Il-Papa liż-Żgħażagħ fl-Istadju Nazzjonali, Ta’ Qali. 1990

Print Friendly, PDF & Email

Laqgħa maż-Żgħażagħ fl-Istadju Nazzjonali, Ta’ Qali.

27 ta’ Mejju 1990

Għeżież Żgħażagħ ta’ Malta,

Kuntent li qiegħed fostkom!

  1. Insellmilkom ilkoll b’imħabba kbira fil-Mulej Ġesù Kristu.Din il-laqgħa tagħna dalgħodu hija rigal tal-għaġeb minn Alla lilkom u lili! F’ċertu sens, il-Papa ġie Malta biex iwasslilkom l-isfida li tiġina mill-istess kliem tal-Iskrittura li smajna mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann. Intom “qawwija”? “Il-kelma ta’ Alla qiegħda tgħammar fikom”? Intom “għelibtuh il-ħażin”? (ara Ġw 2:14). Fil-qies ta’ din ir-rebħa ż-żgħożija, l-entużjażmu u l-fidi tagħkom jistgħu jkunu sinjal ta’ tama kbira għall-Knisja u għas-soċjetà.

Waqt li kont qiegħed nisma’ l-kliem ħelu ta’ merħba tagħkom stajt inħoss ix-xewqa tagħkom li tgħixu skont ir-rieda ta’ Alla u tieħdu sehem aktar attiv fil-ħajja tal-Knisja f’pajjiżkom. Intom qsamtu wkoll miegħi wħud mill-mistoqsijiet ebsin li jkiddukom u d-diffikultajiet li ssibu ruħkom fihom biex toqogħdu għal dak li titlob il-ħajja Nisranija. Fil-ħin li għandna flimkien, nittama li ngħaddilkom uħud mill-ħsibijiet li joħorġu minn qalbi u li huma ispirati mill-fidi li tgħaqqadna f’Ġesù Kristu l-Mulej tagħna.

  1. Aktar minn waħda mill-mistoqsijiet li għamiltu missewiddiffikultà li wieħed jagħmel dak li jaf li hija r-rieda ta’ Alla meta għandkom pressjoni minn dawk ta’ fuqkom u minn kif miexja s-soċjetà ta’ llum.  Nifhem dak li qegħdin tgħidu. Kultant, biex inwieġbu għas-sejħa ta’ Alla, inġarrbu ċertu biża’; u nżommu lura hekk kif nifhmu li l-ubbidjenza lejn Alla qed titlob ħafna minna. Bħal Ġesù fil-Ġnien tal-Ġetsemani, jibdew “jaħkmuna l-biża’ u d-dwejjaq” (Mk 14:33) hekk kif nintebħu bil-prezz li rridu nħallsu jekk irridu nobdu r-rieda tal-Missier. In-natura mkabbra tagħna tirvella għall-ħsieb li rridu nagħtu kont ta’ ħajjitna u ta’ kulma nagħmlu.

B’danakollu, il-ħsieb li rridu nagħtu dan il-kont, li aħna personalment responsabbli għall-użu li nagħmlu mill-għotjiet li Alla ta lil kull wieħed u waħda minna, hu ċentrali fl-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Intom tiftakru l-istorja tat-talenti fl-Evanġelju ta’ San Mattew (ara 25:14-30). Is-sid ġie lura biex jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Lil dawk li kienu amministrawlu ġidu tajjeb qalilhom: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdalek ħafna: idħol fil-hena ta’ sidek” (v.21). Imma lil dak li ma għamel xejn biex iħaddem it-talent li kien tah, qal: “Ħudulu mela t-talent … Għax kull min għandu jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu” (vv. 28-29).

Hawnhekk il-Mulej qiegħed jgħallimna liġi li hija fil-qalba tal-bxara tal-Evanġelju; xi ħaġa li ż-żgħażagħ ta’ kullimkien jistgħu jifhmuha faċilment. Mingħajr impenn bis-serjetà fil-ħajja għal dak li hu veru u tajjeb,  mingħajr rieda soda biex wieħed iħallas il-prezz tar-rebħa, mingħajr id-determinazzjoni biex wieħed jirbaħ lilu nnifsu u jintefa’ tassew biex jgħin lill-oħrajn, il-ħajja tispiċċa bla direzzjoni u bla sens. It-tamiet kbar taż-żgħożija tagħkom jistgħu jispiċċaw fix-xejn u jmutu jekk ma jinbidlux malajr f’azzjoni, fi kliem ieħor, jekk “ma tkunux qawwija” (ara 1 Ġw 2:14).

  1. Kulliumkien naraw żgħażagħ ħerqanin li jagħmlu din id-dinja post aħjar, fejn wieħed jista’ jsib aktar imħabba u ġustizzja u jħossu qisu f’daru. Dawn l-ideali huma l-arja friska li s-soċjetà tant teħtieġ biex tibqa’ tiġġedded il-ħin kollu. Imma intom stess tafu kemm iż-żgħażagħ jistgħu jintrebħu malajr mill-moda li tgħaddi u minn tamiet fiergħa; kemm hu faċli li jiġru warakuntentizza ta’ mument imwiegħda lilhom f’imġiba sesswali bla ebda responsabbiltà, fid-droga u fl-alkoħol, u fit-tfittxija bla rażan ta’ ħwejjeġ materjali.

Min-naħa l-oħra, il-programm ta’ ħajja li Ġesù Kristu qed joffrilna jwassal għall-ferħ veru, ferħ fil-qalb u li jibqa’, kuntentizza li jkollha għeruqha fil-fond tal-qalb u tibqa’ għal dejjem. Intom tafu li l-ferħ tal-Għid, dak il-ferħ li kebbes qlub l-ewwel dixxipli (ara Lq 24:32) m’huwiex ferħ irħis. Il-ferħ nisrani jintrabat mal-aċċettazzjoni tal-misteru tas-Salib. Ġesù ma għallimniex bl-istess eżempju tiegħu li ħajjitna nsibuha tassew billi l-ewwel nitilfuha (ara Mt 10:39)? Ma qalilniex li l-ħabba tal-qamħ trid l-ewwel taqa’ fl-art u tmut jekk trid tagħmel il-frott (ara Ġw 12:24)? Din hija l-liġi evanġelika tal-ħajja li Ġesù qiegħed jerġa’ jwassal liż-żgħażagħ ta’ Malta. Tħossukom qawwija biżżejjed biex tiċħdu l-profeti foloz u ’l dawk li jbigħulkom il-mewt u li diġà wasslu lil tant żgħażagħ madwar id-dinja biex jemmnu li ma hemm l-ebda tama, li ma hemm xejn ta’ min jgħix għalih, li ma tista’ teżisti l-ebda dinja aħjar li ta’ min jaħdem għaliha b’sagrifiċċju kbir personali?

Intom staqsejtuni dwar it-tentazzjonijiet. It-tentazzjonijiet kollha kemm huma mibnija fuq gidba, u jeħduha kontra l-verità li ġejja minn Alla. Bla dubju kollha jwasslu għall-illużjoni. L-istess bħalma ġara lill-ewwel ġenituri tagħna, it-tentazzjoni tipprova twassalna biex nemmnu li hemm xi ħaġa oħra barra mir-rieda ta’ Alla li tista’ tagħmilna tassew kuntenti. Ħafna drabi wkoll, it-tentazzjoni m’hijiex ix-xewqa biex nagħmlu xi ħaġa li nafu li hi ħażina, imma iktar biex noqogħdu lura milli nagħmlu dak li nafu li hu tajjeb għaliex nibżgħu li mhux se nkunu b’saħħitna biżżejjed biex inkompluh sal-aħħar.. Mill-ġdid, il-programm ta’ ħajja li jwasslilna Ġesù jitlob li nitqabdu l-ħin kollu mat-tentazzjoni. M’hemm xejn stramb f’dan, u ma għandniex għalfejn nibżgħu: fi Kristu “intom qawwija u l-kelma ta’ Alla qiegħda tgħammar fikom u intom għelibtu l-ħażin” (1 Ġw 2:14).

Għalhekk, li twieġeb għas-sejħa ta’ Ġesù li timxi warajh huwa proċess ta’ konverżjoni li jtul għal ħajjitna kollha. Għal ħafna minnkom, il-konverżjoni tal-moħħ u tal-qalb għal Kristu hija iktar kwistjoni tal-għażliet li nagħmlu kuljum milli r-riżultat ta’ xi ħaġa ta’ mument li jiġi fuqek f’daqqa u li jista’ jkun mimli emozzjoni. Fl-istess ħin ċerti deċiżjonijiet huma importanti ħafna bħal, ngħidu aħna, meta tagħżel li taqta’ darba għal dejjem minn stil ta’ mġiba li taf li hu ta’ dnub u li qed ikissrek, jew meta tasal tagħraf aħjar għal liema stat tal-ħajja Alla qiegħed isejjaħlek: għaż-żwieġ, għas-saċerdozju, jew għal xi waħda mill-forom ta’ ħajja ikkonsagrata. Imma kull deċiżjoni li tieħdu, kemm kbira u kemm żgħira, tibqa’ dejjem ċans jew biex tersqu iktar qrib lejn Alla jew biex titbiegħdu minnu u minn dik il-verità li hi biss tista’ teħliskom (ara Ġw 8,32).

  1. Xi ħadd minnkom staqsieni dwar mumenti diffiċli li jien seta’ kelli f’ħajti u x’tgħallimt minnhom. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, meta pajjiżi kien okkupat u mjassar, ma kienx faċli tibqa’ taħdem jum wara ieħor f’ċirkustanzi hekk iebsa, li tara tant tbatija u inġustizzja kull fejn iddawwar wiċċek, u fl-istess ħin tkompli tgħix it-tama u tafda f’Alla u f’nies oħra. Ma kinitx ħaġa faċli nħalli fija wisa’ għal leħen il-Mulej li kien qiegħed isejjaħli biex nagħti lili nnifsi kollni kemm jien fis-saċerdozju u nistudja bil-moħbi biex inħejji ruħi għal dik il-konsagrazzjoni, meta tista’ tgħid konna neqsin minn kollox. Immal-ebda sejħa li hi vera ma hi faċli.

Dak li tgħallimt f’dawk il-mumenti “iebsa” u oħrajn bħalhom kien li nqis kollox fid-dawl ta’ Kristu: it-triq, il-verità u l-ħajja ta’ kull individwu u tal-popli kollha (ara Ġw 14:6). Il-kbir San Pawl iwissina li hemm pedament wieħed biss li fuqu jeħtieġ nibnu – Ġesù Kristu – u kull wieħed u waħda minna jeħtieġ inqisu sewwa kif nibnu fuqu (ara 1 Kor 3:10-11). Kristu huwa “l-għarus” (ara Ġw 3:29), “il-ħabib” (ar Ġw 15:14), dak “li jimxi magħna” tul it-triq ta’ ħajjitna, dak li jimla ’l qlubna bil-ferħ kif għamel mad-dixxipli fit-triq ta’ Emmaws (ara Lq 14:13-35)! Huwa “l-ħobż” tagħna (ara Ġw 6:35), “is-sliem” tagħna (ara Efe 2:14), dak li jerfa’ t-toqol tagħna fuqu meta aħna mħabbtin u mtaqqlin (ara Mt 11:28-30). U ejja ma ninsewx, mill-għoli tas-Salib tiegħu tana lil Ommu stess biex tkun Ommna (ara Ġw 19:27), biex tieħu ħsiebna u tmexxina f’kull prova u f’kull tiġrib. Le, żgħażagħ ta’ Malta, meta tfittxu li tagħmlu r-rieda ta’ Alla u tobdu l-kmandamenti tiegħu ma intom qatt weħidkom (ara Ġw 14:21). Meta tkunu fid-dubju u fid-diffikultà qatt la tibżgħu tmorru quddiem il-Mulej kif hu jidħol f’ħajjitkom u jagħmel lilu nnifsu preżenti fit-talb u fis-sagramenti tal-Penitenza u tal-Ewkaristija. Hemmhekk għandkom issibu mhux biss il-maħfra tiegħu mimlija mħabba, imma tirċievu wkoll il-qawwa li teħtieġu biex tibqgħu sal-aħħar tagħmlu r-rieda tiegħu bil-ferħ.

Iżda li f’ħajjitkom tagħtu l-ewwel post lil Kristu ma jitlobx biss konverżjoni tal-qalb; jitlob ukoll konverżjoni l-ħin kollu tal-moħħ. Bħala dixxipli intom imsejħa biex tqisu kollox fid-dawl ta’ Kristu, F’kull mument ta’ ħajjitkom, f’kull deċiżjoni li tieħdu, jeħtieġ li tistaqsu l-ħin kollu lilkom infuskom: “Il-mod kif naħseb jien u kif inġib ruħi jien jaqbel mal-mentalità ta’ Kristu?” Hu importanti li dan iżżommuh f’moħħkom meta tkunu tiddiskutu bejnietkom ideat u valuri li huma tant komuni fis-soċjetà moderna iżda li jistgħu jmorru kontra dik il-verità ħelliesa dwar il-bniedem kif tgħallimnieha minn Kristu. Għani-Nisrani veru, l-Evanġelju huwa l-kejl ta’ kull deċiżjoni u ta’ kull azzjoni. F’kelma waħda, kollox irridu nqisu bil-kejl ta’ Alla, u mhux bil-kejl tal-bnedmin (ara Mk 8:33).

  1. Intom qsamtu miegħi wħud mill-weġgħat tagħkom quddiemil-firda u l-mibegħda li taraw madwarkom. Intom tafu tajjeb li dawn l-attitudnijiet imorru kontra l-Evanġelju, u meta jsiru qishom m’huma xejn jew huma mħeġġa minn dawk li jgħidu li huma dixxipli ta’ Kristu, hija l-istess kredibbiltà tal-Evanġelju li qed tiddgħajjef. Anki hawnhekk jeħtieġ li intom tkunu qawwija. Kull wieħed u waħda minnkom intom imsejħa biex ixxerrdu ma’ ta’ madwarkom l-imħabba ta’ Kristu li tgħaqqad. Il-bini tal-paċi bejn il-bnedmin u fi gruppi soċjali jitlob ħafna sabar, rispett għall-konvinzjonijiet tal-oħrajn, u li wieħed jipprova sinċerament jidħol fi djalogu kostruttiv biex flimkien naslu għall-verità u nkunu nistgħu naħdmu flimkien għall-ġid ta’ kull wieħed u tas-soċjetà.

L-akbar sehem li tistgħu tagħtu intom biex jitfejqu l-ġrieħi tal-firda, kulfejn dawn jiunsabu, jiġi mill-impenn tagħkom li taħdmu b’kuxjenza Nisranija matura. Tridu tqisu kollox fid-dawl tal-fidi tagħkom fi Kristu. Agħrfu li Kristu ħeliskom! Intom ma għandkomx tħossukom marbuta mill-iżbalji, mir-rabja u mill-preġudizzji li ntirtu mill-imgħoddi. Alla takom iż-żgħożija, l-enerġija u l-idealiżmu biex toħolqu forom ġodda ta’ ħidma flimkien. Tibżgħux tużawhom dawn l-għotjiet, tibżgħux tpoġġu fil-prattika dak li temmnu fejn jidħlu r-relazzjonijiet bejnietkom, il-ħajja tal-familja, ix-xogħol tagħkom, is-sehem tagħkom fil-bini tas-soċjetà u f’kull qasam tal-ħajja! Fid-dar, fl-iskola u fuq ix-xogħol kunu bennejja ta’ solidarjetà li jkollha għeruqha fil-Kristjaneżmu li huwa l-għeżeż wirt ta’ Malta mill-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija!

  1. Għeżież żgħażagħ ta’ Malta: Se nħallikom billi naċċertakom liintom għandkom post speċjali ħafna fil-Knisja ta’ Kristu meta din qed tfittex bis-sħiħ li twettaq il-missjoni ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ salvazzjoni li rċeviet mingħand il-Mulej. Meta rċevejtu s-sagramenti tal-Magħmudija, tal-Griżma tal-Isqof u tal-Ewkaristija intom sirtu membri sħaħ tal-Knisja. Intom għandkom sehem sħiħ fil-missjoni tagħha li tqaddes id-dinja u twassal kullimkien l-ispirtu ta’ Kristu (ara Lumen Gentium, 31).

Il-Knisja għandha bżonnkom. Għandha bżonn kull wieħed u waħda minnkom individwalment, imma għandha bżonn ukoll ix-xhieda tal-komunitajiet parrokkjali tagħkom. Għandha bżonnkom biex tagħtu xhieda għall-qdusija, għall-ġustizzja, għal servizz mimli mħabba lejn il-fqar u dawk fil-bżonn li huma s-sinjali ta’ min tassew hu dixxiplu ta’ Kristu. Il-Knisja għandha bżonnkom biex timtela iżjed bl-ispirtu ta’ Kristu waqt li tistinkaw qawwijin fil-bini tas-saltna.

Illum il-Papa qed jagħmlilkom din is-sejħa: tibżgħu qatt tagħtu lilkom infuskom b’mod sħiħ lil Alla meta tfittxu li tgħixu skont is-sejħa li hu għamlilkom fi Kristu! Qatt titilfu t-tama fil-qawwa ta’ Alla li żżommkom sħaħ tul it-triq, anki meta s-sitwazzjonijiet madwarna jidhru bla tama! Kunu qawwijin u għelbu l-ħażin! Ħallu l-kelma ta’ Alla tgħammar fikom! (ara 1 Ġw 2:14). Jien għandi qalbi qawwija li mill-ġenerożità u mill-entużjażmu tagħkom il-Mulej għad joħroġ frott abbundanti għall-ħajja tal-Knisja u għall-ġid ta’ Malta.

B’għożża kbira nirrikkmandakom ilkoll lit-talb kollu mħabba tal-Verġni Mqaddsa Marija u nagħtikom, lilkom u lill-familji tagħkom, Barka Appostolika speċjali.

%d bloggers like this: