Il-Pentekoste u l-għoti tal-Liġi l-Ġdida tal-Ispirtu s-Santu.


ĠWANNI PAWLU II 

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 17 ta’ Ġunju 1998.

Nr 6 Il-Pentekoste u l-Għoti tal-Liġi l-Ġdida tal-Ispirtu Santu

  1. Fl-aħħar ċena Ġesù kien qal lill-Appostli: “Issa jien ngħidilkom l-verità: hu tajjeb għalikom li jiena mmur, għaliex jekk jien ma mmurx, ma jiġix għandkom il-Konsolatur; imma meta jiena nkun mort, nibagħtulkom” (Ġw16,7). Filgħaxija ta’ jum l-Għid Ġesù jżomm il-wegħda: jidher lill-Ħdax miġburin fiċ-ċenaklu, jonfoħ fuqhom u jgħid: “Irċievu l-Ispirtu Santu” (Ġw20,22). Ħamsin jum wara, f’Għid il-Ħamsin (Pentekoste), nsibu “l-manifestazzjoni definittiva ta’ dak li kien twettaq fl-istess ċenaklu diġà f’Ħadd il-Għid” (Dom. et viv., 25). Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli kkonservalna d-deskrizzjoni tal-ġrajja  (cfr At 2,1-4). Waqt li nirriflettu dwar dan it-test, nistgħu nħossu  xi fatturi tal-identità misterjuża tal-Ispirtu Santu.
  2. Huwa importanti qabel xejn li nifhmu l-konnessjoni bejn il-festa Lhudija tal-Pentekoste u l-ewwel Pentekoste kristjana.

Fil-bidu l-Pentekoste kienet il-festa tas-sebà ġimgħat (cfr Tb 2,1), il-festa tal-ħsad (cfr Es 23,16), meta kienu jiġu offruti lil Alla l-ewwel prodotti tal-qamħ (cfr Nm 28,26; Dt 16,9). Suċċessivament il-festa rċeviet sinifikat ġdid: saret il-festa tal-patt li Alla kien għamel mal-poplu tiegħu fuq is-Sinaj, meta kien ta l-liġi tiegħu lill-Iżrael.

San Luqa jirrakkonta l-ġrajja tal-Pentekoste bħala teofanija, manifestazzjoni ta’ Alla analoga għal dik tal-muntanja Sinaj (cfr. Es19,16-25): ħoss  qawwi, riħ qawwi, ilsna tan-nar. Il-messaġġ huwa ċar: il-Pentekoste huwa s-Sinaj il-ġdid, huwa l-għoti tal-liġi l-ġdida. B’mod l-iktar akut jilqà din ir-rabta Santu Wistin: “Hemm misteru kbir u meraviljuż, ħuti: jekk tqisu ftit, fil-jum tal-Pentekoste (il-Lhud) irċevew il-liġi miktuba b’subgħajn Alla u fl-istess jum ta’ Pentekoste ġie l-Ispirtu Santu” (Ser. Mai 158,4). U Santu Padri tal-Orjent, Severiano di Gabala: “Kien konvenjenti li fil-jum li fih ingħatat il-liġi l-qadima, f’dak l-istess jum ingħatat il-grazzja tal-Ispirtu Santu” (Cat. in Act. Apost. 2,1).

  1. B’dan il-mod twettqet il-wegħda magħmula lil missirijietna. Naqraw fil-profeta Ġeremija: “Dan ikun il-patt li jien nikkonkludi mad-dar ta’ Iżrael wara dawk il-jiem, jgħid il-Mulej: Inqiegħed il-liġi tiegħi f’ruħhom, niktibha fuq qalbhom”(Ġer31,33). U fil-profeta Eżekjel: “Nagħtikom qalb ġdida, inqiegħed ġewwa fikom spirtu ġdid, inwarrab minnkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam. Inqiegħed fikom l-Ispirtu tiegħi u ngħejjixkom skont il-preċetti tiegħi u nġegħelkom tosservaw u tqiegħdu fil-prattika l-liġijiet tiegħi” ( 36,26-27).

B’liema mod l-Ispirtu Santu jikkostitwixxi l-patt il-ġdid u etern? Billi jneħħi d-dnub u jreġġa’ lura fil-qalb tal-bniedem l-imħabba ta’ Alla: “Il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsek mil-liġi tad-dnub li jagħti l-mewt” (Rm 8,2). Il-liġi możajka kienet tesponi xi obbligi, imma ma setgħetx tibdel qalb il-bniedem. Kienet meħtieġa qalb ġdida, u huwa appuntu dan li Alla joffrilna bis-saħħa tal-fidwa mwettqa minn Ġesù. Il-Missier ineħħi qalbna tal-ġebel u jirregalalna qalb tal-laħam, bħal dik ta’ Kristu, imħeġġa mill-Ispirtu Santu li jġigħlna naġixxu bl-imħabba  (cfr Rm 5,5). Bażata fuq dan id-don jinstawra ruħu l-patt il-ġdid bejn Alla u l-umanità. San Tumas jiddikjara b’mod akut li l-Ispirtu Santu nnifsu huwa l-Patt il-Ġdid, billi jopera fina l-imħabba, il-milja tal-liġi (cfr Comment. in 2 Cor 3,6).

  1. Nhar Pentekoste jinżel l-Ispirtu u titwieled il-Knisja. Il-Knisja hija l-komunità ta’ dawk li huma “mwielda minn fuq”, “minn ilma u minn Spirtu”, bħalma naqraw fil-Vanġelu ta’ Ġwanni (cfr Ġw3,3.5). Il-komunità nisranija mhijiex qabelxejn ir-riżultat tad-deċiżjoni ħielsa ta’ dawk li jemmnu; fl-oriġni tagħha hemm primarjament l-inizjattiva b’xejn tal-Imħabba ta’ Alla li joffri d-don tal-Ispirtu Santu.  Il-kunsens tal-fidi għal dan id-don ta’ mħabba huwa “tweġiba” għall-grazzja u huwa hu nnifsu mqanqal mill-grazzja. Bejn l-Ispirtu Santu u l-Knisja għalhekk teżisti rabta profonda u indissolubbli. Għal dan il-għan Sant’Irinew jgħid: “Fejn hemm il-Knisja, hemm hemm ukoll l-Ispirtu ta’Alla, u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej, hemm hemm il-Knisja u kull grazzja”  (Adv. Haer, 3,24,1). Wieħed mela jifhem l-espressjoni  impertinenti ta’ Santu Wistin: “Wieħed għandu tant Spirtu Santu daqs kemm iħobb il-Knisja” (In Io. 32,8).

Ir-rakkont tal-ġrajja ta’ Pentekoste jenfasizza li l-Knisja titwieled universali: dan huwa s-sens tal-elenku tal-popli – Parti, Medi, Elamiti… (cfr At 2,9-11) – li jisimgħu l-ewwel aħbar magħmula minn San Pietru. L-Ispirtu Santu huwa rregalat lill-bnedmin kollha ta’ kull razza u nazzjon, u jwettaq fihom l-għaqda l-ġdida tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu. San Ġwann Krisostmu jenfasizza l-għaqda mwettqa mill-Ispirtu Santu b’din l-osservazzjoni konkreta: “Min jgħix f’Ruma jaf li l-abitanti tal-Indji huma l-membri tagħha” (In Io., 65,1; PG 59,361).

  1. Mill-fatt li l-Ispirtu Santu huwa “l-patt il-ġdid”, joħroġ li l-opra tat-tielet Persuna tat-Trinità Mqaddsa tikkonsisti fli tirrendi preżenti il-Mulej Irxuxtat u miegħu Alla l-Missier. L-Ispirtu infatti jeżerċita l-azzjoni feddejja tiegħu waqt li jirrendi immedjata l-preżenza ta’ Alla. F’dan jikkonsisti l-patt il-ġdid u etern: issa Alla irrenda ruħu raġġjunġibbli minn kull wieħed u waħda minna. Kull wieħed, “mill-iżgħar sal-ikbar” (cfr Ġer 31,34), huwa mżejjen, f’ċertu sens, mill-għarfien dirett tal-Mulej, bħalma naqraw fl-ewwel ittra ta’ San Ġwann: “Inkwantu għalikom, id-dlik li rċivejtu mingħandu jibqa’ fikom u m’għandkomx bżonn li xi ħadd jgħallimkom: imma bħalma d-dlik tiegħu jgħallimkom kollox, huwa  mimli verità u ma jigdibx, hekk tkunu sodi fih, bħalma hu jgħallimkom” (1 Ġw 2,27). Hekk titwettaq il-wegħda magħmula minn Ġesù lid-dixxipli tiegħu waqt l-aħħar ċena: “Il-Konsolatur, l-Ispirtu Santu li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jiena għedtilkom” (Ġw 14,26).

Grazzi għall-Ispirtu Santu, il-laqgħa tagħna mal-Mulej isseħħ  fl-ambjent ordinarju tal-eżistenza filjali, fil-“wiċċ imb wiċċ” tal-ħbiberija, waqt li nagħmlu esperjenza ta’ Alla bħala Missier, Ħuna, Ħabib u Għarus. Dan huwa l-Pentekoste. Dan huwa l-Patt il-Ġdid.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb