110. Il-Verità u l-Libertà s-sies tal-vera mħabba

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  30/05/1984.

Fis-silta tal-Atti tal-Appostli, silta moqrija, smajna r-rakkont tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù. Kif inhu magħruf, għada tiġi ċċelebrata, skont il-kalendarju tal-Knisja universali, is-sollennità tal-Axxensjoni.

Din hija festa li tistedinna biex inħarsu ‘l fuq, biex naħsbu dwar id-destin tagħna ‘l hemm mid-dinja u nitolbu b’insistenza u kostanza sabiex tiġi s-saltna ta’ Alla.

Għada wara nofsinhar se nordna sebgħa u sebgħin saċerdot ġdid. Nistedinkom titolbu sabiex isiru, permezz tas-sagrament tal-Ordni Sagri, gwidi għas-sema, rgħajja tal-bnedmin li jagħmlu kollox b’mod ġeneruż għall-glorja ta’ Alla u s-servizz ta’ ħuthom.

1. Nerġgħu naqbdu l-analiżi tagħna tal-Kantiku tal-Kantiċi, sabiex nifhmu b’mod iktar adegwat u eżawrjenti s-sinjal sagramentali taż-żwieġ, liema jimmanifestah il-lingwaġġ tal-ġisem, li huwa lingwaġġ singulari tal-imħabba ġġenerata tal-qalb.

L-għarus f’ċertu punt, waqt li jesprimi esperjenza ta’ valuri partikolari, li tixgħel fuq dak kollu li huwa in konnessjoni mal-persuna maħbuba, jgħid: “Int sraqtli qalbi, / oħti, għarusa tiegħi,/ int sraqtli qalbi / b’ħarsa tiegħek waħda biss, / b’perla waħda tal-kullana tiegħek! / Kemm huma ħelwin il-karezzi tiegħek, / oħti, għarusa tiegħi . . .” (Kt 4, 9-10).

Minn dan il-kliem joħroġ li huwa ta’ mportanza essenzjali għat-tejoloġija tal-ġisem – u f’dan il-każ għat-tejoloġija tas-sinjal sagramentali taż-żwieġ – li tkun taf min hu il-femminil “int” għall-maskili “jien” u viċiversa.

L-għarus tal-Kantiku tal-kantiċi jgħid: “kollok sabiħa int, ħabiba tiegħi” (Kt 4, 7) u jsejħilha: “Oħti, għarusa tiegħi” (Kt 4, 9). Ma jsejħilhiex b’isimha propju, imma juża espressjonijiet li jfissru aktar.

Taħt ċertu aspett, b’rispett għall-isem ta’ “ħabiba”, dak ta “oħt”, użat għall-għarusa, donnu jkun iktar elokwenti u radikat fit-totalità tal-Kantiku, li jimmanifesta kif imħabba tirrivela l-oħra.

2. It-terminu “ħabiba” jindika dak li huwa dejjem essenzjali għall-imħabba, li jqiegħed it-tieni “jien” ħdejn il-propju “jien”. Il-ħbiberija – l-imħabba ta’ ħbiberija (“amor amicitiae”) – jfisser fil-Kantiku tqarrib partikolari maħsus u sperimentat bħala qawwa nterna unifikanti. Il-fatt li f’dan it-tqarrib dak il-“jien” femminili juri lilu nnifsu għall-għarus bħala “oħt” – u li propju bħala oħt hija għarusa – għandu elokwenza partikolari. L-espressjoni “oħt” titkellem dwar l-għaqda fl-umanità u fl-istess ħin dwar id-diversità u l-oriġinalità femminili tal-istess fir rigward mhux biss tas-sess, imma tal-mod stess li “tkun persuna”, li jfisser kemm li “tkun soġġett” kif ukoll li “tkun f’rapport”. It-terminu “oħt” donnu jesprimi, b’mod iktar sempliċi, is-soġġettività tal-“jien” femminili fir-rapport personali mar-raġel, jiġifieri fil-ftuħ tiegħu lejn l-oħrajn, li jiġu mifhuma u maħsusa bħala aħwa. L-“oħt” f’ċertu sens tgħin lir-raġel biex jiddefenixxi u jikkonċepixxi lilu nnifsu b’tali mod, waqt li jibni għalih speċi ta’ sfida f’din id-direzzjoni.

3. L-għarus tal-Kantiku jaċċetta l-isfida u jfittex il-passat komuni, bħallikieku hu u l-mara tiegħu kienu ġejjin miċ-ċirku tal-istess familja, bħallikieku sa minn ċkunithom kienu magħqudin permezz tat-tifkitiet tad-dar komuni. Hekk iħossuhom qrib b’mod reċiproku bħala aħwa, li jafu l-eżistenza tagħhom lill-istess omm. Dan iwassal għal sens speċifiku ta’ appartenenza komuni. Il-fatt li jħossu lilhom infushom aħwa jippermettilhom li jgħixu f’sikurezza l-qrib reċiproku u li jimmanifestawh, waqt li jsibu f;dan l-appoġġ u ma jibżgħux mill-ħaqq xejn ġust tal-bnedmin l-oħra.

Il-kliem tal-għarus, permezz tat-titlu “oħt”, ifittex li jirriproduċi, ikolli ngħid, l-istorja tal-femminilità tal-persuna maħbuba, għadu jaraha fiż-żmien tat-tfulija u jħaddan il-“jien” kollu tiegħu, ruħ u ġisem, bi ħlewwa diżinteressata. Minn hawn titnissel dik il-paċi li dwarha titkellem l-għarusa. Din hija l-“paċi tal-ġisem”, li fid-dehra tixbaħ l-irqad (“la tqajjimx, la ċċaqlaqx min-ngħas il-maħbuba, sakemm hi ma tridtx”). Din hija b’mod speċjali l-paċi tal-laqgħa fl-umanità bħala xbiha ta’ Alla u l-laqgħa permezz ta’ don reċiproku u disinteressat (Hekk jien għal għajnejh, bħala dik li sabet il-paċi”)  (Kt 8, 10).

4. Fir-rigward tar-relazzjoni tal-pjan preċedenti, li jistà jkun imsejjaħ bħala pjan “fratern”, joħroġ fid-dwett amoruż tal-Kantiku tal-Kantiċi pjan ieħor, ngħidu:  sies ieħor tal-kontenut. Nistgħu neżaminawh billi nitilqu minn ċerti espressjonijiet li fil-poema donnhom għandhom sinifikat muftieħ. Dan il-pjan ma joħroġ qatt b’mod espliċitu, imma permezz tal-komponiment kollu u jimmanifesta ruħu espressament biss f’xi siltiet. Hekk, jitkellem l-għarus: “Ġnien magħluq int, / oħti, għarusa tiegħi / ġnien magħluq, sors issiġillat” (Kt 4, 12).

Il-metafori li għadna kemm qrajna: “ġnien magħluq, sors issiġillat” jirrivelaw il-preżenza ta’ viżjoni oħra tal-istess “jien” femminili, padrun tal-propju misteru. Wieħed jistà jgħid li ż-żewġ metafori jesprimu d-dinjità personali tal-mara li, inkwantu soġgett spiritwali jippossiedi u jistà jiddeċiedi mhux biss dwar il-profindità metafiżika, imma wkoll dwar il-verità essenzjali u dwar l-awtentiċità tad-don tiegħu nnifsu, intenzjonat għal dik l-għaqda li dwarha jitkellem il-ktieb tal-Ġenesi.

Il-lingwaġġ tal-metafori – lingwaġġ poetiku – donnu li hu f’dan il-qasam partikularment appropjat u preċiż. L-“oħt-għarusa” hija għar-raġel padruna tal-misteru tiegħu bħal “ġnien magħluq” u “sors issiġillat”. Il-“lingwaġġ tal-ġisem” moqri mill-ġdid fil-verità jimxi pass pass mal-iskoperta tal-invjolabiltà interna tal-persuna. Fl-istess ħin propju din l-iskoperta tesprimi l-profondità awtentika tal-appartenenza reċiproka tal-għarajjes koxjenti li jappartjenu b’mod mutwu, li jkunu destinati wieħed għall-oħra: “Il-maħbub tiegħi huwa għalija u jien għalih” (Kt 2, 16; cf. Ct 6, 3).

5. Din il-koxjenza tal-appartenenza reċiproka ddoqq l-iktar fuq fomm l-għarusa. F’ċertu sens hija twieġeb b’tali kliem għal dak tal-għarus li bih huwa għarafha bħala padruna tal-misteru propju. Meta l-għarusa tgħid: “Il-maħbub tiegħi huwa għalija”, trid tgħid fl-istess ħin: huwa dak li lilu nafda lili nnifsi, u għalhekk tgħid: “u jiena għalih” (Kt 2, 16). L-aġġettivi “tiegħi” (maskil) u “tiegħi” (femminil) jenfasizzaw hawn il-profondità kollha ta’ dik l-assikurazzjoni, li tikkorrispondi mal-verità nterna tal-persuna.

Tikkorrispondi barra minn dan mas-sinifikat sponsali tal-femminilità fir-rigward tal-“jien” maskili, jiġifieri għal-“lingwaġġ tal-ġisem” moqri mill-ġdid fil-verità tad-dinjità personali.

Din il-verità kienet ippronunzjatha mill-għarus bil-metafori tal-“ġnien magħluq” u tas-“sors issiġillat”. L-għarusa twieġbu bil-kliem tad-don, jiġifieri tal-assikurazzjoni tagħha nfisha. Bħala padruna tal-għażla propja tgħid: “Jiena jien għall-maħbub tiegħi”. Il-Kantiku tal-Kantiċi jinnota b’mod fin il-verità  nterna ta’ din it-tweġiba. Il-libertà tad-don hija tweġiba għall-koxjenza profonda tad-don espress bil-kliem tal-għarus. Permezz ta’ din il-verità u libertà tibni lilha nfisha l-imħabba, dwar liema jinħtieg nenfasizzaw li hija mħabba awtentika.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb