L-Ispirtu s-Santu, ir-Ruħ tal-Knisja


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 8 ta’ Lulju 1998.

Nru 8  L-Ispirtu Santu, ir-Ruħ tal-Knisja

  1. “Jekk il-Kristu huwa l-kap tal-Knisja, l-Ispirtu Santu huwa ruħha”. Hekk kien iddikjara il-meqjum predeċessur tiegħi Ljun XIII fl-enċiklika Divinum illud munus(1897: DS3328). U warajh, Piju XII iddikjara: l-Ispirtu Santu fil-Ġisem mistiku ta’ Kristu “huwa l-bidu ta’ kull azzjoni vitali u tassew feddejja f’kull wieħed mid-diversi membri tal-Ġisem” (Enc. Myst. Corp., 1943: DS 3808).

Illum irridu nirriflettu dwar il-misteru tal-Ġisem ta’ Kristu li huwa l-Knisja, inkwantu mgħejxa u animata mill-Ispirtu Santu.

Wara l-ġrajja tal-Pentekoste, il-grupp li jagħti oriġni lill-Knisja jimbidel b’mod profond: dan kien, l-ewwel, grupp magħluq u statiku, ta’ madwar “mija u għoxrin ruħ” (At 1,15); dan kien wara grupp miftuħ u dinamiku, li miegħu, wara d-diskors ta’ Pietru, “ingħaqdu madwar tlett elef ruħ” (At 2,41). In-novità vera mhix tant magħmula minn dan l-għalkemm straordinarju tkabbir numeriku, imma mill-preżenza tal-Ispirtu Santu. Sabiex ikun hemm infatti l-komunità nisranija mhux biżżejjed grupp ta’ persuni. Il-Knisja titwieled mill-Ispirtu tal-Mulej. Hi tippreżenta ruħha – biex nużaw espressjoni feliċi tal-mibki Kardinal Congar – “interament imdendla mas-sema” (La Pentecoste, trad. it., Brescia 1986, p. 60).

  1. Dan it-twelid fl-Ispirtu, li seħħ għall-Knisja kollha nhar Pentekoste, iġedded lilu nnifsu għal kull wieħed li jemmen fil-magħmudija, meta niġu mgħaddsa “fi Spirtu wieħed” biex niddaħhlu “f’ġisem wieħed” (1 Kor12,13). Naqraw f’Sant’Irinew: “Bħal ma mid-dqiq ma tistax tagħmel, mingħajr l-ilma, ħobża waħda, hekk aħna, li aħna ħafna, ma stajniex insiru wieħed fi Kristu Ġesù, mingħajr l-ilma li jiġi mis-sema” (Adv. Haer.3,17,1). L-ilma li jiġi mis-sema u jibdel l-ilma tal-magħmudija huwa l-Ispirtu Santu.

Santu Wistin jiddikjara: “Dak li l-ispirtu tagħna, jew aħjar ir-ruħ tagħna, huwa għall-membri tal-ġisem tagħna, huwa l-istess l-Ispirtu Santu għall-membri tal-ġisem ta’ Kristu, għall-Ġisem ta’ Kristu li huwa l-Knisja” (Serm. 267,4).

Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fil-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja, jerġà lura fuq din ix-xbiha, jiżviluppaha u jippreċiżaha: Kristu “tana mill-Ispirtu tiegħu, li, uniku u identiku fir-ras u fil-membri, jagħti lill-ġisem kollu l-ħajja, l-għaqda u l-moviment, hekk li s-Santi Padri setgħu iqabblu l-funzjoni tiegħu ma’ dik li jeżerċita l-prinċipju vitali, jiġifieri r-ruħ, fil-ġisem uman” (LG, 7).

Dan ir-rapport tal-Ispirtu mal-Knisja jorjentana biex nifhmuha mingħajr ma naqgħu fiż-żewġ żbalji opposti li diġa il-Mystici Corporis kienet esponiet: in-naturaliżmu ekklesjoloġiku li jieqaf  unilateralment għall-aspett viżibbli sal-punt li jikkonsidra l-Knisja bħala sempliċi istituzzjoni umana: jew inkella, għall-oppost, il-mistiċiżmu ekklesjoloġiu li jenfasizza l-għaqda tal-Knisja ma’ Kristu, sal-punt li jikkonsidra lil Kristu u lill-Knisja bħala speċi ta’ persuna fiżika. Dawn huma żewġ żbalji li għandhom analogija – bħal ma diġa kien enfasizza Ljun XIII fl-enċiklika Satis cognitum – bħala żewġ ereżiji kristoloġiċi: in-nestorjaniżmu li kien jifred iż-żewġ naturi fi Kristu, u l-monofiżiżmu li kien iħawwadhom. Il-Konċilju Vatikan II offrilna sintesi li tgħinna biex nilqgħu l-veru sens tal-għaqda mistika tal-Knisja, billi ppreżentaha “bħala realtà unika komplessa magħmula minn element  doppju, divin u uman” (LG, 8).

  1. Il-preżenza tal-Ispirtu Santu fil-Knisja tagħmel iva li hi, għalkemm immarkata mid-dnub tal-membri tagħha, tkun ippriservata mill-abbandun. Infatti l-qdusija mhux biss tissostitwixxi d-dnub, imma tissuperah. Ukoll f’dan is-sens wieħed jistà jgħid ma’ San Pawl li hemm fejn id-dnub joktor, il-grazzja toktor bil-kbir (cfr Rm 5,20).

L-Ispirtu Santu jgħammar fil-Knisja mhux bħala  mistieden li hu xinhu jibqà barrani, imma bħala r-ruħ li tibdel il-komunità f’ “tempju qaddis ta’ Alla” (1 Kor 3,17; cfr 6,19; Ef 2,21) u jassimilaha kontinwament miegħu permezz tad-don tiegħu speċifiku li huwa l-karità (cfr Rm 5,5; Gal 5,22). Il-karità – jgħallem il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja – “jiddirieġi l-mezzi kollha tal-qdusija, jagħtihom forma u jmexxihom għall-iskop tagħhom” (LG, 42). Il-karità hija l-“qalb” tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu, bħal ma naqraw fil-paġna sabiħa awtobijografika ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù: “Fhimt li l-Knisja kellha ġisem. Magħmul minn membri differenti, u ma kienx nieqes il-membru l-iktar nobbli u l-iktar meħtieġ. Fhimt li l-Knisja kellha qalb, qalb imħeġġa bl-Imħabba. Fhimt li l-imħabba biss kienet timbotta għall-azzjoni lill-membri tal-Knisja   li, mitfiha din l-Imħabba, l-appostli ma kinux iħabbru iktar il-Vanġelu, il-martri ma kinux iktar ixerrdu demmhom (…). Fhimt li l-Imħabba kienet tħaddan fiha l-vokazzjonijiet kollha, li l-imħabba kienet kollox, li kienet tinfirex tul iż-żminijiet u l-postijiet kollha (…) f’kelma waħda li l-Imħabba hija eterna” (Manoscr. Autobiogr.B 3v).

  1. L-Ispirtu li jgħammar fil-Knisja, jgħammar ukoll fil-qalb ta’ kull fidil: huwa il-dulcis hospes animae. Li ssegwi mixja ta’ konverżjoni u ta’ qdusija personali jfisser allura li tħalli lilek innifsek “titmexxa” mill-Ispirtu (cfr Rm8,14), tħallih jaġixxi, jitlob, iħobb fina. “Li nsiru qaddisin” huwa possibbli kemm-il darba nħallu lilna nfusna nkunu mqaddsin minn dak li hu s-“Santu”, waqt li nikkollaboraw b’mod ħelu mal-azzjoni trasformanti tiegħu. Għal dan, billi l-oġġettiv prijoritarju tal-Ġublew huwa li nsaħħu mill-ġdid l-fidi u x-xhieda tal-insara, “huwa meħtieġ li nqanqlu f’kull fidil xewqa vera għall-qdusija, xewqa qawwija ta’ konverżjoni u ta rinnovament personali fi klima ta’ talb dejjem iktar intens u ta’ lqugħ solidali tal-proxxmu, speċjalment dak l-iktar fil-bżonn” (Tertio Millennio Adveniente, 42).

Nistgħu nżommu li l-Ispirtu Santu huwa bħar-ruħ ta’ ruħna, u għaldaqstant is-sigiet ta’ qdusitna. Inħallu ruħna niġu mgħammra mill-preżenza tiegħu qawwija u  raġġjonevoli, intima u trasformanti!

  1. San Pawl jgħallimna li r-residenza tal-Ispirtu Santu fina, marbuta b’mod strett mal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, hija wkoll is-sies tal-qawmien mill-imwiet finali tagħna: “Jekk l-Ispirtu ta’ dak li rxoxta lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, dak li qajjem lil Kristu mill-imwiet se jagħti l-ħajja wkoll lill-iġsma tagħkom mortali permezz tal-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom” (Rm8,11).

Fil-bejatitudni eterna se ngħixu fil-konvivjalità ferrieħa li issa tiġi  ppjanata u antiċipata fl-Ewkaristija. Imbagħad l-Ispirtu se jwassal għall-maturazzjoni sħiħa ż-żrieragħ kollha tal-għaqda, tal-imħabba u tal-fraternità, li jkunu ffjorixxew tul il-pellegrinaġġ tagħna f’din id-dinja. Bhal ma jiddikjara San Girgor Nissenu, “imdawrin mill-għaqda tal-Ispirtu Santu bħal mir-rabta tal-paċi, ilkoll se nkunu Ġisem wieħed u Spirtu wieħed” (Hom. 15 in Cant.).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb