30. L-għaqda verġinali ta’ Marija u Ġużeppi

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  21/08/1996.

1. Waqt li jippreżenta lil Marija bħala «verġni», il-Vanġelu ta’ Luqa jżid li hija kienet «imwegħda bħala għarusa lil raġel mid-dar ta’ David, jismu Ġużeppi» (Lq 1,27).

Dawn l-informazzjonijiet jidhru, mal-ewwel daqqa t’għajn, kontradittorji.

Jeħtieġ ninnutaw li t-terminu Grieg użat f’dan il-pass ma jindikax is-sitwazzjoni ta’ mara li għandha kuntratt taż-żwieġ u għal daqstant tgħix fl-istat matrimonjali, imma dak ta’ għerusija.

B’differenza minn dak li jseħħ fil-kulturi moderni, però, fid-drawwa Lhudija antika l-istitut tal-għerusija kien jaħseb għal kuntratt u normalment kellu valur definittiv: infatti, kien jintroduċi lill-għarajjes fl-istat matrimonjali, ukoll jekk iż-żwieġ kien jitwettaq fil-milja tiegħu meta ż-żagħżugħ kien jieħu lit-tfajla f’daru.

Fil-waqt tal-Annunzjazzjoni, Marija ssib ruħha mela fis-sitwazzjoni ta’ għarusa mwegħda, Wieħed jasal li jistaqsi għaliex kienet allura aċettat l-għerusija, ġaladarba kienet għamlet l-intenzjoni li tibqà verġni għal dejjem.

Luqa jaf sewwa b’tali diffikultà, imma jillimita li jirreġistra biss s-sitwazzjoni mingħajr ma jagħti spjegazzjonijiet. Il-fatt li l-evanġelista, minkejja li jindika l-intenzjoni ta’ verġinità ta’ Marija, jippreżentaha xorta waħda bħala għarusa ta’ Ġużeppi jikkostitwixxi sinjal tal-attendibiltà storika taż-żewġ aħbarijiet.

2. Wieħed jistà jissopponi li bejn Ġużeppi u Marija, fil-waqt tal-għerusija, kien hemm ftehim dwar il-proġett tal-verġinità. Mill-bqija, l-Ispirtu Santu, li kien ispira lil Marija l-għażla tal-verġinità minħabba l-misteru tal-Inkarnazzjoni u ried li dan iseħħ f’kuntest familjari xieraq għat-trobbja tat-Tifel, setà wkoll iqanqal f’Ġużeppi l-ideal tal-verġinità.

L-anġlu tal-Mulej, waqt li dehrlu fil-ħolm, jgħidlu: «Ġużeppi, bin David, tibżax tieħu lil Marija, l-għarusa tiegħek, għaliex dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu Santu» (Mt 1,20). B’dan il-mod huwa jirċievi l-konferma li jkun imsejjaħ biex jgħix b’mod għal kollox speċjali t-triq taż-żwieġ.

Permezz tal-għaqda verġinali mal-mara magħżula biex tagħti d-dawl lil Ġesù, Alla jsejjaħlu biex jikkopera fit-twettiq tal-pjan tiegħu ta’ fidwa.

It-tip ta’ żwieġ li lejh l-Ispirtu Santu jorjenta lil Marija u Ġużeppi jistà jinftiehem biss fil-kuntest tal-pjan feddej u fl-ambitu ta’ spiritwalità għoja. It-twettiq konkret tal-misteru tal-Inkarnazzjoni kien jesiġi twelid verġinali li jenfasizza l-filjazzjoni divina u, fl-istess ħin, familja li setgħet tassikura l-iżvilupp normali tal-personalità tat-Tifel.

Propju  minħabba l-kontribut tagħhom għall-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, Ġużeppi u Marija rċivew il-grazzja li flimkien jgħixu l-kariżma tal-verġinità u d-don taż-żwieġ. L-għaqda tal-imħabba verġinali ta’ Marija u Ġużeppi, minkejja li kienet tikkostitwixxi każ speċjalissimu, marbut mar-relazzjoni konkreta tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, kienet madankollu żwieġ tassew.1

Id-diffikultà li jersq lejn il-misteru sublimi tal-għaqda sponsali tagħhom wasslet lil xi wħud, sa mis-seklu II, biex jattribwixxu lil Ġużeppi età avanzata u biex iqisuh l-għassies, iktar milli l-għarus ta’ Marija.

Dan huwa każ ta’ suppożizzjoni, iktar milli hu kien allura raġel anzjan, imma li l-perfezzjoni interna tiegħu, frott tal-grazzja, wasslitu biex jgħix  b’effett verġinali r-relazzjoni sponsali ma’ Marija.

3. Il-koperazzjoni ta’ Ġużeppi fil-misteru tal-Inkarnazzjoni tiġbor fiha wkoll l-eżerċizzju tar-rwol patern  fil-konfront ta’ Ġesù. 

Tali funzjoni hija lilu rikonoxxuta mill-anġlu li, waqt li jidhirlu fil-ħolm, jistiednu jagħti l-isem lit-Tifel: «Hija twelled iben u int issemmih Ġesù: huwa nfatti jsalva l-poplu tiegħu minn dnubietu» (Mt 1,21).

Minkejja l-esklużjoni tal-ġenerazzjoni fiżika, il-paternità ta’ Ġużeppi kienet paternità reali, u mhux apparenti.

Waqt li tiddistingwi bejn missier u ġenitur, monografija antika dwar il-verġinità ta’ Marija – il- De Margarita (IV sek.) – tiddikjara li «l-impenji meħudin mill-Verġni u minn Ġużeppi bħala għarajjes jassikuraw li hu jistà jiġi msejjaħ b’dan l-isem (ta’ missier); missier madankollu li ma nissilx». Ġużeppi mela eżerċita fil-konfront ta’ Ġesù r-rwol ta’ missier, billi kellu awtorità li għaliha b’mod liberu l-Feddej  «issottometta» ruħu (Lq 2,51), billi kkontribwixxa għall-edukazzjoni tiegħu u waqt li ttrażmettielu is-sengħa ta’ mastrudaxxa.

L-insara dejjem għarfu f’Ġużeppi lil dak li għex f’għaqda intima ma’ Marija u Ġesù, waqt li assumew li wkoll fil-mewt gawda mill-preżenza tagħhom konsolanti u  ta’ mħabba. Minn tali tradizzjoni nisranija kostanti żviluppat f’bosta postijiet devozzjoni speċjali lejn il-Familja Mqaddsa u fiha  lejn San Ġużepp, Għassies tal-Feddej. Il-Papa Ljun XIII afdalu, kif inhu magħruf, il-ħarsien (patroċinu) tal-Knisja kollha.

NOTI

1 Cf. Giovanni Paolo II, Esort. ap. Redemptoris custos, 7.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

%d bloggers like this: