Xi tfisser il-Familja għall-Papa Benedittu XVI.


Stampa l-artikli …

F’wieħed mill-messaġġi mill-aktar importanti dwar il-Familja, il-Qdusija Tiegħu Papa Benedittu XVI kien qies lill-familja bħala l-mudell tal-umanità kollha.

Hu jsostni li l-aqwa forma ta’ komunjoni bejn il-persuni hija dik mitwielda mill-imħabba bejn raġel u mara li jiddeċiedu li jwaqqfu għaqda stabbli bejniethom biex jibnu familja ġdida…. xi ħaġa li għandha tiġi meqjusa biex tibni solidarjetà u koperazzjoni bejn il-popli kollha tad-dinja biex ikollna familja umana waħda..

 Għall-Papa l-familja naturali, bħala komunjoni intima ta’ ħajja u mħabba, ibbażata fuq żwieġ bejn raġel u mara, toħloq l-ewwel post għall-umaniżazzjoni tal-persuna u tas-soċjetà,  u benniena tal-ħajja u tal-imħabba. Fil-fatt f’ħajja verament familjari nsibu l-elementi fundmentali tal-paċi…. ġustizzja u mħabba bejn l-aħwa; l-irwol ta’ awtorità min-naħa tal-ġenituri; interess mimli mħabba lejn il-membri tal-istess familja li huma x’aktarx dgħajfa minħabba ż-żgħorija, il-mard, jew ix-xjuħija; imħabba reċiproka li ġġegħlna ngħinnu lil xulxin u li naħfru lil xulxin.

Familja kbira imma waħda.

Skont il-Papa Benedittu, il-familja, la hi fid-dmir li teduka lill-membri tagħha, tkun qed tagħti xhieda tad-drittijiet, drittijiet minquxa fl-istess qalb ta’ kull bniedem, meta twettaqhom. Għaldaqstant kull min ikun qed iċaħħad lill-familja ikun qed iċċaħħad dawn l-istess drittijiet lill-komunità kollha, fuq bażi kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Il-familja għandha d-dritt li jkollha dar, xogħol, għarfien  tal-ħidma tal-ġenituri fi ħdan l-istess familja, tagħlim, u kura bażika tas-saħħa għal kull membru.

Benedittu XVI jħoss li aħna m’aħniex ngħixu qrib xulxin b’kumbinazzjoni ‘mma skont il-pjan ta’ Alla u l-istess globalizzazzjoni, li preżentament għaddejja minnha d-dinja, qed tgħin f’dan. Għaldaqstant irridu ngħixu ħajjitna b’ċerta responsabbiltà lejna nfusna u lejn l-oħrajn. Meta nagħmlu dan inkunu qed  nagħrfu lil Alla bħala l-bidu tal-eżistenza tagħna u tal-oħrajn u b’hekk inkunu qed niffurmaw familja waħda.

Darna

Bħalma kull familja tinħtieġ dar, kif ngħidu bil-Malti ‘suret in-nies’, din il-familja kbira umana għandha jkollha d-dar tagħha wkoll… id-dinja, li Alla fdalna f’idejna biex  inkunu responsabbli għaliha u nsebbħuha… u għaldaqstant jidħol id-dmir tagħna li nieħdu ħsieb l-ambjent. Qatt ma rridu ninsew li aħna ogħla fuq  kull parti oħra tal-ħolqien u għaldaqstant irridu nkunu nkwetati dwar il-bilanċ ekoloġiku  ta’ għada.

Kif ngħidu aħna bil-Malti: li min m’għandux, għandu jgħix  ma’ min għandu, il-Papa, fuq l-istess prinċipju, iħeġġeġ biex  il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li  għandhom nuqqas kbir ta’ enerġija għandhom jiġu mogħtija kull għajnuna mill-pajjiżi ferm aktar qawwija ‘mma qatt m’għandhom jiġu kkundizjunati u umiljati billi jitilfu l-ħelsien politiku tagħhom biex ikampaw.

Valuri

Hawnhekk il-Qdusija Tiegħu jitkellem dwar il-bżonn li familji individwali jridu jinbnew fuq bażi soda bis-saħħa ta’ valuri etiċi u spiritwali maqsuma u gawduti  bejn kulħadd. Kull familja b’saħħita biex tqawdi l-paċi trid tkun miftuħa għall-valuri sodi li jirriflettu f’kull membru nkella titfarrak. L-istess irid jingħad għall-familja umana kollha, li preżentament, minħabba l-globalizzazzjoni, li ġa semmejna’ aktar ‘l fuq, tidher li hi maqgħuda, għandha bżonn kbir li barra l-valuri komuni għandu jkollha ekonomija li taqdi l-bżonnijiet ta’ kull min jgħix fuq din il-pjaneta.. Għalhekk għandu jkun hemm użu mill-aktar prudenti tar-riżorsi bit-tqassim, kemm jista’ jkun ndaqs, tal-ġid. Hu dmir, anzi obbligu morali, li l-ekonomija m’għandhiex tkun tali li tħares biss lejn il-profitti.

Dwar il-liġi morali fil-familja, fil-komunità umana, il-Papa  jgħid li l-familja tgħix fil-paċi jekk  kull membru jiġbed ħabel wieħed biex jiġi mbiegħed l-individwaliżmu egoistiku u lkoll jaħdmu flimkien, jgħixu flimkien, u jinħoloq għan komuni f’dak kollu li jwettqu… u dan kollu jgħodd ukoll għall-komunitajiet ferm akbar. Għal dan kollu jrid ikun hemm liġi komuni, liġi li toħloq ċertu ħelsien flok ċerti kapriċċi, liġi li tipproteġi lid-dgħajjef mill-oppressjoni ta’ min hu qawwi. Hawnhekk naraw li l-Knisja dejjem tkellmet dwar in-norma ġuridika… li tirregola ir-relazzjonijiet bejn l-individwi, tiddixxiplina ċertu mġieba u toħloq kastigi għal dawk li jistħoqqulhom. Il-Knisja għandha n-norma morali magħġuna fin-natura nfisha. U hawnhekk fejn fil-bniedem, mir-raġuni li jħaddan,għall-anqas fil-bżonnijiet normali, jersaq lejn il-ħsieb li Alla ħalqu għalih, permezz ta’ dik li insejħulha kuxjenza… li tgħinna nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Naturalment din il-kuxjenza trid tkun iffurmata tajjeb għax inkella naqgħu fi dgħufija kbira.

Konflitti

Il-Papa Benedittu jqies li jekk il-konflitti bejn membri tal-istess familja jistgħu biss jintrebħu bi ftehim reċiproku bbażat fuq l-imħabba, fuq l-ideal Nisrani, imnebbaħ lilna minn Alla nnifsu, hekk ukoll il-familja umana tista’ twarrab kull għelt li jista’ jerġa’ jqanqal dak kollu li għaddejna minnu matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Hawnhekk il-Papa fakkar fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda fl-1948 li biha ġew magħrufa l-għaqda tal-familja umana bbażata fuq id-dinjità ugwali tal-irġiel u tan-nisa kollha u billi ġew irrispettati d-drittijiet fundamentali tal-individwi u tal-popli bħala ċ-ċentru tal-koeżistenza tal-umanità.

Naturalment Benedittu XVI, bħal dejjem, jieħu l-okkażjoni biex ifakkar fid-Digriet tad-Drittijiet tal-Familja fejn kull persuna għandha d-dritt tal-għażla… taż-żwieġ jew tax-xbubija, taż-żmien bejn wild u ieħor, id-dmir lejn kull wild. Barra dan kull ħajja umana għandha tiġi rrispettata sa mill-mument tal-konċepiment tagħha u bosta drittijiet oħra li jħarsu lit-tfal u d-dinjità tal-istess familja anki fejn tidħol l-għażla tar-reliġjon.  Punt ieħor ferm importanti huwa d-dritt tal-familji tal-emigranti, li huwa daqs l-istess drittijiet ta’ kull familja oħra.

Deus Caritas Est

Naturalment meta nitkellmu dwar il-familja żgur li qatt ma nistgħu nħallu barra l-kelma ‘Mħabba’, kelma li ma nistgħu nsibu mkien l-aqwa tifsira tagħha jekk mhux fl-Enċiklika tal-Papa Benedittu nnifsu  “Deus Caritas Est

L-ewwelnett, dejjem skont it-tagħlim li joħroġ min din l-Enċiklika, irridu niftakru fil-firxa l-aktar wiesgħa fit-tifsira tal-kelma “mħabba”: nitkellmu fuq l-imħabba ta’ pajjiżna, kif ukoll fuq l-imħabba għall-professjoni tagħna, l-imħabba bejn il-ħbieb, l-imħabba għax-xog˙ol, l-imħabba bejn ġenituri u wlied, bejn l-aħwa ul-familjari, l-imħabba lejn għajrna u l-imħabba lejn Alla. B’dankollu fost dawn it-tifsiriet kollha, tispikka tassew b’mod partikulari l-imħabba bejn raġel u mara, fejn ġisem u ruħ jingħaqdu biex ma jinfirdu qatt u fejn il-bnedmin ikollhom ħjiel ta’ wegħda ta’ hena li ma tistax tegħlibha. Din tista’ tidher bħala l-milja tal-imħabba u kull forma oħra ta’ mħabba  titbiel quddiemha.

Benedittu XVI ikompli jurina li f’orjentament mibni fil-ħolqien, l-imħabba eros tmexxi l-bniedem lejn iż-żwieġ, jiġifieri lejn ċerta rabta li hi mmarkata b’mod waħdieni u definit. Hekk, u hekk biss, iseħħ l-għan intimu tal-bniedem. Iż-żwieġ bejn raġel wieħed u mara waħda jaqbel max-xbieha ta’ Alla wieħed. Iż-żwieġ imsejjes fuq l-imħabba esklussiva u definita jsir ix-xbieha (ikona) tar-relazzjoni ta’ Alla mal-poplu Tiegħu u tal-poplu ma’ Alla; il-mod kif Alla jħobb isir il-kejl tal-imħabba umana. Din ir-rabta intimà bejn l-imħabba – eros u ż-żwieġ fil-Kotba Mqaddsa, wieħed, kważi jista’ jgħid, li ma jsibx bħalha f’ebda ktieb ieħor.

Ta’ min jgħid li l-Papa Benedittu jagħlaq it-tagħlim tiegħu, kemm fit-taħditiet li jagħmel kif ukoll f’kitbiet dwar il-familja, billi jfakkar li kull raġel u mara għandhom iħossuhom li huma parti mill-familja umana u jgħinu biex tikber il-vera paċi  fil-familja biex tkun id-dawl li jwitti t-triq tal-paċi għall-familja umana bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm l-Iben t’Alla magħmul bniedem, u Ommna lkoll,  għas-salvazzjoni tal-umanità kollha

Kitba ta’ Harry Agius Ordway

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.