3. Il-bniedem kien maħluq minn Alla fi stat ta’ qdusija


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  10/09/1986.

1. Fil-kuntest tal-ħolqien u tad-donazzjoni tad-doni, li bihom Alla jikkostitwixxi l-bniedem fl-istat ta’ qdusija u ta’ ġustizzja oriġinali d-deskrizzjoni tal-ewwel dnub, li nsibu fit-tielet kapitolu tal-Ġenesi, takkwista ċarezza ikbar.

Huwa ovvju li din id-deċiżjoni, li hija mibnija fuq il-ksur tal-amar divin li ma jiklux “il-frott tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin”, tiġi nterpretata billi wieħed jikonsidra l-karattru tat-test antik u b’mod speċjali tal-ġeneru letterarju li għalih jappartjeni.  Imma minkejja li jkollok quddiemek din l-esiġenza xjentifika fl-istudju tal-ewwel ktieb tal-Iskrittura Mqaddsa, ma tistax tiċħad li element sikur ewlieni tal –ispeċifiċità ta’ dak ir-rakkont tad-dnub, jaqbeż quddiem għajnejk: u din hija ġrajja primordjali, jiġifieri fatt, li, skont ir-rivelazzjoni, seħħet fil-bidu tal-istorja tal-bniedem. Propju minħabba dan, din tippreżenta wkoll element ieħor ċert: jiġifieri s-sens fundamentali u deċiżiv ta’ dik il-ġrajja għar-rapporti bejn il-bniedem u Alla, u għalhekk għas-“sitwazzjoni” interna tal-bniedem stess, għar-relazzjonijiet reċiproċi bejn il-bnedmin, u b’mod ġenerali għar-rapport tal-bniedem mad-dinja.

2. Il-fatt li verament jgħodd taħt il-forom deskrittivi, huwa ta’ natura morali u jinkiteb fl-għeruq innifishom tal-ispirtu uman. Dan jagħti lok għal bidla fundamentali tas-“sitwazzjoni”: il-bniedem jiġi mbuttat barra mill-isat tal-ġustizzja oriġinali, biex isib lilu nnifsu fl-istat ta’ pekkaminożità (status naturae lapsae): stat li għandu fih id-dnub u jagħraf l-imbuttatura lejn id-dnub. Minn dak il-waqt l-istorja kollha tal-umanità tiġi  mgħobbija b’dan l-istat. Infatti l-ewwel esseri uman (raġel u mara) rċieva mingħand Alla l-grazzja santifikanti mhux biss għalih innifsu imma, minħabba li kien proġenitur tal-umanità, għad-dixxendenti kollha tiegħu. Mela bid-dnub li tefgħu f’konflitt ma’ Alla, tilef il-grazzja (waqà fil-għajb) ukoll fil-prospettiva tal-wirt għad-dixxendenti tiegħu. F’din it-telfa tal-grazzja miżjuda man-natura  hemm l-essenza tad-dnub oriġinali bħala wirt tal-proġenituri, skont it-tagħlim tal-Knisja bbażat fuq ir-rivelazzjoni.

3. Nifhmu aħjar il-karattru ta’ dan il-wirt b’analiżi tar-rakkont li t-tielet kapitolu tal-Ġenesi jagħmel tal-ewwel dnub. Dan jibda mid-djalogu li t-tentatur, ippreżentat taħt il-forma tas-serp, ikollu mal-mara. Dan il-waqt huwa għal kollox ġdid. S’issa il-Ktieb tal-Ġenesi ma tkellimx dwar l-eżistenza fid-dinja maħluqa minn esseri oħra ntelliġenti u liberi, minbarra r-raġel u l-mara.

Id-deskrizzjoni tal-ħolqien fil-kapitoli 1 u 2 tal-Ġenesi  infatti, tikkonċerna d-dinja tal-“esseri viżibbli”. It-tentatur jagħmel parti mid-dinja tal-“esseri nviżibbli”, purament spiritwali, ukoll jekk waqt dan id-djalogu huwa ppreżentat mill-Bibbja taħt forma viżibbli. Hemm bżonn li wieħed iqis din l-ewwel dehra tal-ispirtu  malizzjuż f’paġna bibblika, fil-kuntest ta’ dak kollu li nsibu dwar din it-tema fil-kotba tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid (dan diġa għamilnieh fil-katekeżi preċedenti). B’mod partikolari elokwenti huwa l-Ktieb tal-Apokalissi (l-aħħar tal-Iskrittura Mqaddsa) skont liema jiġi mitfugħ fid-dinja “id-dragun il-kbir, is-serp l-antik (hawn għandna  referenza espliċita għal Ġen 3), dak li nsejħu x-xitan u satana u li jisseduċi l-art kollha” (Ap 12, 9). Minħabba l-fatt li “jisseduċi l-art kollha” ġie msejjaħ ukoll f’imkien ieħor “missier il-gidba” (Ġw 8, 44).

4. Id-dnub uman tal-bidu, id-dnub primordjali, li dwaru naqraw f’Ġen 3, iseħħ taħt l-influss ta’ dan l-esseri. Is-“serp antik” jipprovoka l-mara: “Minnu li Alla qal: Ma għandkomx tieklu minn l-ebda siġra tal-ġnien?” Dik twieġbu: Mill-frott tas-siġar tal-ġnien nistgħu nieklu, imma mill-frott tas-siġra li hemm f’nofs il-ġnien Alla qal: “M’għandkomx tieklu u linqas tmissu, inkella tmutu! Imma s-serp qal lil mara: Ma tmutu xejn! Anzi, Alla jaf li, meta intom tieklu, jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal Alla, billi tagħrfu it-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3, 1-5).

5. Mhux diffiċli li wieħed f’dan it-test jara l-problemi essenzjali tal-ħajja tal-bniedem  moħbija f’kontenut apparentament hekk sempliċi. Li tiekol jew ma tikolx il-frott ta’ ċerta siġra jistà jidher fih innifsu kwestjoni rrilevanti. Madankollu s-siġra “tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin”  tindika l-ewwel prinċipju tal-ħajja umana, li miegħu tintrabat problema fundamentali. It-tentatur dan jafu iktar minn sewwa ladarba jgħid: “Meta intom tieklu . . . issiru bħal Alla billi tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin”. Is-Sigra mela tfisser il-limitu li ma jistax jinqabeż għall-bniedem u għal kwalunkwè krejatura, ukoll jekk tkun l-iktar perfetta. Il-krejatura, infatti, hija dejjem krejatura biss, u mhix Alla. Bla dubju m’għandhiex tippretendi li “hija bħal Alla”, li “tkun taf it-tajjeb u l-ħażin” bħal Alla. Alla biss huwa s-Sors ta’ kull esseri, Alla biss huwa l-verità u t-Tjubija assoluta,  li miegħu jassoċja u mingħandu jirċievi distinzjoni dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin, Alla biss huwa l-Leġiżlatur etern, li minnu toħroġ kull liġi fid-dinja maħluqa, u b’mod partikolari l-liġi tan-natura umana (“lex naturae”). Il-bniedem inkwantu krejatura razzjonali, jagħraf din il-liġi u għandu jħalli lilu nnifsu jitmexxa fil-kondotta propja tiegħu. M’għandux jippretendi li jistabilixxi hu l-liġi morali, jiddeċiedi hu dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, indipendentement mill-Ħallieq, anzi kontra l-Ħallieq. Ma jistax,  il-bniedem u linqas xi krejaturi,  ipoġġi lilu nifsu fil-post ta’ Alla, billi jattribwixxi lilu nnifsu l-padronanza tal-ordni morali, kontra l-istess kostituzzjoni ontoloġika tal-ħolqien, li jirrifletti lilu nnifsu fl-isfera psikoloġika-etika bl-imperattivi fundamentali tal-koxjenza u allura tal-kondotta umana.

6. Fir-rakkont tal-Ġenesi, taħt il-velu ta’ nisġa  apparentement irrilevanti, wieħed isib il-problema fundamentali tal-bniedem, marbuta ma’ l-istess kundizzjoni ta’ krejaturi: il-bniedem bħala esseri razzjonali għandu jħalli lilu nnifsu jitmexxa mill-“Verità ewlenija”, li hija wara kollox il-verità tal-istess eżistenza tiegħu. Il-bniedem ma jistax jippretendi li jieħu post din il-verità jew li jpoġġi lilu nnifsu daqsha. Jekk dan il-prinċipju jitpoġġa fid-dubju, jiġi wkoll imriegħed, fl-għeruq tal-aġir uman, is-sies tal-“ġustizzja” tal-krejatura fir-rigward tal-Ħallieq. U  attwalment it-tentatur, “missier il-gidba”, waqt li jissuġġerixxi d-dubju dwar il-verità tar-rapport ma’ Alla, idaħħal id-dubju fl-istat tal-ġustizzja oriġinali. U l-bniedem waqt li jċedi għat-tentatur, jikkummetti dnub personali u jiddetermina fin-natura umana l-istat tad-dnub oriġinali.

7. Kif jidher mir-rakkont bibbliku, id-dnub uman m’għandux l-ewwel oriġni fil-qalb (u fil-koxjenza) tal-bniedem, ma jinbitx minn inizjattiva spontanja. Huwa hu f’ċertu sens ir-rifless u l-konsegwenza tad-dnub li seħħ diġa qabel fid-dinja tal-esseri nviżibbli. Għal din id-dinja jappartjeni t-tentatur, “is-serp antik”. Diġa qabel (“fl-antik”) dawn l-esseri imżejna bl-għarfien u bil-libertà, kienu ġew “ippruvati” sabiex jagħmlu l-għażla tagħhom skont in-natura tagħhom purament spiritwali. Fihom kien daħal “id-dubju” li, bħal ma jgħid it-tielet kapitlu tal-Ġenesi, it-tentatur jissuġġġixxi fil-proġenituri. Diġa qabel huma kienu poġġew fi stat ta’ suspett u t’akkuża lil Alla, li bħala Ħallieq, huwa l-uniku sors ta’  donazzjoni tat-tajjeb lill-krejaturi kollha, u b’mod speċjali lill-krejaturi spiritwali. Kienu kkontestaw il-verità tal-eżistenza, li teżiġi s-subordinazzjoni totali tal-krejatura lill-Ħallieq. Din il-verità kienet ġiet mirkuba minn suppervja oriġinali, li kienet wasslithom biex jagħmlu mill-istess spirtu tagħhom il-bidu u r-regola tal-libertà. Huma kienu l-ewwel li ppretendew il-poter “bħal ma Alla jagħraf it-tajjeb u l-ħażin”, u kienu għażlu lilhom infushom kontra Alla, minflok ma għażlu lilhom infushom “f’Alla”, skont l-esiġenzi tal-esseri krejaturali tagħhom: għaliex “min hu bħal Alla”? U l-bniedem, waqt li ċeda għas-suġġeriment tat-tentatur, sar  vittma u kompliċi tal-ispirti ribelli!

8. Il kliem li, skont Ġen 3, l-ewwel bniedem jismà qrib is-“siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin” jaħbi fih il-piż kollu tal-ħażen li jistà jitwieled fir-rieda ħielsa tal-krejatura fir-rigward ta’ dak li, bħala Ħallieq, huwa s-sors ta’ kull esseri u ta’ kull ġid: hu li, billi hu Mħabba li tirregala  jaħbat mal-oġġezzjoni, mal-kontradizzjoni, mar-rifjut. Il-krejatura li trid tkun “bħal Alla”, timplimenta l-atteġġjament espress ħafna dwar dan minn Santu Wistin: “imħabba tiegħu nnifsu sad-disprezz ta’ Alla” (De Civitate Dei, XIV, 28: PL 41, 436). Din forsi hija l-preċiżjoni l-iktar penetranti li wieħed jistà jagħmel tal-kunċett ta’ dak id-dnub li, fil-bidu tal-istorja sar minħabba ċ-ċediment tal-bniedem għas-suġġeriment tat-tentatur: “Contemptus Dei”, ir-rifjut ta’ Alla, id-disprezz ta’ Alla, il-mibegħda ta’ dak kollu li jaf lil Alla jew li jiġi minn Alla.

Sfortunatament dan mhux fatt iżolat f’dawk  ir-reġistri tal-istorja. Kemm drabi insibu ruħna quddiem fatti, ġesti, kliem, b’kundizzjoni ta’ ħajja li fiha tidher l-eredità ta’ dak l-ewwel dnub! Il-Ġenesi ijpoġġi dak id-dnub f’konnessjoni ma’ satana: u tali verità dwar is-“serp l-antik” tiġi mbagħad imwettqa f’bosta passi oħra tal-Bibbja.

9. Kif jippreżenta ruħu fuq dan l-isfond id-dnub tal-bniedem? Nerġgħu naqraw f’  Ġen 3: “Allura l-mara rat li s-siġra kienet tajba biex tiekol,  sabiħa fl-għajnejn u mixtieqa biex takkwista l-għerf: ħadet mill-frott tagħha u kielet, imbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u wkoll hu kiel” (Ġen 3,6).

X’tenfasizza din id-deskrizzjoni minn naħa tagħha tassew preċiża? Din  tiċċertifika li l-ewwel bniedem aġixxa kontra r-rieda tal-Ħallieq, megħlub mill-assikurazzjoni tat-tentatur li “l-frott ta’ din is-siġra jservi biex jinkiseb il-għerf”. Ma jirriżultax li l-bniedem kien aċċetta b’mod sħiħ il-piż tan-negazzjoni jew tal-mibegħda lejn Alla, miġbur fil-kliem ta’ “missier il-gidba”. Iżda aċċetta s-suġġeriment li jinqeda b’ħaġa maħluqa kontra  l-projbizzjoni tal-Ħallieq, billi ħaseb li wkoll hu  il-bniedem – jistà “bħal Alla jagħraf it-tajjeb u l-ħażin”.

Skont San Pawl, l-ewwel dnub tal-bniedem jikkonsisti b’mod speċjali fid-diżubbidjenza lejn Alla (cf. Rm 5, 19). L-analiżi ta’ Ġen 3 u r-riflessjoni dwar dan it-test profond b’mod stupend juru f’liema mod dik id-“diżubbidjenza” tistà tifforma u lejn liema direzzjoni tistà tiżviluppa fir-rieda tal-bniedem. Wieħed jistà jgħid li d-dnub “tal-bidu” deskritt f’Ġen 3 f’ċertu sens fih hemm il-“mudell” oriġinarju ta’ kull dnub, li huwa kapaċi jagħmel il-bniedem.

Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Emanuel Zarb