Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-II ġimgħa tar-Randan


Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tar-Randan
Il-Ġimgħa

QARI I
Arah, ġej il-ħalliem! Issa ejjew ħa noqtluh!
Ġen 37, 3-4.12-13a.17b-28

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Iżrael kien iħobb ’il Ġużeppi aktar minn ħutu kollha, għax kien twelidlu fi xjuħitu; u għamillu libsa twila bil-kmiem. U ħutu ntebħu li missierhom kien iħobbu aktar minn ħutu kollha; u saru jobogħduh u ma kellhomx ħila jkellmuh bis-sliem.

U ħutu marru jirgħu l-imrieħel ta’ missierhom f’Sikem. U Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ara ħutek qegħdin jirgħu f’Sikem, ejja ħa nibagħtek ħdejhom”. U rħielha Ġużeppi għal wara ħutu, u sabhom f’Dotan. U huma rawh mill-bogħod u sakemm wasal ħdejhom ftiehmu kif joqtluh. U bdew jgħidu lil xulxin: “Arah, ġej il-ħalliem! Issa ejjew ħa noqtluh u nixħtuh ġo xi bir, u mbagħad ngħidu li xi bhima selvaġġa kilitu, u naraw x’jiswielu l-ħolm tiegħu”.

U Ruben sama’ u ħelsu minn idejhom, u qalilhom: “Ma nneħħulux ħajtu”. U żied jgħidilhom Ruben: “La xxerrdux demm. Ixħtuh f’dan il-bir li hawn fid-deżert, u la tmiddux idejkom fuqu”. Dan għamlu biex jeħilsu minn idejhom, u jroddu lil missieru.

U ġara li malli Ġużeppi wasal ħdejn ħutu, neżżgħuh mil-libsa li kellu fuqu, il-libsa twila bil-kmiem, u qabduh u xeħtuh fil-bir. Il-bir kien battâl, mingħajr ilma. Imbagħad qagħdu bilqiegħda jieklu l-ħobż. Kif refgħu għajnejhom raw karwana ta’ Ismagħelin ġejja minn Gilgħad bl-iġmla tagħhom mgħobbija bid-dragant, il-balzmu u l-lawdnu, sejrin iħottuhom l-Eġittu. U Ġuda qal lil ħutu: “X’se ndaħħlu jekk noqtlu ’l ħuna u naħbu demmu? Ejjew inbigħuh lill-Ismagħelin u ma mmiddux idejna fuqu, għax ħuna u laħamna hu”. U ħutu semgħu minnu.

U għaddew xi neguzjanti Midjanin, u ġibdu lil Ġużeppi u tellgħuh mill-bir, u biegħu lil Ġużeppi lill-Ismagħelin b’għoxrin biċċa tal-fidda; u ’l Ġużeppi ħaduh l-Eġittu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 104 (105), 16-17.18-19.20-21

R/. (5a): Niftakru Mulej fl-għeġubijiet tiegħek

Il-Mulej bagħat il-ġuħ fuq l-art,
qerdilhom il-qamħ minn wiċċ ir-raba’ tagħhom.
Kien bagħat qabilhom raġel,
’il Ġużeppi, mibjugħ bi lsir. R/.

Rabtulu riġlejh bil-ktajjen,
dawrulu l-ħadid ma’ għonqu,
sakemm seħħ dak li kien ħabbar,
u l-kelma tal-Mulej rebbieħ ħarġitu. R/.

Is-sultan bagħat iħollu,
dak li jaħkem il-popli ħelsu.
Għamlu sid fuq id-dar tiegħu,
ħallielu f’idejh ġidu kollu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 3, 16

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Ara l-werriet! Ejjew noqtluh!
Mt 21, 33-43.45-46

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu”, qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh.

Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”. Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:
“Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna”?

Għalhekk ngħidilkom: li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.

Meta semgħu l-parabboli tiegħu l-qassisin il-kbar u l-Fariżej fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom.Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, imma beżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżommu bi profeta.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu