115. Ir-Regola tal-Humanae Vitae toħroġ mil-Liġi Naturali u mill-Ordni Rivelata

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  18/07/1984.

1. Fl-enċiklika Humanae Vitae (Pawlu VI, Humane Vitae, n. 11) naqraw: “Waqt li nħeġgu lill-bnedmin għall-osservanza tar-regoli tal-liġi naturali interpretatha mid-duttrina kostanti tagħha, il-Knisja tgħallem li kwalunkwè att matrimonjali għandu jibqà minnu nfih miftuħ għat-trasmissjoni tal-ħajja”.

Fl-istess ħin l-istess test jikkonsidra u saħansitra jenfasizza d-dimensjoni soġġettiva u psikoloġika, meta jitkellem dwar is-“sinifikat”, u eżattament dwar iż-“żewġ sinifikati tal-att konjugali”.

Is-“sinifikat” jitnissel fil-koxjenza  bil-qari mill-ġdid fil-verità  (ontoloġika) tal-oġġett. Permezz ta’ dan il-qari mill-ġdid, il-verità (ontoloġika) tidħol biex ngħidu hekk fid-dimensjoni konixxittiva: soġġettiva u psikoloġika.

L-Humanae Vitae donnha ddawwar  b’mod partikolari l-attenzjoni tagħna lejn l-aħħar dimensjoni. Dan huwa kkonfermat fost l-oħrajn, b’mod indirett, ukoll fis-sentenza li ġejja: “Aħna naħsbu li l-bnedmin ta’ żminijietna huma b’mod partikulari kapaċi li jaħtfu l-karattru profondament raġonevoli u uman ta’ dan il-prinċipju fondamentali” (Ibid., 12).

2. Dak il-“karattru raġonevoli” jirrigwarda mhux biss il-verità fid-dimensjoni ontoloġika, jew aħjar dak li jikkorrispondi għall-istruttura reali tal-att konjugali. Dan jirrigwarda wkoll l-istess verità fid-dimensjoni soġġettiva u psikoloġika, jiġifieri l-komprensjoni retta tal-istruttura intima tal-att konjugali, jiġifieri l-qari mill-ġdid adegwat tas-sinifikati korrispondenti għal tali struttura u tal-konnessjoni nseparabbli tagħhom, in vista tal-imġieba moralment retta. F’dan tikkonsisti appuntu r-regola morali u r-regolazzjoni korrispondenti tal-atti umani fl-isfera tas-sesswalità. F’tali sens nġħidu li r-regola tidentifika ruħha bil-qari mill-ġdid, fil-verità, tal-“lingwaġġ tal-ġisem”.

3. L-enċiklika Humanae Vitae fiha mela r-regola morali u l-motivazzjoni tagħha, jew almenu approfondiment ta’ dak li jikkostitwixxi l-motivazzjoni tar-regola. Billi, jekk xejn, fir-regola jesprimi ruħu b’mod vinkolanti l-valur morali, jiġri li l-atti konformi mar-regola huma moralment retti, l-atti kontrarji huma mill-banda l-oħra  ntrinsikament illeċiti. L-awtur tal-enċiklika jenfasizza li tali reġola tappartjeni għal-“liġi naturali”, jiġifieri, li hija hija konformi mar-raġuni bħala tali. Il-Knisja tgħallem din ir-regola, għalkemm hija mhix espressa b’mod formali (jiġifieri b’mod letterali) fl-Iskrittura Mqaddsa; u dan iwassal għall-konvinzjoni li l-interpretazzjoni tal-preċetti tal-liġi naturali jappartjenu għall-kompetenza tal-maġisteru.

Madankollu nistgħu ngħidu iktar. Ukoll ir-regola morali, b’tali mod ifformulata fl-enċiklika Humanae vitae, ma tinstabx letteralment fl-Iskrittura Mqaddsa, xejn inqas mill-fatt li hija tinsab fit-tradizzjoni u – kif jikteb Pawlu VI – kienet “bosta drabi esposta mill-maġisteru” (Ivi) lill-fidili, jirriżulta li din ir-regola tikkorrispondi għat-totalità tad-duttrina rivelata miġbura fis-sorsi bibbliċi (Ivi, 4).

4. Hawn tidħol mhux biss it-totalità tad-duttrina morali miġbura fl-Iskrittura Mqaddsa, tal-premessi essenzjali tagħha u tal-karattru ġenerali tal-kontenut tagħha, imma ta’ dak il-kumpless iktar wiesà, għal-liema ddedikajna qabel analiżi numerużi waqt li ttrattajna it-“tejoloġija tal-ġisem”.

Propju fuq l-isfond ta’ tali kumpless wiesà jirrendi ruħu evidenti li l-imsemmija regola morali tappartjeni mhux biss għal-liġi morali naturali, imma wkoll għall-ordni morali rivelata minn Alla: ukoll minn dan il-punt di vista hija ma tistax tkun differenti, imma unikament bħalma jgħadduha t-tradizzjoni u l-maġisteru u, fi żmienna, l-enċiklika  Humanae Vitae, bħala dokument kontempoanju ta’ tali ministeru.

Pawlu VI jikteb: Aħna naħsbu li l-bnedmin ta’ żmienna huma partikolarment kapaċi li jaħtfu il-karattru profondament raġonevoli u uman ta’ dan il-prinċipju fondamentali” (Humanae Vitae, 12). Wieħed jistà jżid: huma kapaċi jaħtfu wkoll l-konformità profonda tiegħu b’dak kollu li jiġi trasmess mit-tradużżjoni li ħarġet mis-sorsi bibbliċi. Il-bażijiet ta’ din il-konformità huma ta’ min ifittixhom b’mod partikolari fl-antropoloġija bibblika. Mill-bqija, huwa magħruf is-sinifikat li l-antropoloġija għandha bħala etika, jiġifieri bħala duttrina morali. Donnu li huwa għal kollox raġonevoli li tfittex propju fit-“tejoloġija tal-ġisem” is-sors tal-verità tar-regoli li jirrigwardaw il-problematika hekk fondamentali tal-bniedem in kwantu “ġisem”: “it-tnejn ikunu ġisem wieħed” (Ġen 2, 24).

5. Ir-regola tal-enċiklika Humanae Vitae tirrigwarda l-bnedmin kollha in kwantu li hija regola tal-liġi naturali u tibbaża ruħha fuq il-konformità mar-raġuni umana (meta, jiġifieri, din tfittex il-verità). Għal raġuni ikbar hija tikkonċerna l-kredenti kollha membri tal-Knisja, meta tqis li l-karattru raġonevoli ta’ din ir-regola jsib konferma b’mod indirett u sosten solidu fit-totalità tat-“tejoloġija tal-ġisem”. Minn dan il-punt di vista tkellimna, fl-analiżi preċedenti, dwar l-“ethos” tar-redenzjoni tal-ġisem.

Ir-regola tal-liġi naturali, ibbażata fuq dan l-“ethos”, issib mhux biss espressjoni ġdida, imma wkoll sies antropoloġiku sħiħ u etiku kemm fil-kliem tal-Vanġelu, kif ukoll fl-azzjoni purifikanti u korroboranti tal-Ispirtu Santu.

Hemm ir-raġunijiet kollha sabiex kull kredent u b’mod partikolari kull tejologu jerġà jaqra u jifhem dejjem iktar b’mod profond id-duttrina morali tal-enċiklika f’dan il-kuntest integrali.

Ir-riflessjonijiet, li għal żmien twil ilna nagħmlu hawn, jikkostitwixxu appuntu tentattiv ta’ tali qari mill-ġdid.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading