113. Il-Lingwa tal-Ġisem: Azzjonijiet u Dmirijiet li Jiffurmaw l-Ispiritwalità taż-Żwieġ

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  04/07/1984.

1. Illum nerġgħu lura għat-test klassiku tal-kapitolu 5 tal-ittra lill-Efesin, li tirrevela s-sorsi eterni tal-allejanza fl-imħabba tal-Missier  u fl-istess ħin l-istituzzjoni ġdida u definittiva tagħha f’Ġesù Kristu.

Dan it-test imexxina lejn dimensjoni tali tal-“lingwaġġ tal-ġisem” li tistà tissejjaħ “mistika”. Dan jitkellem infatti dwar iż-żwieġ bħala “misteru kbir”. “Dan il-misteru huwa kbir” (Ef 5, 32). U għalkemm dan il-misteru jitwettaq fil-għaqda sponsali ta’ Kristu feddej mal-Knisja u fil-Knisja-għarusa ma’ Kristu (“Ngħidu b’referenza għal Kristu u għall-Knisja” (Ef 5, 32)), għalkemm jitwettaq b’mod definittiv fid-dimensjonijiet eskatoloġiċi, madankollu l-awtur tal-ittra lill-Efesin ma jaħsibiex darbtejn li jestendi l-analoġija tal-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja fl-imħabba sponsali, deskritta b’mod hekk “assolut” u “eskatoloġiku”, għas-sinjal sagramentali tal-patt sponsali tar-raġel u tal-mara, liema huma “sottomessi għal xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21). Ma jaħsibhiex darbtejn li jestendi dik l-analoġija mistika għal-“lingwaġġ tal-ġisem”, moqri mill-ġdid fil-verità tal-imħabba sponsali u tal-għaqda konjugali tat-tnejn.

2. Hemm bżonn nagħrfu l-loġika ta’ dan it-test stupend, li jeħles b’mod radikali il-mod tal-ħsieb tagħna mill-elementi tal-manikeiżmu jew minn konsiderazzjoni xejn personalista tal-ġisem u fl-istess ħin tqarreb il-“lingwaġġ tal-ġisem”, miġbur fis-sinjal sagramentali taż-żwieġ, għad-dimensjoni tal-qdusija reali.

Is-sagramenti jlaqqqmu l-qdusija fuq l-art tal-umanità tal-bniedem: jippentetraw  ir-ruħ u l-ġisem, il-femminilità u l-maskulinità tas-soġġett personali, bil-qawwa tal-qdusija. Dan kollu jiġi espress fil-lingwa tal-liturġija: hemm jesprimi ruħu u hemm jattwa ruħu.

Il- liturġija, il-lingwa liturġika, tgħolli l-patt konjugali tar-raġel u tal-mara, ibbażat fuq il-“lingwaġġ tal-ġisem” moqri mill-ġdid fil-verità, għad-dimensjonijiet tal-“misteru” u, fl-istess ħin, jippermetti li dak il-patt jitwettaq fid-dimensjonijiet hawn fuq imsemmija permezz tal-“lingwaġġ tal-ġisem”.

Dwar dan jitkellem appuntu s-sinjal tas-sagrament taż-żwieġ, li fil-lingwa liturġika jesprimi ġrajja interpersonali, mgħobbi b’kontenut qawwi personali, assenjat lit-tnejn “sal-mewt”. Is-sinjal sagramentali jfisser mhux biss il- “fieri”, it-tnissil taż-żwieġ, imma jibni l-“hu” tiegħu, iż-żmien tiegħu: il-wieħed u l-ieħor bħala realtà sagra u sagramentali, b’għeruqha fid-dimensjoni tal-allejanza u l-grazzja, fid-dimensjoni tal-ħolqien u tal-fidwa. B’tali mod il-lingwa liturġika talloka lit-tnejn, lir-raġel u lill-mara, l-imħabba, il-fedeltà u l-onestà konjugali permezz tal-“lingwaġġ tal-ġisem”. Tallokalhom l-għaqda u l-indissolubiltà taż-żwieġ fil-“lingwaġġ tal-ġisem”. Tallokalhom bħala  dmir is-“sacrum” kollu tal-persuna u tal-komunjoni tal-persuni, u b’mod simili il-femminilità u l-maskulinità tagħhom, propju b’dan il-lingwaġġ.

3. B’tali mod nenfasizzaw, li l-lingwa liturġika ssir “lingwaġġ tal-ġisem”. Dan ifisser sensiela ta’ fatti u ta’ dmirijiet, li jiffurmaw l-“ispiritwalità” taż-żwieġ, l-“ethos” tiegħu. Fil-ħajja ta’ kuljum tal-miżżewġin dawn il-fatti jsiru dmirijiet, u d-dmirijiet fatti. Dawn il-fatti – kif ukoll l-impenji – huma ta’ natura spiritwali, bdanakollu jesprimu ruħhom fl-istess ħin bħala “lingwaġġ tal-ġisem”.

L-Awtur tal-ittra lill-Efesin  f’dan ir-rigward jikteb: “ . . . l-irġiel miżżewġa għandhom id-dmir li jħobbu lin-nisa tagħhom bħal ġisimhom propju . . .” (Ef 5, 28) (“bħalek innifsek”:Ef 5, 33), “u l-mara għandha jkollha rispett lejn żewġha” (Ef 5, 33). It-tnejn li huma,  wara kollox, ikunu “sottomessi għal xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21).

Il-“lingwaġġ tal-ġisem”, bħala kontinwità ma taqtax tal-lingwa liturġika li tesprimi ruħha mhux biss bħala l-faxxinu u s-sodisfazzjon reċiproku tal-Kantiku tal-Kantiċi, imma wkoll bħala esperjenza profonda tas-“sacrum”, li donnu jkun infuż fl-istess maskulinità u femminilità permezz tad- dimensjoni tal-“mysterium”: “mysterium magnum” tal-ittra lill-Efesin li jgħaddas għeruqu  appuntu fil-“bidu”, jiġifieri fil-misteru tal-ħolqien tal-bniedem: maskju u femmina xbiha t’Alla, imsejħa “sa mill-bidu” biex ikunu sinjal viżibbli tal-imħabba krejattiva ta’ Alla.

4. Hekk mela “dak il-biżà ta’ Kristu” u “rispett”, li dwaru jitkellem l-awtur tal-ittra lill-Efesin, mhu xejn iktar milli forma spiritwalment matura ta’ dak il-faxxinu reċiproku: jiġifieri tar-raġel għall-femminilità u tal-mara għall-maskulinità, li tirrivela ruħha għall-ewwel darba fil-ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2, 23-25). Wara, l-istess faxxinu donnu jiġri bħala nixxiegħa wiesgħa permezz tal-versi tal-Kantiku tal-Kantiċi biex issib, f’ċirkustanza għal kollox differenti, l-espressjoni konċiża u kkonċentrata tal-ktieb ta’ Tobija.

Il-maturità spiritwali ta’ dan il-faxxinu mhix ħaġ’oħra għajr il-fruttifikazzjoni tad-don tal-biżà, wieħed mis-sebà doni tal-Ispirtu Santu, dwar liema tkellem San Pawl fl-ewwel ittra lit-Tessalonkin (1 Ts 4, 4-7).

Mill-bqija, id-duttrina ta’ Pawlu dwar il-kastità, bħala “ħajja skont l-Ispirtu” (cf. Rm 8, 5), tippermettilna (b’mod partikulari a bażi tal-ewwel ittra lill-Korintin 6) li ninterpretaw dak ir-“rispett” f’sens kariżmatiku, jiġifieri bħala don tal-Ispirtu Santu.

5. L-ittra lill-Efesin – fl-eżortazzjoni tal-miżżewġin, għaliex huma sottomessi għal xulxin “fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21) u fl-inkoraġġiment tagħhom, wara, għar-“rispett” fir-rapport konjugali, donnha tirrivela – b’mod konformi mat-tradizzjoni pawlina  –  il-kastità bħala virtù u bħala don.

B’tali mod, permezz tal-virtù u ferm iktar permezz tad-don (“ħajja skont l-Ispirtu) jimmatura spiritwalment il-faxxinu reċiproku tal-maskulinità u tal-femminilità. It-tnejn li huma, ir-raġel u l-mara, waqt li jbiegħedu lilhom infushom mill-konkupixxenza, isibu d-dimensjoni ġusta tal-libertà tad-don, magħquda mal-femminilità u l-maskulinità fil-veru sinifikat sponsali tal-ġisem.

Hekk il-lingwa liturġika, jiġifieri l-lingwa tas-sagrament u tal- “mysterium”, issir f’ħajjithom u fil-konvivenza tagħhom “lingwaġġ tal-ġisem” fi profondità, sempliċità u sbuħija sa dak il-waqt mhix magħrufa.

6. Tali donnu li hu  is-sinifikat integrali tas-sinjal sagramentali taż-żwieġ. F’dak is-sinjal, permezz tal-“lingwaġġ tal-ġisem”, ir-raġel u l-mara imorru biex jiltaqgħu mal-“grande mysterium”, biex jittrasferixxu d-dawl ta’ dak il-misteru, dawl ta’ verità u sbuħija, espress fil-lingwa liturġika, f’“lingwaġġ tal-ġisem”, fil-lingwaġġ jiġifieri tal-proċedura normali tal-imħabba, tal-fedeltà u tal-onestà konjugali, jew aħjar fl-ethos radikat fir-“redenzjoni tal- ġisem” (cf. Rm8, 23). Fuq din it-triq, il-ħajja konjugali ssir f’ċertu sens liturġija.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: