114. Moralità taż-Żwieġ Att Deċiżiv min-Natura tal-Att tas-Soġġetti

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  11/07/1984.

1. Ir-riflessjonijiet li saru s’issa dwar l-imħabba umana fil-pjan divin jibqgħu b’xi mod mhux imtemma, jekk ma nfittxux li naraw l-applikazzjoni konkreta fil-qasam tal-morali konjugali u familjari.

Irridu nwettqu dan il-pass ulterjuri, li jwassalna għall-konklużjoni tal-mixja issa twila tagħna, dwar l-iskorta ta’ pronunzja importanti reċenti tal-maġisteru: l-enċiklika Humanae Vitae, li l-Papa Pawlu VI ppubblika f’Lulju tal-1968. Nerġgħu naqraw dan id-dokument sinifikattiv fid-dawl tar-riżultati li għalihom wasalna waqt li eżaminajna l-pjan divin inizjali u l-kliem ta’ Kristu, li jerġà jibgħatna lura għalih.

2. “Il-Knisja tgħallem li kwalunkwè att matrimonjali għandu jibqà miftuħ għat-trasmissjoni tal-ħajja . . . Tali duttrina, bosta drabi esposta mill-maġisteru, hija msejsa fuq il-konnessjoni insuperabbli, li Alla ried u li l-bniedem ma jistax jikser b’inizjattiva tiegħu, bejn iż-żewġ sinifikati tal-att konjugali: is-sinifikat unittiv u s-sinifikat prokrejattiv” (Humanae Vitae, 11-12).

3. Il-konsiderazzjonijiet li sejjer nagħmel jirrigwardaw partikolarment il-pass tal-enċiklika li jolqot iż-“żewġ sinifikati tal-att konjugali” u tal-“konnessjoni insuperabbli” tagħhom. Miniex feħsiebni nippreżenta kumment għall-enċiklika kollha, imma pjuttost nispjega u napprofondixxi pass. Mill-punt di vista tad-duttrina morali miġbura fid-dokument ikkwotat, dan il-pass għandu sinifikat ċentrali. Fl-istess ħin huwa silta li tgħaqqad b’mod strett mar-riflessjonijiet preċedenti tagħna dwar iż-żwieġ fid-dimensjoni tas-sinjal (sagramentali).

Billi – bħal ma għidna – dan huwa pass ċentrali tal-enċiklika, huwa ovvju li hu ikun inserit b’mod ferm profond fl-istruttura kollha tiegħu: l-analiżi tiegħu għalhekk għandu jorjentana lejn id-diversi komponenti ta’ dik l-istruttura, ukoll jekk l-intenzjoni hija li ma nikkummentawx t-test kollu kemm hu.

4. Fir-riflessjonijiet dwar is-sinjal sagramentali, diġa ntqal diversi drabi li huwa bbażat fuq il-“lingwaġġ tal-ġisem” moqri mill-ġdid fil-verità.  Dan għandu x’jaqsam ma’ verità stabbilita l-ewwel darba fil-bidu taż-żwieġ, meta l-għarajjes novelli, waqt li jwegħdu lil xulxin li “jkunu fidili dejjem . . . u li jħobbu u jonoraw lil xulxin il-jiem kollha ta’ ħajjithom”, isiru ministri taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja.

Dan wara kollox jolqot verità li tiġi, biex ngħidu hekk dejjem imwettqa mill-ġdid. Infatti r-raġel u l-mara, waqt li jgħixu fiż-żwieġ “sal-mewt”, jergġħu jipproponu kontinwament, f’ċertu sens, dak is-sinjal li huma stabbilew – permezz tal-liturġija tas-sagrament – fil-jum taż-żwieġ tagħhom.

Il-kliem hawn fuq ikkwotat tal-enċiklika tal-Papa Pawlu VI jirrigwarda dak il-waqt fil-ħajja komuni tal-miżżewġin, li fih it-tnejn li huma, waqt li jingħaqdu fl-att konjugali, isiru, skont l-espressjoni bibblika, “ġisem wieħed” (Gen 2, 24). Propju f’tali waqt, hekk għani b’sinifikat, huwa wkoll importanti li jinqara mill-ġdid il-“lingwaġġ tal-ġisem” fil-verità. Tali qari jsir kondizzjoni indispensabbli biex wieħed jaġixxi fil-verità, jew aħjar biex iġib ruħu b’mod konformi mal-valur u mar-regola morali.

5. L-enċiklika mhux biss tfakkar din ir-regola, imma tfittex ukoll li tagħtina s-sies adegwat. Biex niċcaraw iktar fil-fond dik il-“konnessjoni nseparabbli li Alla ried . . . bejn iż-żewġ sinifikati tal-att konjugali”, Pawlu VI jikteb hekk fis-sentenza ta’ wara: “. . . minħabba l-istruttura ntima tiegħu, l-att konjugali, waqt li jgħaqqad b’mod profond il-miżżewġin, jirrendihom atti għall-ġenerazzjoni ta’ ħajjiet ġodda, skont il-liġijiet miktuba fl-esseri nnifsu tar-raġel u tal-mara”  (Humanae Vitae, 12).

Nosservaw li fis-sentenza preċedenti t-test li għadna kemm ikkwotajna jitkellem speċjalment dwar is-“sinifikat” u fis-sentenza suċċessiva, dwar “l-istruttura intima” (jiġifieri dwar in-natura) tar-rapport konjugali. Waqt li jiddefenixxi din l-“istruttura intima”, it-test jagħmel referenza “għal-liġijiet miktuba fl-esseri nnifsu tar-raġel u tal-mara”.

Il-passaġġ mis-sentenza, li tesprimi r-regola morali, għas-sentenza li twettaqha u timmotivaha, huwa partikolarment sinifikattiv. L-enċiklika tipperswadi u tfittex is-sies tar-regola, li tiddeċiedi l-moralità tal-azzjonijiet tar-raġel u tal-mara fl-att konjugali, fin-natura ta’ dan l-istess att u, ferm iktar profondament, fin-natura tal-istess soġġetti li jaġixxu.

6. F’tali mod, l-“istruttura ntima” (jew aħjar natura) tal-att konjugali tikkostitwixxi  il-bażi meħtieġa għal qari adegwat u skoperta tas-sinifikat, li jmisshom jittrasferixxu lilhom infushom fil-koxjenza u fid-deċiżjonijiet tal-persuni aġenti, u wkoll il-bażi meħtieġa biex jistabilixxi r-rapport adegwat ta’ dawn is-sinifikati, jiġifieri l-inseparabbiltà tagħhom. Billi fl-istess ħin “l-att konjugali jgħaqqad b’mod profond il-miżżewġin . . . u jirrendihom atti għall- ġenerazzjoni ta’ ħajjiet ġodda”, u jiġru kemm il-ħaġa kif ukoll l-oħra “minħabba l-istruttura ntima tagħha”,  jiġri li l-persuna umana (bil-ħtieġa propja tar-raġuni, il-loġika meħtieġa) “imissha” taqra fl-istess ħin iż-żewġ sinifikati tal-att konjugali” u wkoll il-konnessjoni inseparabbli bejn iż-żewġ sinifikati tal-att konjugali”.

Dwar xejn iktar hawn m’għandha x’taqsam għajr mill-qari fil-verità tal-“lingwaġġ tal-ġisem” bħal ma ingħad bosta drabi fl-analiżi bibbliċi preċedenti. Ir-regola morali, mgħallma b’mod kostanti mill-Knisja f’dan il-qasam, imfakkra u rikonfermata minn Pawlu VI fl-enċiklika tiegħu, toħroġ mill-qari tal-“lingwaġġ tal-ġisem” fil-verità

Hawn għandha x’taqsam il-verità, l-ewwel fid-dimensjoni ontoloġika (“struttura intima”) u mbagħad – konsegwentement – fid-dimensjoni soġġettiva u psikoloġika (“sinifikat”). It-test tal-enċiklika jenfasizza li fil-każ in kwestjoni għandha x’taqsam regola tal-liġi naturali.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb