Qari tal-Quddies tal-Ħamis tat-III ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ġimgħa tal-Għid
Il-Ħamis

QARI I
Ara, hawn l-ilma! X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?
Atti 8, 26-40

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, l-anġlu tal-Mulej qal lil Filippu: “Qum, mur u aqbad it-triq li tieħu lejn in-Nofsinhar minn Ġerusalemm għal Gaża”. Din hi fid-deżert. Filippu qam u telaq. Huwa u sejjer, jara raġel mill-Etjopja, ewnuku, uffiċjal għoli ta’ Kandaċi, sultana tal-Etjopja, li kien jieħu ħsieb it-teżori kollha tagħha. Dan kien ġie Ġerusalemm biex jagħti qima lil Alla.

Huwa u sejjer lura, kif kien bilqiegħda fuq il-karru tiegħu, kien qiegħed jaqra l-ktieb tal-profeta Iżaija. Imbagħad l-Ispirtu qal lil Filippu: “Mur ersaq maġenb il-karru”. Filippu mar jgħaġġel lejn ir-raġel. Kif semgħu jaqra l-ktieb tal-profeta Iżaija staqsieh: “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?”. Dak wieġbu: “Kif nista’ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?”. Imbagħad stieden lil Filippu biex jitla’ bilqiegħda ħdejh.

Is-silta tal-Iskrittura li kien qiegħed jaqra kienet din: “Bħal nagħġa meħuda għall-qatla, u bħal ħaruf sieket quddiem min iġiżżu, hekk hu ma fetaħx fommu. Għakksuh u kien imċaħħad mill-ġustizzja. Min qatt jista’ jirrakkonta fuq nislu? Għax neħħewlu ħajtu minn fuq l-art”. Mela qal l-ewnuku lil Filippu: “Għidli, nitolbok, għal min qiegħed jgħid dan il-profeta? Għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor?”.

Imbagħad Filippu fetaħ fommu u beda minn din is-silta tal-Iskrittura jxandarlu l-Evanġelju ta’ Ġesù. Huma u sejrin għal għonq it-triq, waslu f’post fejn kien hemm l-ilma. U l-ewnuku qal: “Ara, hawn l-ilma! X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?”. Imbagħad ordna li jwaqqfu l-karru, niżlu t-tnejn fl-ilma, hu u Filippu, u dan għammdu.

Malli telgħu mill-ilma, l-Ispirtu tal-Mulej ħataf lil Filippu; l-ewnuku ma rahx iktar u baqa’ sejjer fi triqtu kollu ferħan. Filippu sab ruħu f’Ażotu; huwa u għaddej minn dawk l-inħawi, kien ixandar l-Evanġelju f’kull belt sakemm wasal Ċesarija.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 65 (66), 8-9. 16-17. 20

R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Bierku, popli, lil Alla tagħna,
semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.
Hu li jżommna fost il-ħajjin,
u ma jħallix riġlejna jogħtru. R/.

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom, intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Lilu sejjaħ fommi,
tifħiru kien fuq ilsieni. R/.

Imbierek Alla,
li ma warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi t-tieba tiegħu! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6, 51

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej.
Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.
Ġw 6, 44-51

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: “U kulħadd ikun mgħallem minn Alla”. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem. Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading