-attwazzjoni nfisha

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  05/01/1983.

1. “Jien . . . nieħu lilek . . . bħala marti”; “Jien . . . nieħu lilek . . . bħala żewġi”: dawn il-kliem huma fiċ-ċentru tal-liturġija taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja. Dan il-kliem jippronunzjaw l-għarajjes waqt li jdaħħluhom fil-formula segwenti tal-kunsens: “. . . inwiegħed li nkun dejjem fidil lejk, fil-ferħ u fin-niket, fis-saħħa u fil-mard, u li nħobbok u nonorak il-jiem kollha ta’ ħajti”. 

B’tali kliem l-għarajjes jintrabtu fiż-żwieġ u fl-istess ħin jirċevuh bħala sagrament, li tiegħu it-tnejn huma ministri. It-tnejn, raġel u mara, jamministraw is-sagrament. Jagħmluh quddiem ix-xhieda. Xhud kwalifikat huwa s-saċerdot, li fl-istess ħin ibierek iż-żwieġ u jippresiedi l-liturġija kollha tas-sagrament. Barra minn dan xhieda huma, f’ċertu sens, il-parteċipanti kollha fir-rit taż-żwieġ, u b’mod “uffiċċjali” uħud minnhom (soltu tnejn), imsejħin apposta. Huma jridu jixhdu li ż-żwieġ huwa kuntratt quddiem Alla u kkonfermat mill-Knisja. Fl-ordni normali tal-affarijiet, iż-żwieġ sagramentali huwa att pubbliku, permezz ta’ liema żewġ persuni, raġel u mara, isiru quddiem is-soċjetà u l-Knisja raġel u mara miżżewġin, jiġifieri soġġett attwali tal-vokazzjoni u tal-ħajja matrimonjali.

2. Iż-żwieġ bħala sagrament jiġi kkuntrattat permezz tal-kelma, li hija sinjal sagramentali minħabba l-kontenut tagħha: “Nieħu lilek bħala marti – bħala żewġi – u nwiegħed li nkun lejk fidil/a dejjem, fil-ferħ u fin-niket, fis-saħħa u l-mard, u li nħobbok u nonorak il-jiem kollha ta’ ħajti”. Madankollu din il-kelma sagramentali hija, minnha nfiha, biss is-sinjal tal-attwazzjoni taż-żwieġ. U l-attwazzjoni taż-żwieġ tiddistingwi ruħha mill-konsumazzjoni tiegħu sal-punt li, mingħajr din il-konsumazzjoni, iż-żwieġ ma jkunx għadu kostitwit fir-realtà sħiħa tiegħu. L-osservazzjoni li żwieġ ikun sar kuntratt ġuridikament imma mhux konsumat (“ratum – non consummatum”), tikkorrispondi għall-osservazzjoni li huwa ma jkunx ġie kostitwit għal kollox bħala żwieġ. Infatti l-kliem innifsu: “Nieħu lilek bħala marti – bħala żewġi” jirreferu mhux biss għal realtà determinata, imma jistà jkun imwettaq biss permezz tal-għaqda karnali konjugali. Tali realtà (l-għaqda karnali konjugali) hija barra minn dan iddefinita sa mill-bidu bl-istituzzjoni tal-Ħallieq: “Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed” (Ġen 2, 24).

3. Hekk, mela, mill-kliem, li bih ir-raġel u l-mara jesprimu d-disponibiltà tagħhom li jsiru “ġisem wieħed”, skont il-verità eterna stabbilita mill-misteru tal-ħolqien, ngħaddu għar-realtà li tikkorrispondi għal dan il-kliem. L-element il-wieħed u l-ieħor huwa mportanti rigward l-istruttura tas-sinjal sagramentali, għal-liema jkun sewwa li  niddedikaw dak li jmiss mill-konsiderazzjonijiet preżenti. Meta wieħed iqis li s-sagrament huwa s-sinjal permezz ta’ liema wieħed jesprimi u jattwa r-realtà feddejja tal-grazzja u tal-allejanza, wieħed hemm bżonn li jikkunsidrah issa taħt l-aspett tas-sinjal, waqt li r-riflessjonijiet preċedenti kienu ddedikati għar-realtà tal-grazzja u tal-allejanza.

Iż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja, jiġi kkuntrattat permezz tal-kliem tal-ministri, jiġifieri tal-miżżewġin novelli: kliem li jfisser u jindika, fl-ordni intenzjonali, dak (jew pjuttost: min) it-tnejn iddeċidew li jkunu, minn issa ‘l hemm, il-wieħed għall-oħra u l-wieħed mal-oħra. Il-kliem tal-miżżewġin novelli jagħmel parti mill-istruttura ntegrali tas-sinjal sagramentali, mhux biss għal dak li jfisser, imma, f’ċertu sens, ukoll ma’ dak li dan ifisser u jiddetermina. Is-sinjal sagramentali jikkostitwixxi ruħu fl-ordni ntenzjonali, inkwantu jiġi fl-istess ħin kostitwit fl-ordni reali.

4. Konsegwentement, is-sinjal tas-sagrament taż-żwieġ huwa kostitwit permezz tal-kliem tal-miżżewġin novelli, inkwantu għalihom tikkorrispondi “r-realtà” li huma stess jikkostitwixxu. It-tnejn li huma, bħala mara u raġel, billi huma l-ministri tas-sagrament fil-waqt tal-kontrattazzjoni taż-żwieġ, jikkostitwixxu fl-istess ħin is-sinjal viżibbli sħiħ u reali tas-sagrament innifsu. Il-kliem minnhom ippronunzjat ma jikkostitwixxix minnu nfih is-sinjal sagramentali taż-żwieġ, jekk ma tikkorrispondix is-soġgettività umana tal-għarus u tal-għarusa u fl-istess ħin il-koxjenza tal-ġisem, marbuta mal-maskulinità u mal-femminilità tal-għarus u tal-għarusa. Hawn hemm bżonn inġibu mill-ġdid f’moħħna is-serje kollha tal-analiżi relattivi għall-Ktieb tal-Ġenesi (cf. Ġen 1-2), imwettqa qabel. L-istruttura tas-sinjal sagramentali tibqà infatti fl-essenza tagħha l-istess li kienet “fil-bidu”. Jiddeterminaha, f’ċertu sens, “il-lingwaġġ tal-ġisem”, inkwantu r-raġel u l-mara, li permezz taż-żwieġ iridu jsiru ġisem wieħed, jesprimu f’dan is-sinjal id-don reċiproku tal-maskulinità u tal-femminilità, bħala sies tal-għaqda konjugali tal-persuni.

5. Is-sinjal tas-sagrament taż-żwieġ jiġi kostitwit minħabba l-fatt li l-kliem ippronunzjat mill-miżżewġin novelli jieħu l-istess “lingwaġġ tal-ġisem” bħal fil-“bidu”, u jkun xi jkun jagħtih espressjoni konkreta u rrepetibbli. Jagħtih espressjoni ntenzjonali fuq il-livell tal-intellett u tar-rieda, tal-koxjenza u tal-qalb. Il-kliem: “jiena nieħu lilek bħala marti – bħala żewġi”, iġorr fih appuntu dak “il-lingwaġġ tal-ġisem perenni, u kull darba uniku u rrepetibbli u fl-istess ħin ipoġġih fil-kuntest tal-komunjoni tal-persuni: “Inwiegħed li nkun dejjem fidil lejk, fil-ferħ u fin-niket, fis-saħħa u l-mard, u li nħobbok u nonorak il-jiem kollha ta’ ħajti”. B’tali mod  il-“lingwaġġ tal-ġisem” perenni u kull darba ġdid, huwa mhux biss is-“sottostrat” imma, f’ċertu sens, il-kontenut kostituttiv tal-komunjoni tal-persuni. Il-persuni – raġel u mara – jsiru hekk don reċiproku. Isiru dak id-don fil-maskulinità u l-femminiltà tagħhom waqt li jiskopru s-sinifikat sponsali tal-ġisem u waqt li jirreferuh b’mod reċiproku għalihom infushom b’mod irriversibbli: fid-dimensjoni tal-ħajja kollha.

6. Hekk is-sagrament taż-żwieġ bħala sinjal jippermetti li nifhmu l-kliem tal-miżżewġin novelli, kliem li jagħti aspett ġdid lil ħajjithom fid-dimensjoni strettament parsonali (u interpersonali: “communio personarum”), fuq il-bażi tal-“lingwaġġ tal-ġisem”. L-amministrazzjoni tas-sagrament tikkonsisti f’dan: li fil-waqt tal-kontrattazzjoni taż-żwieġ ir-raġel u l-mara, bil-kliem adegwat u fil-qari mill-ġdid tal-“lingwaġġ tal-ġisem” perenni, jiffurmaw sinjal, sinjal irrepetibbli, li għandu wkoll sinifikart prospettiku: “il-jiem kollha ta’ ħajti”, jiġifieri sal-mewt. Dan huwa sinjal viżibbli u effikaċi tal-allejanza ma’ Alla fi Kristu, jiġifieri tal-grazzja, li f’tali sinjal trid issir parti tagħhom, bħala “don propju” (skont l-espressjoni tal-ewwel Ittra lill-Korintin 7, 7) (1 Kor 7, 7).

7. Waqt li nifformulaw il-kwestjoni f’kategoriji soċjo-ġuridiċi, wieħed jistà jgħid li bejn il-miżżewġin novelli jkun stipulat patt konjugali ta’ kontenut deċiżiv sewwa. Wieħed jistà wkoll jgħid li, wara dan il-patt, huma jkunu saru miżżewġin b’mod soċjalment magħruf, u li b’dan il-mod tkun ukoll kostitwita fiż-żerriegħa tagħha il-familja bħala ċellula soċjali fondamentali. Tali mod ta’ fehim huwa ovvjament maqbul mar-realtà umana taż-żwieġ, anzi, huwa fondamentali wkoll fis-sens reliġjuż u reliġjuż-morali. Madankollu mill-punt di vista tat-tejoloġija tas-sagrament, il-muftieħ biex nifhmu ż-żwieġ tibqà r-realtà tas-sinjal, li bih iż-żwieġ jiġi kostitwit fuq il-bażi tal-allejanza tal-bniedem ma’ Alla fi Kristu u fil-Knisja: jiġi kostitwit fl-ordni soprannaturali tar-rabta sagra li titlob il-grazzja. F’dan l-ordni, iż-żwieġ huwa sinjal viżibbli u effikaċi. Oriġinat mill-misteru tal-ħolqien, huwa jieħu l-oriġni ġdida tiegħu mill-misteru tar-Redenzjoni, billi jservi għall-“għaqda ta’ wlied Alla fil-verità u fil-karità” (Gaudium et Spes, 24). Il-liturġija tas-sagrament taż-żwieġ tagħti forma lil dak is-sinjal: direttament, waqt ir-rit sagramentali, a bażi tal-espressjonijiet elokwenti tiegħu: indirettament, fl-ispazju tal-ħajja kollha. Ir-raġel u l-mara, bħala miżżewġin, iġorru dan is-sinjal tul ħajjithom kollha u jibqgħu dak is-sinjal sal-mewt.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

%d bloggers like this: