Qari tal-Quddies tal-Ħamis tat-II ġimgħa tar-Randan


Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tar-Randan
Il-Ħamis

QARI I
Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin. Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej.
Ġer 17, 5-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan jgħid il-Mulej:
“Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin,
li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem,
u titbiegħed qalbu mill-Mulej.
Ikun bħal siġra tal-għargħar fix-xagħri,
li ma tara ebda ġid ġej,
li tgħammar f’art tikwi fid-deżert,
art mielħa fejn ħadd ma jgħammar.
Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej,
u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.
Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla,
b’għeruqha mxenxla lejn il-wied;
ma tibżax meta tiġi s-sħana,
il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar;
fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx,
u ma tehdiex milli tagħmel il-frott.
Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha?
Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb u ngħarbel il-ġewwieni,
biex nagħti ’l kull wieħed skont imġibtu,
skont ma jkun jistħoqq għemilu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 1, 1-2.3.4 u 6

R/. (Salm 39 (40), 5a): Hieni l-bniedem
li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma
li tagħmel il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;
iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 8, 15

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Henjin dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera,
u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
It-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati.
Lq 16, 19-31

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej: “Kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.

Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”.

Qallu Abraham: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”.

Qallu l-għani: “Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”. Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd millimwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu