112. L-Imħabba Rebbieħa fil-Ġlieda Bejn it-Tajjeb u l-Ħażin

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  27/06/1984.

1. Waqt li kkummentajna tul il-ġimgħat li għaddew il-Kantiku tal-Kantiċi, enfasizzajt kif is-sinjal sagramentali taż-żwieġ jikkostitwixxi ruħu fuq il-bażi tal-“lingwaġġ tal-ġisem”, li r-raġel u l-mara jesprimu fil-verità li hija propja tagħhom. Taħt tali aspett feħsiebni nanalizza llum xi siltiet mill-Ktieb ta’ Tobija.

Fir-rakkont taż-żwieġ ta’ Tobija ma’ Sara insibu, barra mill-espressjoni “oħt” – minħabba liema donnha li sabet għeruqha fl-imħabba sponsali natura fraterna- ukoll espressjoni oħra analoga għal dawk tal-imsemmi Kantiku.

Bħalma tiftakru, fid-dwett tal-għarajjes l-imħabba,  li jiddikjaraw reciprokament, hija “qawwija daqs il-mewt”  (Kt 8, 6). Fil-ktieb ta’ Tobija nsibu s-sentenza li, waqt li jgħid li huwa jħobb lil Sara “sal-punt li ma jafx iktar iwarrab lil qalbu minnha” (Tb 6, 19), jippreżenta sitwazzjoni li twettaq il-verità tal-kliem dwar l-imħabba “qawwija daqs il-mewt”.

2. Biex nifhmu aħjar hemm bżonn li nerġgħu lura għal xi partikularitajiet li jsibu spjega fuq l-isfond tal-karattru speċifiku tal-Ktieb ta’ Tobija. Hemm naqraw li Sara, bint Raguele, qabel kienet “ingħatat bi żwieġ lil sebat irġiel” (Tb 6, 14), imma lkoll mietu qabel ma kellhom x’jaqsmu magħha. Dan seħħ b’opra ta’ spirtu ħażin u wkoll iż-żagħżugħ Tobija kellu raġun jibżà minn mewt analoga.

Hekk l-imħabba ta’ Tobija kellha sa mill-ewwel waqt taffronta l-prova tal-ħajja u tal-mewt. Il-kliem dwar l-imħabba “qawwija daqs il-mewt”, ippronunzjat mill-għarajjes fil-Kantiku tal-Kantiċi fit-trasport tal-qalb, jassumu hawn il-karattru ta’ prova reali. Jekk l-imħabba turi ruħha qawwija daqs il-mewt, dan isir b’mod speċjali fis-sens li Tobija u, flimkien miegħu, Sara, imorru mingħajr eżitazzjoni lejn din il-prova. Imma f’din il-prova tal-ħajja u tal-mewt tirbaħ il-ħajja, għaliex waqt il-prova tal-ewwel lejl taż-żwieġ, l-imħabba sostnuta mit-talb tirrivela ruħha iktar qawwija mill-mewt.

3. Din il-prova tal-ħajja u tal-mewt għandha saħansitra sinifikat ieħor li jwassalna biex nifhmu l-imħabba u ż-żwieġ tal-għarajjes novelli. Infatti huma, waqt li jingħaqdu bħala raġel u mara miżżewġin, isibu lilhom infushom fis-sitwazzjoni li fiha l-qawwiet tat-tajjeb u tal-ħażin jissieltu u jitkejlu b’mod reċiproku. Id-dwett tal-għarajjes tal-Kantiku tal-Kantiċi donnu affattu ma jħossx din id-dimensjoni tar-realtà. L-għarajjes tal-Kantiku jesprimu ruħhom f’dinja ideali jew “astratta”, f’liema donnu li ma teżisti ebda lotta tal-qawwiet oġġettivi  bejn it-tajjeb u l-ħażin. Hija forsi l-qawwa u l-verità interna tal-imħabba li tattwa l-lotta li tiżvolġi fil-bniedem u madwaru?

Il-milja ta’ din il-verità u ta’ din il-qawwa propja tal-imħabba donnha madankollu li hija differenti u donnha pjuttost tmil lejn fejn teħodha l-esperjenza tal-Ktieb ta’ Tobija. Il-verità u l-qawwa tal-imħabba jimmanifestaw ruħhom fil-ħila li tidħol bejn il-qawwiet tat-tajjeb u tal-ħażin, li jikkumbattu fil-bniedem u madwaru, għaliex l-imħabba hija fiduċjuża mir-rebħa tat-tajjeb u hija lesta tagħmel kollox sabiex it-tajjeb jirbaħ. Konsegwentement il-verità tal-imħabba tal-għarajjes tal-Ktieb ta’ Tobija ma tiġix ikkonfermata mill-kliem espress mil-lingwaġġ tat-trasport amoruż bħal fil-Kantiku tal-Kantiċi, imma mill-għażliet u mill-atti li jassumu l-piż kollu tal-eżistenza umana fl-għaqda tat-tnejn. Il-“lingwaġġ tal-ġisem”, hawn, donnu juża l-kliem tal-għażliet li jirriżultaw mill-imħabba, li tirbaħ għaliex titlob.

 4. It-talba ta’ Tobija (Tb 8, 5-8), li hija qabel xejn talba ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr, imbagħad ta’ supplika, tpoġġi l-“lingwaġġ tal-ġisem” fuq l-art tat-termini essenzjali tat-tejoloġija tal-ġisem. Dan huwa linġwaġġ “oġġettivizzat”, ispirat mhux tant mill-qawwa emotiva tal-esperjenza, daqs kemm mill-profondità u l-gravità tal-eżistenza nfisha.

L-għarajjes jipprofessaw din il-verità flimkien  mal-vuċi waħda quddiem l-Alla tal-allejanza: “Alla ta’ missirijietna”. Wieħed jistà jgħid li taħt dan l-aspett il-“lingwaġġ tal-ġisem” isir il-lingwaġġ tal-ministri tas-sagrament konxji li fil-patt konjugali jesprimi ruħu u jattwa ruħu l-misteru li għandu s-sors tiegħu f’Alla nnifsu. Il-patt konjugali tagħhom huwa nfatti x-xbiha – u s-sagrament primordjali tal-allejanza ta’ Alla mal-bniedem, mal-ġeneru uman – ta’ dik l-allejanza li tislet l-oriġni tagħha mill-imħabba eterna.

Tobija u Sara jtemmu t-talba tagħhom bil-kliem li ġej: “Indenja ruħek li jkollok ħniena minni u minnha u li tagħmel li t-tnejn flimkien nilħqu x-xjuħija” (Tb 8, 7).

Wieħed jistà jammetti (a bażi tal-kuntest) li huma għandhom quddiem għajnejhom il-prospettiva li jipperseveraw fil-komunjoni sa tmiem jiemhom: prospettiva li tinfetaħ quddiemhom bil-prova tal-ħajja u tal-mewt, diġa waqt l-ewwel lejl taż-żwieġ. Fl-istess ħin huma jaraw bl-espressjoni tal-fidi il-qdusija ta’ din il-vokazzjoni, li fiha – permezz tal-għaqda tat-tnejn, mibnija fuq il-verità reċiproka fil-“lingwaġġ tal-ġisem” – jridu jwieġbu għas-sejħa ta’ Alla nnifsu, miġbura fil-misteru tal-bidu. U minħabb f’dan jitolbu: “Indenja ruħek li jkollok ħniena minni u minnha”.

5. L-għarajjes tal-Kantiku tal-Kantiċi jiddikjaraw reċiprokament, bi kliem imħeġġeġ, imħabbithom umana. L-għarajjes novelli tal-Ktieb ta’ Tobija jitolbu lil Alla li jkunu jafu jwieġbu għall-imħabba. Il-wieħed u l-ieħor isibu posthom f’dak li jikkostitwixxi is-sinjal sagramentali taż-żwieġ. Il-wieħed u l-ieħor jipparteċipaw fil-formazzjoni ta’ dan is-sinjal.

Wieħed jistà jgħid li permezz tal-wieħed u tal-ieħor il-“lingwaġġ tal-ġisem”, moqri mill-ġdid kemm fid-dimensjoni soġġettiva tal-verità tal-qlub umani, kif ukoll fid-dimensjoni “oġġettiva” tal-verità tal-għixien fil-komunjoni, isir il-lingwa tal-liturġija.

It-talba tal-għarajjes novelli tal-Ktieb ta’ Tobija donnhom ċertament jikkonfermaw dan b’mod differenti mill-Kantiku tal-Kantiċi, u wkoll b’mod li bla ebda dubju jikkomwovi iktar profondament.