111. L-Imħabba Dejjem Tfittex u Qatt Mhi Sodisfatta

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  06/06/1984.

Smajna fis-silta mill-Atti tal-Appostli, li għadha kemm ixxandret, ir-rakkont ta’ dik il-ġrajja fundamentali fil-ħajja tal-Knisja, li kien l-Għid il-Ħamsin(Pentekoste). L-inżul tal-Ispirtu Santu fuq Marija u l-Appostli, miġburin fiċ-ċenaklu, sinjal tat-twelid uffiċċjali tal-Knisja u l-preżentazzjoni tagħha lid-dinja.

Fil-preparazzjoni tagħna biex ngħixu mill-ġdid il-Ħadd li ġej dak il-waqt deċiżiv, nitolbu lid-divin Spirtu sabiex jiddisponi l-qalb tal-fidili biex tilqà bil-ferħ effużjoni ġdida tad-doni tiegħu. Inqawwija bin-nar ta’ mħabbtu, huma jkunu jafu jagħmluna xhieda qalbiena tal-Vanġelu, waqt li jġibu wkoll lil din il-ġenerazzjoni tagħna l-aħbar ta’ Kristu feddej.

Issa naqbdu mill-ġdid l-argument tal-udjenzi tal-Erbgħat li għaddew.

1. Illum ukoll se nirriflettu dwar il-Kantiku tal-Kantiċi bl-iskop li nifhmu iktar is-sinjal sagramentali taż-żwieġ.

Il-verità tal-imħabba, ippromulgata mill-Kantiku tal-Kantiċi, ma tistax tiġi mifruda mill-“lingwaġġ tal-ġisem”, Il-verità tal-imħabba tara li l-istess “lingwaġġ tal-ġisem” jiġi moqri mill-ġdid fil-verità. Din hija wkoll il-verità tat-tqarrib progressiv tal-għarajjes li jikber permezz tal-imħabba: u t-tqarrib ifisser ukoll il-bidu tal-misteru tal-persuna, mingħajr ma iżda jimplika l-vjolazzjoni  (cf. Kt 1, 13-14.16).

Il-verità tat-tqarrib krexxenti tal-għarajjes permezz tal-imħabba jiżviluppa fid-dimensjoni soġġettiva “tal-qalb”, tal-affett u tas-sentiment, li jippermetti li tiskopri fik lill-ieħor bħala don u, f’ċertu sens, li “tiggustah” fik (cf. Kt 2, 3-6).

Permezz ta’ dan it-tqarrib l-għarus jgħix pjenament l-esperjenza ta’ dak ir-rigal li da parti tal-“jien” femminili jingħaqad mal-espressjoni u s-sinifikat sponsali tal-ġisem. Il-kliem tar-raġel (cf. Kt 7, 1-8) ma fihx biss deskrizzjoni poetika tal-maħbuba, ta’ sbuħitha femminja, li fuqha jieqfu s-sensi, imma jitkellem dwar id-don u dwar id-donazzjoni tal-persuna.

L-għarusa taf li lejha hija x-“xewqa” tal-għarus u tiġibed lejh bil-qawwa tad-don tagħha nfisha (cf. Kt 7, 9-13) għaliex l-imħabba li tgħaqqad hija ta’ natura spiritwali u senswali fl-istess ħin. U huwa wkoll a bażi ta’ din l-imħabba li tattwa il-qari mill-ġdid fil-verità tas-sinifikat tal-ġisem, għaliex ir-raġel u l-mara jridu jikkostitwixxu b’mod komuni dak is-sinjal tad-don reċiproku tagħhom infushom, li jpoġġi s-siġill fuq ħajjithom kollha.

2. Fil-Kantiku tal-Kantiċi l-“lingwaġġ tal-ġisem” huwa nserit fil-proċess singolari tal-attrattiva reċiproka tar-raġel u tal-mara, li jiġi espress fir-ritornelli spissi li jitkellmu dwar ir-riċerka sħiħa ta’ nostalġija, urġenza ħelwa (cf. Kt 2, 7) u tas-sejbien mutwu tal-għarajjes (cf. Kt 5, 2). Dan iġibilhom il-ferħ u l-kwiet u donnu jipperswadihom għal riċerka kontinwa. Ikollna mpressjoni li, waqt li jiltaqgħu, waqt li jilħqu ‘l xulxin, waqt li jesperimentaw it-tqaarib propju, ikomplu bla jaqtgħu jistennew xi ħaġa: iċedu għas-sejħa ta’ xi ħaġa li tiddomina il-kontenut tal-waqt u taqbeż il-limiti tal-eros, moqrija fil-kliem tal-“lingwaġġ tal-ġisem” mutwu  (cf. Ct 1, 7-8; 2, 17). Din ir-riċerka tas-sabiħ integrali, tal-purezza libera minn kull tebgħa: hija riċerka ta’ perfezzjoni li fiha, ikolli ngħid, is-sintesi tas-sbuħija umana, sbuħija tar-ruħ u tal-ġisem.

Fil-Kantiku tal-Kantiċi l-eros uman jiżvela l-wiċċ tal-imħabba  li dejjem tfittex u kważi qatt mhi kunttenta. L-eku ta’ din l-inkwetudni jiġri tul l-istrofi tal-poema: “Allura ftaħt għall-maħbub tiegħi, / il-maħbub tiegħi kien ġa mar, kien għab. / Intbaħt bin-nuqqas tiegħu, imma ma sibtux, / sejjaħtlu u ma weġibnix”  (Kt 5, 6). “Jiena nitlobkom, ulied ta’ Ġerusalem, / jekk issibu l-maħbub tiegħi / x’sejrin tirrakkontawlu? / li jien marida bl-imħabba” (Ct 5, 9).

3. Mela xi strofi tal-Kantiku tal-Kantiċi jippreżentaw l-eros bħala l-forma tal-imħabba umana, li fiha joperaw l-enerġiji tax-xewqa. U huwa fihom li ssib għeruqha l-koxjenza jew aħjar iċ-ċertezza soġġettiva tal-appartenenza reċiproka, fidila u esklussiva. Fl-istess ħin, iżda, bosta strofi oħra tal-poema jimponulna biex nirriflettu dwar il-kawża tar-riċerka u tal-inkwetudni li jakkumpanjaw il-kuxjenza li tkun il-wieħed tal-oħra. Din l-inkwetudni tagħmel parti hija wkoll min-natura tal-eros? Li kieku kien hekk, tali nkwetudni kienet tindikalna wkoll il-bżpnn tat-traxxendenza tagħna nfusna. Il-verità tal-imħabba tesprimi ruħha fil-kuxjenza tal-appartenenza reċiproka, frott tal-aspirazzjoni u r-riċerka mutwa, riżultat tal-appartenenza reċiproka.

F’tali bżonn intern, f’tali dinamika tal-imħabba, tiżvela ruħha b’mod indirett il-kważi mpossibiltà ta’ appropjazzjoni u possessjoni tal-persuna da parti tal-oħra. Il-persuna hija xi ħadd li jiddomina l-miżuri kollha ta’ appropjazzjoni u kontroll, ta’ pussess u ta’ sodisfazzjon, li joħorġu mill-istess “lingwaġġ tal-ġisem”. Jekk l-għarus u l-għarusa jerġgħu jaqraw dan il-“lingwaġġ” fil-verità sħiħa tal-persuna u tal-imħabba, jaslu għall-konvinzjoni dejjem iktar profonda li l-milja tal-appartenenza tagħhom tikkostitwixxi dak id-don reċiproku li fih l-imħabba tirrivela ruħha “qawwija daqs il-mewt”, jiġifieri terġà togħla sal-limiti aħħarin tal-“lingwaġġ tal-ġisem” biex tissuperahom. Il-verità tal-imħabba nterna u l-verità tad-don reċiproku isejħu, f’ċertu sens, kontinwament lill-għarus u lill-għarusa – permezz tal-mezzi ta’ espressjoni tal-appartenenza reċiproka u saħansitra jinqatgħu minn dawk il-mezzi – biex jaslu għal dak li jikkostitwixxi in-nukleju tad-don minn persuna għal persuna.

4. Waqt li nsegwu l-mogħdijiet tal-kliem indikat mill-istrofi tal-Kantiku tal-Kantiċi donna li noqorbu mela lejn id-dimensjoni li fiha l-“eros” ifittex li jintegra, permezz mill-ġdid ta’ verità oħra tal-imħabba. Sekoli wara – fid-dawl tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu – din il-verità ixandarha Pawlu ta’ Tarsu, bil-kliem tal-ittra lill-Korintin : Il-karità hija paċenzjuża, hija twajba l-karità, ma tgħirx il-karità, ma tiftaħarx, ma tintefaħx biha nfisha, ma tonqosx mir-rispett, ma tfittixx l-interessi tagħha, ma tirrabjax, ma tqisx id-deni li tirċievi, ma tiħux gost bl-inġustizzja, imma tieħu gost bil-verità. Il-karità ma tintemm qatt” (1 Kor 13, 4-8).

Il-verità dwar l-imħabba, espressa fl-istrofi tal-Kantiku tal-Kantiċi tikkonferma ruħha fid-dawl ta’ dan il-kliem pawlin? Fil-Kantiku naqraw, per eżempju dwar l-imħabba, li l-“għira” tagħha hija “tenaċi daqs l-inferi” (Kt 8, 6), u fl-ittra pawlina naqraw li “mhix għajjura l-karità”. X’rapport hemm fiż-żewġ espressjonijiet dwar l-imħabba? F’liema rapport tinsab l-imħabba li “hija qawwija daqs il-mewt”, skont il-Kantiku tal-Kantiċi, mal-imħabba “li ma jkollhiex tmiem”, skont l-ittra pawlina? Ma nimmultiplikawx dawn il-mistoqsijiet, ma niftħux l-analiżi kumparattiva. Madankollu jidher li l-imħabba tiftaħ lilha nfisha, quddiemna, f’żewġ prospettivi: bħallikieku dan, li fih l-“eros” uman jagħlaq ix-xefaq propju tiegħu, jerġà jinfetaħ mill-ġdid, permezz tal-kliem pawlin, għal xefaq ieħor ta’ mħabba li jitkellem b’lingwaġġ ieħor;  l-imħabba li donnha toħroġ minn dimensjoni oħra tal-persuna u ssejjaħ, tistieden għal komunjoni oħra. Din l-imħabba issejħet bl-isem ta’ “agape” u l-agape (l-imħabba l-iktar pura u spiritwali) twassal għat-twettiq, waqt li tippurifika, l-eros.

Hekk għalaqna din il-meditazzjoni qasira dwar il-Kantiku tal-Kantiċi, mifhuma biex japprofondixxu ulterjorment it-tema tal-“lingwaġġ tal-ġisem”. F’dan il-qasam, il-Kantiku tal-Kantiċi għandu sinifikat kollu kemm hu singolari.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: