Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-III ġimgħa tal-Għid


Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ġimgħa tal-Għid
Il-Ġimgħa

QARI I
Hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus.
Atti 9, 1-20

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Sawl, li kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej, mar għand il-qassis il-kbir u talbu jagħtih ittri għas-sinagogi ta’ Damasku, biex ikun jista’ jaqbad l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq tal-Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm.

Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa’ fl-art, u sama’ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?”. Hu wieġeb: “Min int, Mulej?”. U l-leħen wieġbu: “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. Imma issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel”.

Dawk li kienu sejrin miegħu baqgħu mbikkma, billi kienu semgħu l-leħen imma ma raw lil ħadd. Sawl qam mill-art, fetaħ għajnejh u ma sata’ jara xejn. Imbagħad mexxewh minn idu u wassluh Damasku. Dam tlitt ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob. F’Damasku kien hemm dixxiplu, jismu Ħananija. Deherlu l-Mulej u qallu: “Ħananija!” “Hawn jien, Mulej!” wieġeb. U l-Mulej qallu: “Qum u mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta, u hemm, fid-dar ta’ Ġuda, staqsi għal wieħed minn Tarsu, jismu Sawl. Dan qiegħed jitlob, u ra f’dehra wieħed, jismu Ħananija, dieħel ħdejh u jqegħedlu jdejh fuqu biex jerġa’ jieħu d-dawl”. Ħananija wieġeb: “Mulej, jien smajt mingħand ħafna fuq dan ir-raġel, kemm għamel ħsara lill-qaddisin tiegħek f’Ġerusalemm. U issa qiegħed hawn bis-setgħa mingħand il-qassisin il-kbar biex jarresta lil dawk kollha li jsejħu ismek”. Iżda l-Mulej wieġbu: “Mur, għax dan ir-raġel hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael. Jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi”.

Ħananija telaq lejn id-dar ta’ Ġuda, daħal, qiegħed idejh fuq Sawl u qallu: “Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù, li deherlek fit-triq inti u ġej hawn, bagħatni biex terġa’ tieħu d-dawl u timtela bl-Ispirtu s-Santu”. F’daqqa waħda waqa’ bħal qxur minn għajnejh u raġa’ beda jara. Imbagħad qam u tgħammed, kiel xi ħaġa, u ħa r-ruħ. Għal ftit jiem qagħad mad-dixxipli f’Damasku. U malajr beda jxandar lil Ġesù fis-sinagogi u jgħid li dan hu l-Iben ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 116 (117), 1.2

R/. (Mk 16, 15): Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha,
sebbħuh, intom popli lkoll! R/.

Għax kbira hi t-tieba tiegħu magħna,
il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6, 56

Hallelujah. R/. Hallelujah
Min jiekol ġismi u jixrob demmi
jibqa’ fija u jiena fih, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.
Ġw 6, 52-59

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” .Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”. Dan Ġesù qalu huwa u jgħallem fis-sinagoga, f’Kafarnahum.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu