Il-Kunsilji Evanġeliċi skont it-tagħlim tal-Knisja (1)


Se nibda serje ta’ artikli dwar il-ħajja reliġjuża, jiġifieri l-ħajja li ngħixu aħna l-patrijiet, brothers u s-sorijiet li jwegħdu lil Alla permezz tal-voti tal-faqar, tas-safa’ u tal-ubbidjenza.

Aħna qed nippruvaw ngħixu tajjeb biex insiru aktar perfetti u nsiru aktar maqgħudin m’Alla. Il-ħajja reliġjuża tgħinna u tfakkarna biex ngħixu ħajja perfetta kif iridna l-Imgħallem Divin.

Jekk inħarsu lejn il-kodiċi tad-drittu Kanoniku tas–sena 1983 naraw li jagħti tifsira teoloġika tal-ħajja reliġjuża jew aħjar tal-ħajja kkonsagrata. Il-kanone fin–numru 573 ipoġġi dawn l-elementi sbieħ fid-defenizzjoni li jagħti:

1. Li timxi mill-qrib wara Kristu mqanqal mill-Ispirtu s-Santu,

2. B’ dedikazzjoni totali lil Alla għall-kult u l-glorja tiegħu.

3. Li tipprofessa l-kunsilji Evanġeliċi.

4. Li tgħix f’ għaqda mal-knisja bit-taħrig ta’ l-imħabba,

5. Li tkun sinjal fil-knisja u xhieda tal-glorja tas-sema.

Nagħtu tifsir lil dan il-kliem biex aktar nifhmu x’ għandu jkun ix-xoghol tagħna fil-knisja bħala reliġjużi. Aħna, bhala mgħammdin irridu nimxu wara Kristu, iżda aħna li dħalna reliġjużi rridu aktar minn oħrajn nimxu warajh issa li ħallejna kollox u dħalna għal dan l-istat religjuż. Li timxi mill-qrib wara Kristu mhix xi biċċa xogħol faċli iżda pjuttost diffiċli għaliex aħna ħafna drabi nkunu mfixklin minħabba n-nuqqasijiet tagħna li jifirduna minn Kristu u ma’ jħalluniex ngħixu l-ħajja li l-Iben t’Alla għex meta kien fid-dinja. Għalhekk aħna rridu nkunu f’ għaqda ma’ Kristu biex tassew inkunu veri reliġjużi.

Fid-definizzjoni nsibu li aħna bħala reliġjużi rridu niddedikaw ruħna totalment lil Alla għal-kult u l-glorja tiegħu. Xi jfisser dan?

Il-kelma niddedikaw ruħna hija li aħna nsiru kollha kemm’ aħna mogħtija għas-servizz ta’ Alla. Il-Konsagrazzjoni tal-ħajja reliġjuza hija konsagrazzjoni speċjali li taf l-egħruq tagħha fil-konsagrazzjoni tal-magħmudija. Il-konsagrazzjoni reliġjuza tfisser u tħaddan il-konsagrazzjoni tal-mgħamudija fil-milja tagħha. Iżda nsaqsu f’ liema sens il-konsagrazzjoni reliġjuża għandha l-egħruq tagħha fil-konsagrazzjoni tal-mgħamudija?

Il-mgħamudija lilna taħfrilna il-ħtija, tad-dnub oriġinali u tagħmilna ulied Alla kif ukoll tagħmilna werrieta tas- sema. Il-konsagrazzjoni reliġjuża trid tgħinha biex aħna nwettqu l-mgħamudija tagħna bl- aħjar mod.

Għaliex aħna bħala reliġjużi niddedikaw ruħna totalment lil Alla għall-kult u l-glorja tiegħu? Il-konsagrazzjoni tagħna toħloq bejna u bejn Alla rabta ġdida li permezz tagħha aħna nagħtu ruħna għal kult li aħna bħala nsara fid-dmir li naghtu lill Alla bħala Sultan tagħna.

Dak li tkellimna fuqu hu kollu ġdid fil-kodiċi 1983, għaliex fil-kodiċi 1917 ma kienx hemm imniżżel f’ hiex jikkonsisti l-qofol tal-kunsilji evanġeliċi u lanqas ir-raġuni li għaliha talabhom Kristu. It-tibdil minn wieħed għall-ieħor huwa dan kollu li hemm għaqda bejn dak li għandu jiġi osservat u għaliex għandu jiġi osservat. Rigward il-professjoni tal-kunsilji evangeliċi tajjeb li ngħidu li l-voti huma sinjal u mezz tal-konsagrazzjoni tagħna. Il-voti juruna, illi aħna qed ngħixu ħajja ta’ konsagrazzjoni reliġjuża. Il-voti huma sinjali u mezzi adegwati għaliex għandhom dak kollu li titlob il-konsagrazzjoni reliġjuża. Meta nikkonsagraw ruħna lil Alla nkunu qed inċaħħdu ruħna mid-dinja u niddedikaw ruħna ‘l Alla.

Biex inkunu reliġjużi fis-sens strett u proprju tal-kelma, jeħtieġ li nkunu professajna t-tlett voti. Bħalma nafu dawn it-tliet voti jew virtujiet, insibuhom fil-ħajja ta’ Kristu u għalhekk jissejħu evanġeliċi. Jissejħu kunsilji għaliex huma, parir li bihom tgħix aħjar is-‘Sequela Christi’ (li timxi wara Kristu). Il-Knisja trid li fil-professjoni jissemmew it-tlett voti biex b’ hekk nuru f’ hiex tikkonsisti l-konsagrazzjoni tagħna. Il-voti huma tlieta: faqar, safa’, u ubbidjenza.

Ir-raba’ punt huwa li tgħix f’ għaqda mal-knisja fit-taħriġ ta’ l-imħabba. Il-vokazzjoni reliġjuża għandha l-oriġini tagħha fil-misteru tal-Knisja, imma, l-għan tagħha huwa il-bini tal-Knisja. Dan kollu għandu x’ jaqsam mal-kariżma li Kristu jagħti lil kull wieħed minna. Il-ħajja reliġjuża trid tgħin il-Knisja u aħna rridu ngħixu l-ħajja ta’ Kristu għaliex jekk ma ngħixuwiex il-ħajja ta’ Kristu ma jkunx hemm ħadd min igħixha. Aħna rridu nkunu reliġjużi appostli, jiġifieri nkunu xhieda sħiħa ta’ Kristu fid-dinja ta’ llum. Il-ħajja reliġjuża tapartjeni lill-vokazzjoni speċjali għal qdusija tal-knisja. Mela għandha rabta speċjali mal-missjoni tal-knisja għalhekk wieħed jikkonkludi li din hija parti ntegranti tal-Knisja. Din il-ħajja reliġjuża hija don speċjali mogħti lill-Knisja, għax Kristu meta waqqaf il-knisja ried li hija tgħix il-ħajja tiegħu. Dan id-don tal-kunsilji evangeliċi u r-rakkomandazzjonijiet li għamlilna Kristu kieku ma’ kienx hemm ir-reliġjużi ma’ kienux jiġu prattikati. Mela din il-kariżma speċjali tal-ħajja reliġjuża hija għall-ġid komuni biex b’ hekk il-Knisja t’ Alla tinbena aħjar fit-taħriġ ta’ l-imħabba.

Il-Ħames punt, ir-reliġjużi jridu jkunu fil-Knisja sinjal tal-glorja tas-sema. Jiġifieri bil-ħajja huma juru bid-deher x’ lesta Alla għal dawk li jhobbuħ. Dan ix-xogħol mhux xi ħaġa faċli għax jitlob ħafna sagrifiċċji. llum ir-religjużi aktar mill-bieraħ huma aktar mitluba biex jagħtu din ix-xhieda f’ dinja li ma trid taf xejn dwar il-ħajja spiritwali u etern. L-isbaħ kliem li jiena nara fuq dan huwa dak li qal il-Papa San Ġwanni Pawlu II fuq ir-reliġjużi “Dak li jgħodd mhuwiex dak li r-reliġjużi jagħmlu, imma dak li huma, bħala persuni kkonsagrati lill-Alla”. It-totalità tal-konsasrazzjoni reliġjuża teħtieġ li x-xhieda għal Vanġelu tiġi mogħtija publikament bil-ħajja kollha. Biex juru din ix-xhieda tal-glorja tas-sema, r-reliġjużi minn rajhom, jaċċettaw stil ta’ ħajja li mhix permessiva imma qegħda għalihom. Huma jilbsu libsa reliġjuża biex tiddistingwihom bħala persuni kkonsagrati, u huma, għandhom residenza li hija stabbilità mill-istitut tagħhom skond il-liġi komuni u l-kostituzzjonijiet tagħhom. Jekk jgħixu dan kollu li għidna f’ dan l-artiklu, r-reliġjużi verament ikunu qed juru bid-deher dak li lesta Alla għal dawk li jħobbu s-sema.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm