Diskors tal-Papa fid-Dar Ċentrali tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. 2001


Diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II fid-Dar Ċentrali tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, Blata l-Bajda, 9 ta’ Mejju 2001.

Ħuti għeżież,

Fil-ferħ tal-Għid, nagħmel tiegħi kliem il-Mulej imqajjem mill-mewt: “Il-paċi magħkom!”  Irroddilkom ħajr għall-merħba sabiħa tagħkom.  Għax din turi li dik l-ospitalità li darba lqajtu biha lill-Appostlu Pawlu (cf Att 28,2) għadek issibha f’Malta.  Inħossni grat għall-kliem sabiħ tas-Superjur Ġenerali li, f’isem iż-żewġ sezzjonijiet tas-Soċjetà, esprima l-imħabba kollha tagħkom għall-Knisja u għas-Suċċessur ta’ San Pietru.

Il-gżira ta’ Malta hija blata tielgħa mill-baħar, fejn il-ħamrija hija skarsa u x-xemx hi qawwija.  Anke dan il-post, fejn qed niltaqgħu, iġib l-isem ta’ Blata l-Bajda.  B’danakollu, tul il-mijiet ta’ snin, Malta kienet ġeneruża u fertili b’mod tal-għaġeb fit-toroq profondi tal-Ispirtu.  Il-fidi tal-Maltin li ma titheżżeż minn xejn għamlet minn din il-blata dik il-ħamrija għammiela li jitkellem minnha l-Evanġelju.  F’din il-ħamrija, il-Beatu Ġorġ Preca ħawwel is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, fejn tant iffjorixxiet fil-mitt sena ta’ ħajjitha. Għall-kuntrarju tas-siġra tat-tin fl-istorja tal-Vanġelu li għadna kemm smajna (cf Lq 13,6-9), intom ġibtu frott kotran, u ta’ dan irridu nsebbħu ’l Alla u rroddulu ħajr illum.

Dun Ġorġ ma żerax biss iż-żerriegħa; ħa ħsieb tax-xitla u tema’ lis-siġra żagħżugħa biex tikber b’saħħitha u għammiela, kif fil-fatt kibret.  Intom kbirtu għax għeruqkom imniżżlin fil-fond fi Kristu, u għaliex kontu sostnuti tajjeb mill-ħajja qaddisa ta’ Dun Ġorġ.

Biex tifhmu s-sejħa tagħkom iktar fil-fond, ħarsu lejn is-siġra tat-tin.  Il-weraq tari tagħha juru li wasal is-sajf (cf Lq 21:29-31); fl-istaġun tas-sħana tipprovdi kenn mir-raġġi tax-xemx; tagħti frott ħelu abbundanti b’ikel; u l-Bibbja tgħid li l-frott tagħha fih il-qawwa li tfejjaq (cf Is 38,21).  Din hi tixbiha ta’ dak li għandkom tkunu!  Bħala katekisti għandkom tipprovdu sostenn ħelu għal dawk kollha li għandhom ġuħ għal Alla; għandkom twasslu l-fejqan lil min qed isofri minn nuqqas ta’ dawl u mħabba.  Jekk tagħmlu hekk, intom tkunu tassew sinjal tar-rebbiegħa li l-Ispirtu s-Santu bħalissa qed iħejji l-Knisja għalih.

Kull fejn Dun Ġorġ kien imur jipprietka, folol ta’ nies kienu jmorru warajh.  Kliemu kien isaħħarhom.  Għaliex?  Għax fil-prietki ta’ Dun Ġorġ kienu qed jagħrfu leħen Ġesù nnifsu.  Lill-Mulej kienu qed jisimgħu; kienet is-sbuħija irreżistibbli ta’ Kristu li ġibdithom, għax Hu biss – u huma kienu jafuh dan – seta’ jissodisfa l-iktar xewqat profondi ta’ qalbhom.  Is-sbuħija tal-qdusija li tinsab b’mod suprem f’Ġesù, u li llum tidher riflessa fil-Beatu l-ġdid, tibqa’ dejjem bla ma tfalli tiġbed il-qalb tal-bniedem lejha.  Ma hemmx dubju li jekk aħna nkunu kapaċi nuru lid-dinja l-wiċċ ta’ Kristu mqajjem mill-mewt, allura nilħqu l-erwieħ u nirbħuhom b’manjieri tassew tal-għaġeb!

Huwa f’kontemplazzjoni profonda li nistgħu nsibu “il-glorja t’Alla li hi f’wiċċ Kristu” (2 Kor 4,6).  Hu għalhekk li r-regola tal-ħajja tagħkom titlob minnkom li titolbu ta’ sikwit u li tiltaqgħu regolarment mad-direttur spiritwali tagħkom, li jservi ta’ gwida u ta’ kumpann fit-triq tal-fedeltà tagħkom.  Li tħares f’wiċċ Kristu jfisser li timtela b’enerġija spiritwali ħalli twettaq il-missjoni afdata f’idejk.  Bħal San Pawl, mill-kontemplazzjoni intom imsejħin biex toħorġu bħal missjunarji: mhux biss bħala għalliema imma bħala xhieda li jitkellmu b’qawwa għax tistgħu tgħidu, bħall-ewwel dixxipli, “Rajna l-Mulej!” (Ġw 20,25).  Kien il-Papa Pawlu VI li kiteb li “n-nies tal-lum iktar tolqothom ix-xhieda milli l-għalliema, u jekk jisimgħu lil dawn hu minħabba li dawn jagħtu wkoll xhieda” (Evangelii Nuntiandi, 41).  Dan kien jgħodd għal Dun Ġorġ b’mod tal-għaġeb, u dan irid ikun jgħodd ukoll għalikom, l-ulied tiegħu spiritwali.

Fl-ittra tiegħu lill-Galatin, San Pawl jikteb li Alla “kien kuntent li juri lil Ibnu fija, biex jien ngħallmu fost il-Pagani” (1,16).  Hu ma jgħallimx lil Kristu irrevelat “lili” imma lil Kristu irrevelat “fija”.  Darba Ġesù juri lilu nnifsu lil Sawlu fit-triq ta’ Damasku, u ladarba Pawlu jiftaħ qalbu biex jilqa’ dan id-don, l-Appostlu jsir hu nnifsu rivelazzjoni.  Hu jimtela bi Kristu, b’mod li jkun jista’ jgħid fl-istess Ittra: “Mhux aktar jien li ngħix, imma hu Kristu li jgħix fija” (2,20).  Ħajtu kollha, dak kollu li jagħmel, jgħid jew jaħseb, ġismu stess, moħħu, qalbu u ruħu, isiru rivelazzjoni ta’ Ġesù lid-dinja.  Dan hu l-misteru sublimi tal-vokazzjoni li ngħatat mhux biss lil San Pawl u lill-Beatu Ġorġ Preca, imma wkoll lil kull wieħed u waħda minnkom.

Il-Fundatur tagħkom kellu devozzjoni speċjali għall-kliem: “Verbum Dei caro factum est”, mibni fuq il-Prologu ta’ San Ġwann: “Il-Kelma saret bniedem” (1,14).  Hawn, fil-fatt, qegħdin il-vokazzjoni u l-appostolat tagħkom.  Il-Kelma Divina, f’ċertu sens, qiegħda kontinwament titlaħħam fil-Ġisem tiegħu Mistiku, il-Knisja.  Intom tridu tgħinu f’dan billi tagħmlu mal-oħrajn dak li Dun Ġorġ għamel magħkom.  Tridu tiżirgħu ż-żerriegħa tal-kelma ta’ Alla f’qalb in-nies, biex Kristu jkun jista’ jgħix fihom!  Tridu tgħallmu lil kulħadd – tfal, żgħażagħ, u adulti – biex iħarsu fuq wiċċ Kristu, biex jaraw il-Mulej (cf Novo Millennio Inuente, 16), biex id-dawl tas-sebħ ta’ Alla li jiddi minn wiċċ Ġesù jiddi wkoll minnhom.  Dan hu l-mod kif “il-Knisja tnissel l-għeruq tagħha fiż-żmien u l-post li juri l-azzjoni tal-Inkarnazzjoni nnifisha (ibid 3).

Waqt li intom tmorru għal din il-missjoni qaddisa u tkompluha, ħa jidwi f’qalbkom bla ma jieqaf kliem il-fundatur tagħkom: MUSEUM – Magister, utinam sequatur Evangelium universus munus!  Mgħallem Divin, mhux li kienet id-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju!  Waqt li nafdakom fl-interċessjoni tal-Verġni Marija, ta’ San Pawl u tal-Beatu Ġorġ Preca, kif ukoll tal-Beatu Injazju u tal-Beata Adeodata li kienu beatifikati wkoll illum, jiena nagħti l-Barka tiegħi Appostolika lill-membri kollha tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija bħala pleġġ tal-ħniena bla tarf ta’ Ġesù Kristu, “ix-xhud fidil u l-ewwel fost il-mejtin” (Riv 1,5).  Il-paċi magħkom!