Qiegħed ngħidlek, “Qum”


ĠWANN PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 18 ta’ Novembru  1987

35. Qiegħed ngħidlek, “Qum”

  1. Jekk nosservaw b’attenzjoni il-“mirakli, għeġubijiet u sinjali” li bihom Alla ssustanzja l-missjoni ta’ Ġesù Kristu, skont il-kliem ippronunzjat mill-appostlu Pietru, f’jum il-Pentekoste f’Ġerusalem, nosservaw li Ġesù, fl-għemil ta’ dawn il-“mirakli-sinjali”, opera f’ismu propju konvint mill-qawwa divina, u fl-istess ħin tal-għaqda l-iktar intima mal-Missier. Insibu ruħna mela mill-ġdid u dejjem quddiem il-misteru ta’ “Bin il-bniedem – l-Iben ta’ Alla”, il-Jien ta’ liema imur ‘il hemm mil-limiti kollha tal-kondizzjoni umana, minkejja li jappartjenu lilu b’għażla libera tiegħu, u l-possibiltajiet umani kollha ta’ realizzazzjoni u wkoll ta’ għarfien biss.
  2. Daqqa t’għajn lejn diversi ġrajjiet singoli reġistrati mill-evanġelisti, jippermettulna li nagħtu kont ta’ dik il-preżenza arkana li f’isimha Ġesù jwettaq il-mirakli tiegħu. Hekk hu, meta jwieġeb għat-talba ta’ wieħed lebbruż li jgħidlu: “Jekk trid, tistà tfejjaqni!” hu, fl-umanità tiegħu, “imqanqal għall-ħniena”, jippronunzja l-kelma ta’ kmand li, f’każ bħal dak, hija kompatibbli għal Alla, mhux għal sempliċement bniedem: “Irrid, tkun imfejjaq!” Minnufih il-lebbra għabet u huwa fieq” (Mk1, 40-42). U l-istess fil-każ tal-paralitiku, li kien imniżżel minn ġo fetħa fis-saqf tad-dar: “Nordnalek, qum, aqbad friexek u mur lejn darek” (cf.Mk 2, 1-12).

U mill-ġdid fil-każ tat-tifla ta’ Ġajru naqraw li “Hu, qabad id it-tifla, u qal: “Talità kum”, li tfisser: “Tfajla, jien ngħidlek, qum!”. Minnufih it-tifla qamet u bdiet timxi” (Mk 5, 41-42). Fil-każ tal-ġuvni mejjet ta’ Nain: “”Ġuvnott, ngħid lilek, qum!”. Il-mejjet qam bil-qiegħda u beda jitkellem” (Lq 7, 14-15).

F’kemm minn dawn l-episodji naraw tiffjorixxi mill-kliem ta’ Ġesù l-espressjoni ta’ rieda  u ta’ qawwa  li għaliha hu jappella internament u li jesprimi, ikolli ngħid, bl-ikbar naturalezza bħallikieku jappartjeni għall-istess kondizzjoni iktar arkana, il-poter li jagħti lill-bnedmin saħħa, fejqan u saħansitra qawmien mill-imwiet u ħajja!

3 Il-qawmien mill-imwiet ta’Lażżru, deskritt b’mod dettaljat mir-rabà evanġelista, jimmerita attenzjoni partikolari. Naqraw: “Ġesù . . . għolla għajnejh u qal: “Missier, niżżik ħajr li smajtni. Jien kont naf li inti dejjem tismagħani, imma għidtu għal dawn in-nies li hawn madwari, sabiex jemmnu li inti bgħattni”. U hekk kif qal dan, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru oħroġ barra!” Il-mejjet ħareġ”  (Ġw 11, 41-44). Fid-deskrizzjoni eżatta ta’ dan l-episodju jiġi enfasizzat li Ġesù jqajjem lil ħabibu Lażżru bil-qawwa tiegħu nnifsu flimkien mal-għaqda strettissma mal-Missier. Hawn issib il-konferma tagħha l-affezzjoni a’ Ġesù: “Missieri dejjem jopera u wkoll jien” (Ġw  5, 17), u għandu dimostrazzjoni, li nistgħu ngħidu bil-quddiem, dak li Ġesù jgħid fiċ-ċenaklu, waqt id-djalogu mal-appostli fl-aħħar ċena, dwar ir-rapporti tiegħu mal-Missier u anzi dwar l-identità sustanzjali tiegħu miegħu.

  1. Il-Vanġeli juru b’diversi mirakli-sinjalikif il-qawwa divina, li topera f’Ġesù Kristu, testendi ruħha ‘il hemm mid-dinja umana u timmanifesta ruħha bħala poter ta’ dominju wkoll fuq il-qawwiet tan-natura. Huwa sinifikattiv il-każ tat-tempesta kkalmata: “Sadattant qamet tempest qawwija ta’ riħ”. L-appostli-sajjieda mwerwrin qajmu lil Ġesù li kien rieqed fid-dgħajsa. Huwa “waqt li qam, ċanfar lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot, ikkalma!”. Ir-riħ waqaf u saltnet kalma kbira. L-appostli nħakmu minn biżà kbir u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Min hu dan, li jobduh ukoll ir-riħ u l-baħar?”” (Mk4, 37-41).

F’din l-ordni ta’ grajjiet jerġgħu jidħlu wkoll is-sajdiet mirakolużi mwettqa fuq il-kelma ta Ġesù (“in verbo tuo”), wara it-tentattivi preċedenti li ma rnexxewx (cf. Lq 5, 4-6; Ġw 21, 3-6). L-istess jistà jingħad, għal dak li jirrigwarda l-istruttura tal-ġrajja, ukoll tal-“ewwel sinjal” imwettaq f’Kana tal-Ġalilea, fejn Ġesù amar lill-qaddejja tat-tieġ biex jimlew il-ġarar bl-ilma, u mbagħad biex iġorru “l-ilma mibdul f’imbid” lil sid il-mejda  (Ġw 2, 7-9). Bħal fis-sajdiet mirakolużi, hekk ukoll f’Kana tal-Galilea operaw il-bnedmin: is-sajjieda-appostli f’każ u l-qaddejja tat-tieġ fl-ieħor, iżda huwa ċar li l-effett straordinarju tal-azzjoni ma jiġix minnhom, iżda minn dak li tahom l-ordni biex jaġixxu u li jopera bil-qawwa divina  tiegħu misterjuża. Dan jiġi kkonfermat mir-rejazzjoni tal-appostli u b’mod partikolari ta’ Pietru li, wara s-sajda mirakoluża, jinxteħet ma’ rkupptejn Ġesù, waqt li jgħid “Mulej tbiegħed mnni li jiena midneb”” (Lq 5, 8). Dan huwa wieħed mill-bosta każijiet ta’emozzjoni li jieħu forma ta’ biżà reverenzjali jew ukoll ta’ twerwir, kemm fl-appostli bħal Xmun Pietru, kif ukoll fin-nies meta jħossuhom  milquta mill-ġewnaħ tal-misteru divin.

  1. Jum wieħed, wara t-tlugħ fis-sema, minn “biżà” simili jinħakmu dawk li jaraw “l-għeġubijiet u s-sinjali” li jseħħu wkoll “permezz tal-appostli” (cf.At2, 43). Skont il-Ktieb tal-Atti, in-nies kienu jġibu “l-morda fil-pjazez, waqt li jqegħduhom fuq sodod u mtieraħ, sabiex meta Pietru kien jgħaddi, ukoll id-dell tiegħu kien jolqot uħud minnhom” (At 5, 15). Madankollu dawn il-“għeġubijiet u sinjali”, li kienu jakkumpanjaw il-bidu tal-Knisja apostolika kienu jiġu mwettqa mill-appostli mhux f’isimhom propju, imma fl-isem ta’ Ġesù Kristu, u allura kienu konferma ulterjuri tal-qawwa divina tiegħu. Wieħed jibqà mistagħġeb meta jaqra t-tweġiba ta’ Pietru liz-zopp, li kien jitlob il-karità ħdejn il-bieb tat-tempju ġerosolmitan: “Fidda u deheb m’għandix, imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu, in-Nażżarenu, imxi”. U qabdu minn idu l-leminija, qajmu, F’salt wieħed irkupptejh u riġlejh issodaw”  (At 3, 6-7). Jew dak li dejjem Pietru jgħid lill-paralitiku li kien jismu Enea: “Ġesù Kristu, ifejqek; qum u agħmel friexek”. U minnufih qam” (At 9, 34).

Ukoll il-Prinċep l-ieħor tal-Appostli, Pawlu, meta fl-Ittra lir-Rumani (Rm 15, 17-19) ifakkar kemm huwa kien wettaq bħala “ministru ta’ Kristu fost il-pagani”, iħaffef biex iżid li f’dak il-ministeru jikkonsisti l-uniku mertu tiegħu. “Infatti ma’ nażżardax nitkellem dwar dak li Kristu ma operax permezz tiegħi biex inwassal il-pagani għall-ubbidjenza (tal-fidi), bi kliem u opri, bil-qawwa ta’ sinjali u għeġubijiet, bil-qawwa tal-Ispirtu”.

  1. Fil-Knisja tal-ewwel żminijiet u b’mod speċjali fl-evanġelizzazzjoni tad-dinja mwettqa mill-appostli , kienu bil-bosta dawk il-“mirakli, għeġubijiet u sinjali”, bħal ma Ġesù stess kien wegħedhom (cf.At2, 22). Imma nistgħu ngħidu li dawn dejjem tennew ruħhom tul l-istorja tal-fidwa, b’mod speċjali fil-waqtiet deċiżivi għall-attwazzjoni tal-pjan ta’Alla.  Hekk kien diġa fit-Testment il-Qadim fejn jidħol l-“esodu” ta’ Iżrael mill-iskjavitù tal-Eġittu u għall-mxja lejn l-Art imwegħda, taħt it-tmexxija ta’ Mosè. Meta bl-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla waslet il-milja taż-żmenijiet” (Gal 4, 4), dawk is-sinjali mirakolużi tal-operat divin jakkwistaw valur ġdid u effett ġdid għall-awtorità divina ta’ Kristu u għar-referenza ta’ ismu – u allura għall-verità tiegħu, għall-wegħda tiegħu, għall-mandat tiegħu, għall-glorja tiegħu – li bih jiġu mwettqa mill-appostli u minn tant qaddisin fil-Knisja. Ukoll illum iseħħu mirakli u f’kull wieħed minnhom jieħu forma l-wiċċ ta’ “Bin il-bniedem – Iben ta’ Alla” u hemm  jiddikjara ruħu rigal ta’ grazzja u ta’ fidwa.

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb