122. Talb, Qrar u Tqarbin: Sorsi Ewlenin ta’ Spiritwalità għall-Koppji Miżżewġa

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  03/10/1984.

1. Waqt li nirreferu għad-duttrina miġbura fl-enċiklika Humanae Vitae, se nfittxu nelaboraw iktar il-ħajja spiritwali tal-miżżewġin.

Hekk hu il-kliem il-kbir: “Il-Knisja waqt li tgħallem l-esiġenzi nvjolabbli tal-liġi divina, tħabbar il-fidwa u tiftaħ bis-sagramenti t-toroq tal-grazzja, li tagħmel mill-bniedem krejatura ġdida, kapaċi tikkorrispondi fl-imħabba u fil-libertà vera fil-pjan suprem tal-Ħallieq u Salvatur u li ssib ħelu l-madmad ta’ Kristu..

Il-miżżewġin insara, mela, doċli għal leħnu, jiftakru li l-vokazzjoni kristjana tagħhom bil-Magħmudija ġiet ulterjorment speċifikata u rafforzata bis-sagrament taż-żwieġ. Għalih il-miżżewġin huma stimulati u kważi kkonsagrati għat-twettiq fidil tad-dmirijiet propji, għall-attwazzjoni tal-propja vokazzjoni sal-perfezzjoni u għal xhieda kristjana propja quddiem id-dinja. Lilhom il-Mulej jafda il-kompitu li jirrendu viżibbli lill-bnedmin il-qdusija u l-ħlewwa tal-liġi li tgħaqqad l-imħabba reċiproka tal-miżżewġin bil-koperazzjoni tagħhom fl-imħabba ta’ Alla awtur tal-ħajja umana” (Pawlu VI, Humanae Vitae, 25).

2. Waqt li juri l-ħsara morali tal-att kontraċettiv, u waqt li fl-istess ħin jindika kwadru possibilment integrali tal-prattika “onesta” tar-regolazzjoni tal-fertilità, jew aħjar tal-paternità u maternità responsabbli, l-enċiklika Humanae Vitae toħloq il-premessi li jippermettu l-immarkar tal-linji kbar tal-ispiritwalità kristjana tal-vokazzjoni u tal-ħajja konjugali, u, ugwalment, ta’ dik tal-ġenituri u tal-familja.

Anzi nistgħu ngħidu li l-enċiklika tippresupponi t-tradiżżjoni kollha ta’ din l-ispiritwalità, li tgħaddas għeruqha fis-sorsi bibbliċi, ġa preċedentement analizzati, waqt li offriet l-okkażjoni biex wieħed ikun jistà jirrifletti mill-ġdid fuqhom u biex jibni sintesi adegwata.

Tajjeb li hawn niftakru u ninterpretaw dak li ntqal dwar ir-rapport organiku bejn it-tejoloġija tal-ġisem u l-pedagoġija tal-ġisem. Tali “tejoloġija-pedagoġija”, infatti, tikkostitwixxi diġa minnha nfiha n-nukleju essenzjali tal-ispiritwalità konjugali. U dan huwa ndikat ukoll mis-sentenzi tal-enċiklika kkwotati hawn fuq.

3. Bla dubju jerġà jaqra u jinterpreta b’mod żbaljat l-enċiklika Humanae vitae dak li jara fiha biss ir-riduzzjoni tal-“paternità u maternità” għar-“ritmi bijoloġiċi tal-fertilità” biss. L-awtur tal-enċiklika b’mod enerġiku jiddiżapprova u jikkontradiċi kull forma ta’ interpretazzjoni riduttiva (u f’tali sens “parzjali”), u jerġà jipproponi b’insistenza l-intenzjoni ntegrali. Il- paternità-maternità responsabbli, intiża integralment, mhix ħaġ’oħra għajr element importanti  tal-ispiritwalità konjugali u familjari, ta’ dik il-vokazzjoni jiġifieri li dwarha jitkellem it-test ikkwotat mill- Humanae Vitae, meta jiddikjara li l-miżżewġin għandhom jattwaw il-“vokazzjoni propja sal-perfezzjoni” (Pawlu VI,Humanae Vitae, 25). Huwa s-sagrament taż-żwieġ li jqawwihom u kważi jikkonsagrahom biex jilħquha (cf. Humanae Vitae, 25).

Fid-dawl tad-duttrina, espressa fl-enċiklika, tajjeb li nqisu dik il-“qawwa korroboranti” li hija magħquda mal-“konsagrazzjoni sui generis” tas-sagrament taż-żwieġ.

Billi l-analiżi tal-etika problematika tad-dokument ta’ Pawlu VI kienet ċentrata b’mod speċjali fuq il-ġustizzja tar-regola rispettiva, l-abbozz tal-ispiritwalità konjugali, li tinsab hemm, trid tenfasizza propju dawn il-“qawwiet” li jirrendu possibbli x-xhieda kristjana awtentika tal-ħajja konjugali.

4. Mhu feħsiebna xejn affattu naħbu d-diffikultajiet kultant gravi inerenti għall-ħajja tal-miżżewġin insara: għalihom, bħalma għal kull wieħed , “huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li twassal għall-ħajja” (cf. Mt 7, 14). Imma t-tama ta’ din il-ħajja għandha ddawwal il-mixja tagħhom, waqt li b’mod kuraġġuż jisfurzaw li jgħixu b’għaqal, ġustizzja u ħniena fiż-żmien preżenti, meta jafu li l-figura ta’ din id-dinja tgħaddi” (Humanae Vitae, 25).

Fl-enċiklika, il-viżjoni tal-ħajja konjugali hija, f’kull pass, identifikata minn rejaliżmu kristjan, u huwa propju dan li jgħin maġġorment biex jintlaħqu dawk il-“qawwiet” li jippermettu li tifforma l-ispiritwalità tal-miżżewġin u tal-ġenituri fl-ispirtu ta’ pedagoġija awtentika tal-qalb u tal-ġisem.

L-istess koxjenza “tal-ħajja futura” tiftaħ, biex ngħidu hekk, orizzont wiesà għal dawk il-qawwiet li għandhom jiggwidawhom tul it-triq dejqa (cf. Humanae Vitae, 25) u tmexxihom mill-bieb dejjaq tal-vokazzjoni evanġelika.

L-enċiklika tgħid: “Jaffrontaw mela l-miżżewġin l-isforzi meħtieġa, mgħejjuna mill-fidi u mit-tama li “ma jiddiżappuntawx, għaliex l-imħabba ta’ Alla kienet imlaqqma f’qalbna mal-Ispirtu Santu, li ġie mogħti lilna “” (Pawlu VI, Humanae Vitae, 25).

5. Hekk hi l-“qawwa” essenzjali u fundamentali: L-imħabba minquxa fil-qalb (“imlaqqma fil-qlub”) mill-Ispirtu Santu. Wara l-enċiklika tindika kif il-miżżewġin għandhom jitolbu tali “qawwa” essenzjali u kull “għajnuna divina” oħra permezz tat-talb; kif għandhom jilħqu l-grazzja u l-imħabba mis-sors dejjem ħaj tal-Ewkaristija; kif għandhom jegħlbu “b’perseveranza umli” il-propji nuqqasijiet u il-propji dnubiet fis-sagrament tal-Penitenza.

Dawn huma l-mezzi –  infallibbli u indispensabbli – biex tifforma l-ispiritwalità kristjana tal-ħajja konjugali u familjari. Bihom dik il-“qawwa” essenzjali u spiritwalment krejattiva tal-imħabba tilħaq il-qlub umana u fl-istess ħin, l-iġsma umani fil-maskulinità u l-feminilità soġġettiva tagħhom. Din l-imħabba, infatti, tippermetti li tinbena il-konvivenza kollha tal-miżżewġin skont dik il-“verità tas-sinjal”, permezz ta’ liema jiġi kostruwit iż-żwieġ fid-dinjità sagramentali tiegħu, bħalma jirrivela l-punt ċentrali tal-enċiklika  (cf.Humanae Vitae, 12).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb