Nitlobok! Agħmilli LIKE!


Qiegħdin ngħixu f’soċjeta tabilħaqq ibbumbardjata mill-kultura tal-gost. Mela, u l-importanti fil-ħajja, mhux x’jiswa’ fit-tul imma, u fuq kollox, u qabel kollox, x’jaqbel ISSA! U biex ikun aktar eżatt aħjar ngħid, x’JAQBILLI ISSA! F’dan il-mument li qiegħed fih!

Issa, din il-kultura tal-gost, qed twassalna biex naraw dak li jaqblilna issa! U mingħajr ebda riferiment għall-futur jew għall-passat. Donnu l-kelma maġika hi din li ġejja: short-sightendness! Jew, a la Maltija, LI NARAW SA MNEĦIRNA! Fl-enċiklika tiegħu li titħaddet dwar il-kura tad-dar komuni tagħna l-bnedmin, Laudato Si’, Papa Franġisku jikkummenta b’dan il-mod meta persuna tara kollox minn lenti tassew dejjaq tagħha biss. Jew, SA MNEĦIRHA: “Ir-riżorsi tad-dinja wkoll qiegħdin jiġu sfruttati minħabba modi mhux fit-tul għall-ekonomija, għall-kummerċ u għall-produzzjoni” (no.32). “Li wieħed jieqaf jinvesti fin-nies, bil-għan li jikseb aktar qliegħ finanzjarju fi żmien qasir, hu negozju ħażin għas-socjetà” (no.128). “Politika li moħħha biss f’riżultati immedjati, imwieżna minn setturi konsumeristiċi tal-popolazzjoni, hi misjuqa biex tipproduċi l-ġid għal żmien qasir” (no.178). “Il-kultura tal-konsumeriżmu, li tiprijotizza qliegħ fi żmien qasir u f’interess privat, tagħmilha faċli li takkwista awtorizzazzjonijiet jew li taħbi informazzjoni” (no. 184).

Meta nibbażaw kollox fuq il-LIKE m’aħniex le fil-verità. Għax fil-LIKE mhux dejjem hemm fiha prinċipji sodi u li fuqhom wieħed jista’ jorbot. Il-LIKE mhux dejjem fiha direzzjoni fil-ħajja. Anzi! Ġieli ma fiha direzzjoni ta’ xejn għajr dritt għalġolħajt.com! Dan l-għaliex il-LIKES tal-bniedem aqta’ kemm jinbidlu! U la għandhom staġuni, għax fis-sajf trid is-sħun u fix-xitwa trid il-kiesaħ, u lanqas it-tmexxija tal-art! Hekk jispiċċaw jirribellaw kontra kollox u kontra kulħadd! U, jirribellaw l-għaliex il-LIKE tiddiskonnetjana minn mal-Mulej! Għalhekk, u għala l-lingwaġġ li l-Ispirtu s-Santu jgħallimni miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, il-LIKE mhux tal-mudullun! Ma tmurx le għall-essenza tal-affarijiet! Imma tmur għall-assenza tal-essenza!

Il-LIKE mhux ta’ min jorbot fuqha ħbieb għax aqta’ kemm taf tittradixxi lil kulħadd! Rispetti li huma rispetti m’għandhiex! Basta trid L-APPROVAZZJONI! Ħallieha li mbagħad titfagħna għal rasna fil-kupazzjoni! Li joħolqilna l-għatx klubi għall-approvazzjoni! U, f’każ li int u jien se naqbdu ninsewha din tal-approvazzjoni, mhux aħjar jekk niftakru, bil-biża’u t-tregħid (Fil 2:12), fl-istorja ta’ Erodi u fil-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista? Is-sultan kien jaf li kien se jagħmel papprata mill-kbar nett jekk kien se jibgħat jaqta’ ras Ġwanni l-Battista fil-ħabs għal żifna ta’ tfajla. Li paxxietlu passjonieh għaliha. Kien jaf li kienet vili wisq il-ħaġa li, għal LIKE tal-mument, kien se joqtol lil xi ħadd li hu stess kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa’ mħasseb ħafna wara li jisimgħu (Mk 6:20).

Imma, u kontra qalbu, minħabba l-mistednin (Mk 6:22.26), ma riedtx joħroġ ta’ qorqa! Għal Erodi l-LIKES tal-mistednin u minħabba l-ġurament li kien ħa quddiemhom, ma riedx jarġa’ lura mill-kelma li taha (Mk 6:26). Għalhekk ġab ruħu ta’ xi ħadd li jbiegħ ruħu u li jasal li jmaqdar u jdemmel ġmiel l-interjorità tiegħu stess billi malajr … bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs (Mk 6:27). U kif taħsbu li tispiċċa din l-istorja tal-LIKE? F’anticlimax li jwaħħax! L-għaliex iwassal sitwazzjoni tabilħaqq diżappuntanti! Imbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha (Mk 6:28). X’tistenna minn min suppost iħobb jisimgħek? Kollox għajr li jaqtagħlek rasek u li din jagħtiha lil xi mara biex din tagħtiha lil ommha! Ma tagħmilx sens u lanqas hi ta’ dinjità għal mara li tkun imsieħba f’att kriminal u baxx bħal dan! Imma l-LIKE hekk iġibna ħbieb! Hekk ibaxxina! Hekk imegħkna mal-art! Għax niġu bla prinċipji!

Imma l-Mulej, quddiem il-miżerja u d-diżażtru li nagħżlu aħna li nidħlu fih, l-għaliex niġu ilsiera tal-LIKES, dejjem jibgħat xi anġli minn tiegħu biex almenu l-istorja tispiċċa bi ħniena. Tant hu hekk li f’dan il-każ jiġri li meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar (Mk 6:29). Almenu d-diżażtru u l-għemil tal-mistħija li ħoloq il-LIKE issa ġie salvat b’għemil ta’ ħniena mid-dixxipli ta’ Ġwanni li, mingħajr il-ħafna tejatrini li toħloq il-kilba għall-LIKE, ġew u għamlu dak kollu li kellhom jagħmlu fis-skiet. U hekk ħaddmu l-opra tal-ħniena li jidfnu lill-mejtin.

L-istorja ta’ Erodi tgħallimna fuq li tgħallimna ħbieb! Tiftħilna għajnejna fuq il-fatt li fil-ħajja, meta nilgħabu mal-interjorità tagħna u nagħtuha bis-sieq, nispiċċaw niġu lâqa tal-LIKE u hekk nispiċċaw kriminali mill-kbar nett. Għax ma nkunux bżajna għalina nfusna, għal dak li hu qaddis fina, imma nkunu tajnieh f’idejn l-id tal-popolarità li ma taħfirilniex! Għax, il-popolarità, illum titbissmilna u lgħada tballthielna! Illum tidħkilna u għada tkissirna! Għax il-popolarità hi l-pet tax-xitan. Li moħħu fir-ragħwa u t-tfexfix basta jkissirna bit-tgerfix!

Għalhekk, ħa nħallu warajna l-LIKE tax-xitan u mmorru għall-interjorità ta’ Kristu! Dik l-interjorità li, lilek u lili, iġġagħlna nitolbu għal dak li hu veru aħna! Għax aħna minnU ġejna u fuq ix-xbieha tiegħU aħna maħluqa! Fuq ix-xbieha qaddisa ta’ Alla! Ejjew illum, jekk hemm bżonn għarkuptejna, nitolbu bil-ħerqa għall-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan (Mk 5:22-23). Għax dawn huma l-frott tal-Ispirtu s-Santu (Gal 5:22). Kontra dawn ma hemmx liġi (Gal 5:23) għax ma joħduha kontra l-ebda liġi! U min jitlobhom u jimxi fuqhom jinfetaħ għall-aqwa LIKE li jista’ ikollu f’ħajtu: IL-LIKE tal-Missier tagħna tas-Sema!

Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni; Mulej, fittex għinni (S 40:14).

Patri Mario Attard OFM Cap