Viva l-marċi!


Qiegħdin fis-sajf. U, is-sajf Malti, jfisser festi! U l-festi jfissru wkoll il-marċi! Il-pup pup pum!

Sbieħ il-marċi! Iferrħu u jallegraw lin-nies. Niftakar li, meta kont daqxejn ta’ ħanex, ippruvajt nara ftit x’għandha x’taqsam il-ħajja tal-qaddis u l-qaddisa mal-marċi. Ippruvajt u ippruvajt tgħidx kemm! U, biex ngħidilkom il-pura verità, s’issa tweġiba li hi tweġiba għadha ma tfaċċatx quddiemi! Anki jekk bħalissa liebes kulur iċ-ċikkulata minn fuq s’isfel!

Biss, anki l-fatt li jien liebes lewn iċ-ċikkulata, u midluk, mhux biċ-ċikkulata nispera imma mill-Ispirtu tal-Mulej, almenu dan hu li nittama, ħaġa waħda nara importantissma: fil-ħajja kollox irid ikun! Anki jekk il-marċ abbli m’għandux x’jaqsam mal-ħajja tal-qaddis u l-qaddisa! Għax aħna m’aħniex spirtu biss. Għandna ġisem ukoll. Għalhekk tajjeb li nieħdu ftit tal-kuraġġ b’mużika sabiħa! U tal-widna! Wara kollox, l-Iben ta’ Alla nnifsu, minn Alla, sar bniedem bħalna u ħa l-ġisem tagħna. Xi ħaġa li x-xitan aqta’ kemm hu maħruq fuq li maħruq biha!

Lura għall-argument! Nafu f’liema żmien qiegħdin. Waqt li l-marċ ikun għaddej għandu jkollna d-dekor li nirrispettaw id-distanza soċjali. U mhux kulħadd ġo xulxin! Il-virus, bħalma fissret tant drabi u b’sabar li ma ngħidlekx, il-Profs. Charmaine Gauci, għadu jdur magħna! Mela, prudenza! U, xi ħaġa oħra importanti: ħallina mill-ispirtu tal-alkoħol! Ma nistgħux nirrendu l-marċ okkażjoni ta’ xalar, dagħa, u immoralità li tqażżeż ta’ ilbies u mġiba li ma jagħmlulniex ġieħ la ta bnedmin u, wisq aktar, ta’ Insara. Ejjew nżommu naqra d-dinjità tagħna u ma nsirux le mejda tal-qubbajt!

U, ħaġa importantissma oħra: aħna m’għandniex ġisem biss x’nieħdu ħsieb. Aħna għandna ruħ! Ma jiswieli xejn li jkolli ġismi babaw u mfewwaħ u imbagħad ruħi żdingata waħda sew tant li saret demmiela tinten is-seba’ pesti. Kemm ilni ma nqerr? Kemm ilni ma’ mmur għall-quddiesa tal-Ħadd? Kemm qed ngħin il-proxxmu? Kemm qed nitlob ir-Rużarju u l-Kurunella tal-Ħniena Divina kuljum?

Għalhekk, il-marċ irid ikun. Imma qabel il-marċ hemm ruħi u ruħek! Ejjew ma nilludux ruħna: il-mewt tasal fuqi u fuqek! U taf tkun wara l-bieb! Dan narah mill-kuntatt li għandi ma’ ħutna l-morda! Serja din! Mela moħħna hemm!

Ħa mmorru għall-quddiesa, għall-qrara, għat-talb u, iva, għaliex le, għall-marċ ukoll. Biex nieħdu gost b’naqra mużika li waħedha u mhux bit-taħlit tal-ispirti fix-xorb alkoħoliku, tagħtina kuraġġ kbir! U, jekk tkun bil-għatx, ma tkunx waqgħet id-dinja billi tixrob naqra ilma kiesħa! Wara kollox, it-tobba għaqlija tagħna, ilma jgħidulna nixorbu għas-saħħa ta’ ġisimna u, ngħid jien, ta’ ruħna wkoll!

Viva l-marċi!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.