56. Is-Sultana tal-Univers


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  23/07/1997.

1. Id-devozzjoni popolari ssejjaħ lil Marija bħala Sultana. Il-Konċilju, wara li fakkar l-Assunzjoni tal-Verġni «għall-glorja ċelesti bir-ruħ u bil-ġisem», jispjega li Hija ġiet «mill-Mulej eżaltata bħala Sultana tal-Univers, għaliex ġiet addattata b’mod iktar sħiħ ma’ Binha, Mulej  tal-mexxejja (cf. Ap 19,16),u rebbieħ tad-dnub u tal-mewt».1

Fil-fatt, nibdew mis-seklu V, kważi fl-istess żmien li fih il-Konċilju ta’ Efesu ipproklamaha «Omm Alla», nibdew nattribwixxu lil Marija it-titolu ta’ Sultana. Il-poplu nisrani, b’tali għarfien ulterjuri tad-dinjità  għolja tagħha, irid ipoġġiha ‘l fuq mill-krejaturi kollha, waqt li jeżalta r-rwol u l-importanza tal-ħajja ta’ kull persuna singulari u tad-dinja kollha. 

Imma diġa estratt ta’ Omelija,  attribwit lil Oriġene, jqabbel dan il-kumment mal-kliem ippronunzjat minn Eliżabbetta fil-Viżitazzjoni: «Hija jien li messni niġi għandek, għaliex inti mbierka ‘l-fuq min-nisa kollha, int omm il-Mulej».2

F’dan it-test, spontanjament jgħaddi mill-espressjoni «omm il-Mulej tiegħi», għat-titolu «Sinjura tiegħi», waqt li jantiċipa dak li jiddikjara iktar tard San Ġwann Damaxxenu, li jattribwixxi lil Marija t-titolu ta’ «Sovrana»: «Meta saret omm il-Ħallieq, hija tassew saret is-sovrana tal-krejaturi kollha ».3

2.Il-Predeċessur Venerabbli tiegħi Piju XII, fl-Enċiklika Ad coeli Reginam, li għaliha jagħmel referenza t-test tal-Kostituzzjoni  Lumen gentium, jindika liema sies tar-regalità ta’ Marija, barra l-maternità, il-koperazzjoni fl-opra tal-fidwa. L-Enċiklika tfakkar it-test liturġiku: «Kienet Santa Marija, Sultana tas-sema u Sovrana tad-dinja, fid-dulur, qrib is-Salib tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu ».4 Hija mbagħad tistabilixxi analoġija bejn Marija u Kristu, li tgħinna nifhmu s-sinifikat tar-regalità tal-Verġni.

Kristu huwa sultan mhux biss għaliex Bin Alla, imma wkoll għaliex Feddej; Marija hija sultana mhux biss għaliex Omm Alla, imma wkoll għaliex, assoċjata bħala Eva l-ġdida ma’ Adam il-ġdid, ikkoperat fl-opra tal-fidwa tal-ġeneru uman.5

Fil-Vanġelu ta’ Marku naqraw li fil-jum tal-Axxensjoni il-Mulej Ġesù «ġie mtellà s-sema u qagħad n-naħa tal-lemin ta’ Alla» (Mk 16,19).

Fil-lingwaġġ bibbliku «toqgħod fuq il-lemin ta’ Alla» jfisser taqsam il-poter sovran. Waqt li joqgħod «fuq il-lemin tal-Missier», Huwa  jistabilixxi s-saltna tiegħu, is-Saltna ta’ Alla. Imtellgħa fis-sema, Marija tiġi assoċjatha mal-poter ta’ Binha u tiddedika ruħha għall-estensjoni tas-Saltna, billi tieħu sehem fit-tifrix tal-grazzja divina fid-dinja.

Waqt li nħarsu lejn l-analoġija bejn l-Axxensjoni ta’ Kristu u l-Assunzjoni ta’ Marija, nistgħu nikkonkludu li,  taħt Kristu, Marija hija s-sultana li tippossiedi u teżerċita fuq l-univers sovranità  mogħtija lilha minn Binha stess.

3. It-titolu ta’ Sultana bla dubju ma jiħux dak ta’ Omm: ir-regalità tibqà  korollarju tal-missjoni materna speċifika tagħha, u sempliċement tesprimi l-poter li ġie mogħti lilha biex tiżvolġi tali missjoni. 

Waqt li jikkwota l-Bolla Ineffabilis Deus ta’ Piju IX, il-Papa Piju XII jenfasizza din id-dimensjoni materna tar-regalità tal-Verġni: «Waqt li għandha għalina mħabba materna u waqt li tassumi l-interessi tal-fidwa tagħna, Hija testendi għall-ġeneru uman kollu l-premura tagħha [57]. Maħtura mill-Mulej Sultana tas-sema u tal-art, mgħollija ‘l fuq mill-kori kollha tal-Anġli u tal-ġerarkija ċelesti tal-Qaddisin, waqt li toqgħod fil-lemin tal-uniku Binha, is-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, Hija tikseb b’ċertezza kbira dak li titlob bit-talb matern tagħha: dak li tfittex issib u ma jistax jiġiha nieqes».6

4. L-insara mela jħarsu b’fiduċja lejn Marija Sultana u dan mhux biss ma jnaqqasx, imma jżid l-abbandun filjali tagħhom f’dik li hija omm fl-ordni tal-grazzja.

Anzi, il-premura ta’ Marija Sultana għall-bnedmin jistà jkun għal kollox effikaċi propju minħabba l-istat glorjuż  konsegwenti għall-Assunzjoni. Dan jispjegah sewwa San Ġerman ta’ Kostantinopli, li jaħseb li tali stat jassikura r-relazzjoni ntima ta’ Marija ma’ Binha u jirrendi possibbli l-interċessjoni tagħha favur tagħna. Huwa jżid, waqt li jdur lejn Marija: Kristu ried, «ikollu, biex ngħidu hekk, il-viċinanza ta’ xuftejk u qalbek; hekk hu jaqbel max-xewqat kollha li int tesprimilu, meta tbati għal uliedek, u hu jwettaq, bil-qawwa divina tiegħu, dak kollu li inti titolbu».7

5. Nistgħu nikkonkludu li l-Assunzjoni tiffavorixxi l-għaqda sħiħa ta’ Marija mhux biss ma’ Kristu, imma ma’ kull wieħed u waħda minna: Hija tinsab qribna, għaliex l-istat glorjuż tagħha jippermettilha li ssegwina fl-itinerarju terren tagħna ta’ kuljum.

Bħal ma nerġgħu naqraw f’San Ġerman: «Int tgħix magħna b’mod spiritwali u l-kobor tal-għassa tiegħek fuqna joħroġ il-komunità tiegħek tal-ħajja  magħna».8

Għalhekk inżommu bogħod milli noħolqu distanza bejnna u bejnHa, l-istat glorjuż ta’ Marija jqanqal viċinanza kontinwa u ħerqana. Hija tagħraf dak kollu li jseħħ fl-eżistenza tagħna u ssostnina bi mħabba materna fil-provi tal-ħajja.

Imtellgħà fil-glorja ċelesti, Marija tiddedika ruħha totalment għall-opra tal-fidwa biex tikkomunika lil kull minn hu ħaj il-feliċità li ingħatat lilha. Hija Sultana li tagħti dak kollu li tippossiedi, waqt li tieħu sehem b’mod speċjali fil-ħajja u fl-imħabba ta’ Kristu.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 59.
2 Origene, Fragmenta, PG 13,1902 D. 
3 San Giovanni Damasceno, De fide orthodoxa, 4,14, PG 94, 1157.
4 Pio XII, Lett. enc. Ad caeli Reginam: AAS 46 (1954) 634.
5 Ibidem: AAS 46 (1954) 635.
6 Pio XII, Lett. enc. Ad caeli Reginam: AAS 46 (1954) 636-637. 
7 San Germano di Costantinopoli, Hom. 1, PG 98, 348. 
8 San Germano di Costantinopoli, Hom. 1, PG 98, 344.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 55-57.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.