Ftit jafu l-ħajja ta’ San Gejtanu, għalhekk dawn il-plays żgħar jistgħu jgħinu biex insiru nafu xi episodji mill-ħajja ta’ da nil-qaddis u naraw kemm kellu valuri sbieħ. – Joe Galea
Playlet 1
FJURI FIL-BASKET
(Gejtanu għandu basket kbir f’idu. Iżommha b’mod li tidher tqil. Jagħti l-impressjoni li ħareġ mill-bieb tad-dar b’mod li ma jħalli lil ħadd jarah. Aħjar ma jkunx hemm ħafna dawl biex jidher li hu filgħaxija. Fuq naħa jkun hemm iż-żiju ta’ Gejtanu, rieqed bil-qiegħda imma jqum x’ħin jisma l-passi ta’ Gejtanu, mingħajr ma juri lil Gejtanu.)
Ziju: (waħdu) Dal-ħin!… Dat-tifel fejn sejjer? Imissu ilu li raqad.
(Gejtanu jgħaddi minn quddiem iz-ziju mingħalih li ma ndunax bih. Kif Gejtanu jgħaddi minn ħdejn iz-ziju, dan jaqbdu minn idejh.)
Gejtanu: X’qatgħa tajtni, zi! Ħsibtek rieqed!
Ziju: Gejtanu, tista’ tgħidli fejn sejjer f’dal-ħin?
Gejtanu: Ma kellix ngħas, u ftakart li m’hemmx fjuri quddiem il-Madonna li hawn fil-kantuniera.
Ziju: Fjuri? Jidher li dak il-basket tqil! Ħa nara x’fih!
Gejtanu: Inti daqsxejn kurjuż! Qed ngħidlek, fjuri fih! Fjuri biss.
Ziju: Imma m’inix inxomm ir-riħa tal-fjuri. Din riħa ta’ ikel!
Gejtanu: Qed ixxomm ħażin!
(Iz-ziju juri li qed ixomm dak li hemm fil-basket.)
Ziju: Qbadtek. Dak sehmek u se tgħaddih lill-foqra t’hawn wara. Kemm inti ta’ qalb tajba! Imma sakemm tasal attent minn fejn tgħaddi.
Gejtanu: Ziju, qed ngħidlek dawn fjuri. Ara kif inhuma fjuri!…
(Gejtanu jiftaħ il-basket u joħroġ minnhom bukkett fjuri kbir u sabiħ. Iressaqhom lejn i-ziju li jgħannqu miegħu bil-fjuri b’kollox.)
Playlet 2
DAR SINJURA WISQ
(Bilqiegħda fuq siġġu sabiħ hemm il-konti ta’ Oppido, liebes ta’ sinjur. Jersaq lejh il-kjeriku Gejtanu. Il-konti iqum u jieħu lil Gejtanu minn idejh u jimxu ftit.)
Konti: Għażiż Gejtanu, naf li hawn ġo Napli m’għandkomx fejn toqogħdu.
Gejtanu: Iva, s’issa għadna ma sibniex.
Konti: Imma xtaqt li nagħtik aħbar tajba. Toqogħdu fid-dar tiegħi.
Gejtanu: Inti qalbek tajba wisq. Diġa’ tajtna biċċa art biex naħdmu fiha.
Konti: Imma tridu x’imkien fejn torqdu!
Gejtanu: Le! Le!… Nirringrazzjak ta’ din l-istedina, imma nixtiequ li noqogħdu x’imkien ifqar milli fid-dar ta’ konti bħalek.
Konti: Imma qed noffrilkom jiena,… minn qalbi.
Gejtanu: Tibżax, xorta waħda għandek mertu quddiem Alla.
(Il-konti jitfantas u jersaq lejn żewġ saċerdoti lebsin pulit.)
Konti: Reverendu, tagħmluli favur jekk trattbu dik ir-ras iebsa ta’ Gejtanu ħalli jaċċetta li jiġi fid-dar tiegħi. Jagħmilli unur!
(Iż-żewġ saċerdoti jersqu lejn Gejtanu)
Saċerdot: Gejtanu, m’intix tagħmel sew li titlob lil Alla jgħinek u ma tħallix lin-nies jgħinuk. Alla mhux se jagħmel mirakli għalik kull darba!
Gejtanu: Il-faqar tiegħi mhuwiex għax jien prużuntuż. Xejn minn dan! Il-Knisja taf bija u kif qiegħed nafda kollox f’idejn Alla. Dejjem ħa ħsiebna, anke meta f’Venezja kien hemm il-ġugħ.
Saċerdot: Imma hawn m’aħniex ġo Venezja. F’Napli qegħdin, u n-nies ta’ Napli mhumiex daqshekk galantomi.
Gejtanu: (filwaqt li jimxu flimkien, u jgħaddu minn ħdejn il-konti, li jibqa’ bilqiegħda)
Jista’ jkun, imma tinsewx li Alla ta’ Napli hu l-istess Alla ta’ Venezja.
Playlet 3
Il-BANK TA’ NAPLI
(Raġel liebes fqir, bil-qiegħda b’rasu baxxuta bejn idejh. Jidher inkwetat. Jiġi lejh raġel mgħaġġel b’karti f’idejh.)
Bankier: Ara meta se tħallas, għax se tispiċċa ħażin.
Fqir: M’għandix minn fejn.
Bankier: Mela għaliex issellift, la kont taf li mhux se tasal?
Fqir: Ma kontx naf li se jitla’ daqshekk imgħax.
Bankier: Hekk jonqos, insellfu l-flus mill-bank, u ma nitħallsux imgħax tajjeb!
Fqir: Agħtini ftit żmien ieħor.
Bankier: Ma nagħtik żmien xejn! Nitfgħak il-ħabs!
(Gejtanu jkun qed jisma’ kollox, u jersaq lejn iż-żewġt irġiel.)
Gejtanu: Sinjur, nagħtik kelma li niġbor il-flus li inti qed titlob lil dan l-imsejken. Sa ġimgħa oħra jkunu għandek.
(Il-bankier jgħaffeġ l-karti u jitlaq bil-herra)
Gejtanu: (lill-fqir) Ħabib, mur id-dar bil-kwiet. Anzi l-istorja tiegħek se tkun il-bidu ta’ bank ieħor; bank li jsellef lill-foqra u ma jiħux imgħax.
Fqir: Tajba l-idea!
Gejtanu: U nsemmuh Monte di Pieta’, jiġifieri il-Bank tgal-Ħniena. Nafda f’Alla li dan il-bank jirnexxi, u ‘l quddiem għad ikun il-Bank ta’ Napli!
Minn Joe Galea