Qari tal-Quddies tat-Tnejn tat-II ġimgħa tar-Randan


Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tar-Randan
It-Tnejn

QARI I
Aħna dnibna, ġibna ruħna ħażin.
Dan 9, 4b-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

“Nitolbok, Sidi, Alla l-kbir u tal-biża’, li jżomm il-patt ma’ dawk li jħobbuh u jħarsu l-kmandamenti tiegħu, aħna dnibna, ġibna ruħna ħażin, għamilna d-deni, qomna kontra tiegħek, tbegħedna mill-kmandamenti u l-ġudizzji tiegħek, ma smajniex mill-qaddejja tiegħek il-profeti, li f’ismek kellmu lis-slaten u lill-kapijiet tagħna, lil missirijietna u lill-poplu tal-art. Il-ġustizzja, o Sid, hija min-naħa tiegħek; iżda min-naħa tagħna, kif aħna llum, aħna għandna l-mistħija ta’ wiċċna, ta’ wiċċ kull bniedem ta’ Ġuda, ta’ wiċċ kull min joqgħod Ġerusalemm, ta’ wiċċ kulħadd f’Iżrael, sew dawk li huma hawn magħna u sew dawk li huma mbiegħda fl-artijiet li fihom inti tturufnajthom minħabba l-qerq tagħhom kontrik.

Għajb għal wiċċna, Mulej, għal wiċċ is-slaten u l-kapijiet tagħna, għal wiċċ missirijietna, li dnibna kontrik. Mingħand Alla Sidna l-ħniena u l-maħfra, għax aħna qomna kontrih, u ma tajniex widen għall-Mulej Alla tagħna meta sejħilna biex nimxu skont il-liġijiet li hu qegħdilna quddiemna permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 78 (79), 8.9.11 u 13

R/. (Salm 102 (103), 10a): Mulej timxix magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna

Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi;
fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,
għax ninsabu mifnija għall-aħħar. R/.

Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,
f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;
eħlisna u aħfrilna dnubietna,
minħabba l-isem tiegħek. R/.

Ħa jasal quddiemek ilfiq l-imjassrin;
fil-kobor ta’ qawwietek
salva ’l dawk li huma għall-mewt. R/.
aħna, il-poplu tiegħek u l-merħla tal-mergħa tiegħek,
niżżuk ħajr għal dejjem;
minn żmien għal żmien inxandru tifħirek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 6, 63ċ.68ċ

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja,
inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Aħfru, u ssibu l-maħfra.
Lq 6, 36-38

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra. Agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu