L-Evangelizzazzjoni fil-Qawwa, il-Ġdid u l-Għaqda tal-Ispirtu s-Santu


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 1 ta’ Lulju 1998.

Nru 7 L-Evanġelizzazzjoni fil-Qawwa, il-Ġdid u l-Għaqda  tal-Ispirtu Santu

  1. Mal-inżul tal-Ispirtu Santu fuq l-Appostli f’jum il-Pentekoste dawn “bdew jitkellmu b’ilsna oħra bħal ma kien itihom l-Ispirtu l-poter li jesprimu ruħhom” (cfrAt 2,4). Wieħed mela jistà jgħid li l-Knisja, fil-waqt stess li fih twieldet, tirċievi d-don mill-Ispirtu  tal-ħila li “tħabbar l-opri kbar ta’ Alla” (At 2,11): dan huwa d-don tal-evanġelizzazzjoni.

Dan il-fatt jinvolvi u jirrivela liġi fundamentali tal-istorja tal-fidwa: ma tistax tevanġelizza, linqas tipprofetizza, insomma ma tistax titkellem dwar il-Mulej, mingħajr il-grazzja u l-qawwa tal-Ispirtu Santu. Waqt li ninqdew b’analoġija bijoloġika, nistgħu ngħidu li bħal ma l-kelma umana hija  kkomunikata  min-nifs uman, hekk il-Kelma ta’ Alla hija mxandra min-nifs ta’ Alla, mir-rauch tiegħu jew mill-pneuma, li huwa l-Ispirtu Santu.

  1. Din ir-rabta bejn l-Ispirtu ta’ Alla u l-kelma divina nistgħu ninnutawha diġa mill-esperjenza tal-profeti antiki.

Is-sejħa ta’ Eżekjel tiġi deskritta bħala  l-infużjoni ta’ “spirtu” fil-persuna: “(Il-Mulej) qalli: ‘bin il-bniedem, qum, irrid inkellmek’. B’dan migħud, spirtu daħal ġo fija, qajjimni fuq saqajja u jien smajt lil dak li kien qed ikellimni” ( 2,1-2).

Fil-ktieb ta’ Iżaija wieħed jaqra li l-qaddej futur tal-Mulej ixandar id-dritt lin-nazzjonijiet propju għaliex il-Mulej qiegħed l-ispirtu tiegħu fuqu (cfr  42,1).

Skont il-profeta Ġoel, iż-żminijiet messjaniċi se jkunu kkaratterizzati minn effużjoni universali tal-Ispirtu: “Wara dan, jien  ngħaddas l-Ispirtu tiegħi fuq kull bniedem” (Ġl 3,1); permezz ta’ din il-komunikazzjoni tal-Ispirtu “isiru profeti wliedkom subien u wliedkom bniet” (ibid.).

  1. F’Ġesù r-rabta Spirtu-Kelma tilħaq il-quċċata tagħha: infatti huwa hu l-istess Kelma magħmula laħam “bl-opra tal-Ispirtu Santu”. Jibda jippriedka “bil-qawwa tal-Ispirtu Santu” (cfrLq4,14ss). Ġo Nażżaret fil-priedka inawgurali tiegħu japplika għalih il-pass ta’ Iżaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi (…) bagħatni biex inħabbar lill-fqajrin messaġġ ferrieħ” (Lq 4,18). Bħal ma jenfasizza r-rabà Vanġelu, il-missjoni ta’ Ġesù, “dak li Alla bagħat” u  “jesprimi l-kliem ta’ Alla”, huwa frott tad-don tal-Ispirtu, li huwa rċieva u jagħti “bla qies” (cfr Ġw 3,34). Waqt li deher lil tiegħu fiċ-ċenaklu l-għaxija tal-Għid, Ġesù jwettaq il-ġest hekk espressiv tal- “infih” fuqhom waqt li jgħid: “Irċievu l-Ispirtu Santu” (cfr Ġw 20,21-22).

Taħt dak in-nifs tiżvolġi l-ħajja tal-Knisja. “L-Ispirtu Santu huwa l-protagonista tal-missjoni ekkleżjali kollha” (Redempt. Miss.21). Il-Knisja xxandar il-Vanġelu grazzi għall-preżenza tiegħu u għall-qawwa tiegħu feddejja. Waqt li jdur lejn l-insara ta’ Tessalonika, San Pawl jiddikjara: “Il-Vanġelu tagħna ma xteridtx fostkom biss permezz tal-kelma, imma wkoll bil-qawwa u bl-Ispirtu Santu” (1 Ts 1,5). San Pietru jiddefinixxi l-appostli “dawk li xandru l-vanġelu fl-Ispirtu Santu” (1 Pt 1,12).

Imma xi tfisser “tevanġelizza fl-Ispirtu Santu”? Wieħed jistà jgħid b’mod sintetiku: tfisser tevanġelizza fil-qawwa, fit-tiġdid, fl-għaqda tal-Isprtu Santu.

  1. Tevanġelizza fil-qawwa tal-Ispirtu jfisser li nkunu milquta b’dik il-qawwa li wriet ruħha fl-aqwa tagħha fl-attività evanġelika ta’ Ġesù. Il-Vanġelu jgħidilna li s-semmiegħa kienu jistagħġbu bih għaliex “kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu awtorità u mhux bħall-iskribi” (Mk1,22). Il-kelma ta’ Ġesù tkeċċi x-xjaten, tikkalma t-tempesti, tfejjaq il-morda, taħfer lill-midimbin, tqajjem il-mejtin.

L-awtorevolezza ta’ Ġesù tiġi  investita mill-Ispirtu Santu, bħala don paskwali, lill-Knisja. Hekk naraw lill-appostli għonja bil-parrhesía, jew aħjar b’dik l-onestà li ġġegħlhom jitkellmu dwar Ġesù mingħajr biżà. L-avversarji jibqgħu b’ħalqhom miftuħ “meta jqisu li kienu mingħajr tagħlim u  popolani” (At 4,13).

Ukoll Pawlu, grazzi għad-don tal-Ispirtu fil-Patt il-Ġdid, jistà jiddikjara bis-sewwa kollu: “Qawwijin b’tali tama, inġibu ruħna b’ħafna onestà” (2 Kor 3,12).

Din il-qawwa tal-Ispirtu hija iktar minn qatt qabel meħtieġa għall-insara ta’ żmienna, li minnhom huwa mitlub li jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom f’dinja spiss indifferenti, jekk mhux ukoll ostili,  immarkata b’qawwa mir-relattiviżmu u mill-edoniżmu. Din hija qawwa li jinħtieġu speċjalment il-predikaturi li jridu jerġgħu jipproponu l-Vanġelu mingħajr ma jċedu għal kompromessi u tidwir mal-lewża falz, waqt li jxandru l-verità ta’ Kristu “f’kull okkażjoni opportuna u mhux opportuna” (2 Tm 4,2).

  1. L-Ispirtu Santu jassikura lill-aħbar ukoll karattru ta’ attwalità dejjem imġedda, sabiex il-predikazzjoni ma taqax għal ripetizzjoni vojta ta’ formuli u għal applikazzjoni kiesħa ta’ metodi. Infatti, il-predikaturi jridu jkunu għas-servizz tal-“Patti l-Ġdid”, li mhuwiex “tal-ittra”, li joqtol, imma “tal-Ispirtu”, li jgħajjex (cfr2 Kor 3,6). Dan mhux dwar  tifrix tar-“reġim qadim tal-ittra”, imma r-“reġim il-ġdid tal-Ispirtu” (cfr Rm 7,6). Din illum hija esiġenza partikolarment vitali għall-“evanġelizzazzjoni l-ġdida”, Din tkun verament “ġdida” fil-fervur tal-metodi, fl-espressjonijiet, kemm-il darba min iħabbar l-għegubijiet ta’ Alla u jitkellem f’ismu, jkun l-ewwel semà lil Alla u jkun irrenda lilu nnifsu doċli għall-Ispirtu Santu. Fundamentali hija għalhekk il-kontemplaazzjoni magħmula minn smigħ u talb. Jekk il-ħabbar ma jitlobx, jispiċċa biex “jippriedka lilu nnifsu” (cfr 2 Kor 4,5) u kliemu jirriduċi ruħu għal “tqasqis profan” (cfr 2 Tm 2,16).
  2. L-Ispirtu fl-aħħarnett jakkumpanja u jistimola l-Knisja biex tevanġelizza fl-għaqda waqt li tibni l-għaqda. Il-Pentekoste ġie meta d-dixxipli “kienu jinsabu lkoll flimkien fl-istess post” (At2,1) u kienu “lkoll” (…) magħqudin fit-talb” (At 1,14). Wara li kienu rċivew l-Ispirtu Santu, Pietru jagħmel l-ewwel diskors lill-folla “bilwieqfa flimkien mal-Ħdax l-oħra” (At 2,14): din hija l-ikona ta’ aħbar korali, li hekk trid tibqà ukoll meta l-ħabbara huma mferrxa mad-dinja.

Li tippriedka lil Kristu taħt l-impuls tal-uniku Spirtu, fuq l-għatba tat-tielet Millenju,  jinvolvi għall-insara kollha sforz konkret u ġeneruż lejn il-komunjoni sħiħa. Din hija l-ikbar  intrapriża tal-ekumeniżmu,  li ta’ min jissekondaha b’tama dejjem imġedda u b’impenn  attiv, ukoll jekk iż-żminijiet u r-riżultati jinsabu f’idejn il-Missier, li jitlob prontezza umli fl-aċċettazzjoni tal-pjanijiet tiegħu u tal-ispirazzjonijiet interni tal-Ispirtu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb