Ġesù mnissel bl-opra tal-Ispirtu Santu u mwieled minn Marija Verġni


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 28 ta’ Jannar 1987

3. Ġesù mnissel bl-opra tal-Ispirtu Santu u mwieled minn Marija Verġni

  1. Fil-laqgħa li għaddiet ikkonċentrajna r-riflessjoni tagħna fuq l-isem “Ġesù”, li jfisser “Salvatur”. Dan l-istess isem, li għex għal tletin sena ġewwa Nażżaret, fil-Galilea, huwa l-etern Bin Alla, “imnissel bl-opra tal-Ispirtu Santu u mwieled minn Marija Verġni”. Jipproklamawh is-Simboli tal-fidi, is-Simbolu tal-Appostli u dak niċen-kostantinopoljan; għallmuna is-Santi Padri tal-Knisja u l-Konċilji, skont liema Ġesù Kristu, Bin Alla etern, huwa “ex substantia matris in saeculo natus” (cf. Symbolum«Quicumque», Denz.-S., 76). Il-Knisja mela tipprofessa u tipproklama li Ġesù Kristu kien imnissel u twieled minn bint Adam, dixxendenta ta’ Abraham u ta’ David, il-Verġni Marija. Il-Vanġelu skont Luqa jippreċiża li Marija nisslet l-Iben ta’ Alla bl-opra tal-Ispirtu Santu, “mingħajr ma għarfet raġel” (Lq 1,34 u Mt 1,18.24-25). Marija kienet mela “verġni” qabel it-twelid ta’ Ġesù u baqgħet verġni fil-waqt tat-twelid u wara t-twelid. Din hija l-verità li jippreżentaw it-testi tat-Testment il-Ġdid u li esprimew ukoll kemm il-V Konċilju Ekumeniku, iċcelebrat f’Kostantinopli fis-sena 553, li jitkellem dwar Marija bħala “dejjem verġni”, kif ukoll il-Konċilju Lateranensi fis-sena 649, li jgħallem li “Omm Alla . . . Marija . . . nisslet (lil Binha) bl-opra tal-Ispirtu Santu mingħajr l-intervent ta’ raġel u li b’mod inkorrettibli iġġeneratu, waqt li baqgħet invjolata l-verġinita tagħha wkoll wara t-twelid”(Denz.-S. 503).
  2. Din il-fidi tinsab preżenti fit-tagħlim tal-appostli. Naqraw per eżempju fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin: “Meta waslet il-milja taż-żmenijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara . . . sabiex nirċievu l-addozzjoni ta’ wlied” (Gal4, 4-5). Il-ġrajjiet marbutin mat-tnissil u t-twelid ta’ Ġesù jinsabu miġbura fl-ewwel kapitoli ta’ Mattew u ta’ Luqa, komunement iddefiniti “il-Vanġelu tal-infanzja”, u huwa għalihom fuq kollox li hemm bżonn li nagħmlu referenza.
  3. Magħruf b’mod partikolari huwa t-test ta’ Luqa, għaliex moqri b’mod frekwenti fil-liturġija ewkaristika u utilizzat fit-talba tal-Anġelus. Is-silta tal-Vanġelu ta’ Luqa tiddeskrivi l-annunzjazzjoni ta’ Marija, li seħħet sitt xhur wara t-tħabbira tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista (cf.Lc1, 5-25).

“. . . L-anġlu Gabriel intbagħat minn Alla f’belt tal-Galilea, jisimha Nazzaret, għand verġni mgħarrsa ma’ raġel mid-dar ta’ David, jismu Ġużeppi. Il-verġni kien jisimha Marija” (Lq 1, 26). L-anġlu sellmilha bil-kliem: “Is-sliem għalik, Marija” li wara saru talba tal-Knisja (is- “salutatio angelica”). It-tislima qanqlet kommuzzjoni f’Marija: “Għal dan il-kliem hija tħawdet u staqsiet x’sens kellha tali tislima. L-anġlu qalilha: “La tibżax, Marija, għaliex int sibt grazzja quddiem Alla. Inti tnissel iben, twelldu u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir u jissejjaH Bin l-Ogħli” . . . Allura Marija qalet lill-anġlu : “Kif ikun dan la darba ma nagħrafx raġel”,  L-anġlu weġibha: “L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek jifrex dellu l-qawwa tal-Ogħli. Dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin Alla”” (Lq 1, 29-35). L-anġlu ħabbar, waqt li ppreżenta bħala “sinjal” il-maternità xejn mistenniija ta’ Eliżabetta, qariba ta’ Marija, li nisslet iben fi xjuħitha, żied: “ xejn mhu mpossibbli għal Alla”. Allura Marija qaltlu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni Dak li għadek kemm għidtli””” (Lq 1, 37-38).

  1. Dan it-test tal-Vanġelu ta’ Luqa huwa l-bażi tat-tagħlim tal-Knisja dwar il-maternità u l-verġinità ta’ Marija, li minnha twieled Kristu, magħmul bniedem bl-opera tal-Ispirtu Santu. L-ewwel waqt tal-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla jidentifika ruħu mal-konċepiment tal-għaġeb li seħħ bl-opra tal-Ispirtu Santu filwaqt li fih Marija lissnet l-“iva” tagħha: “isir minni dak li għadek kemm għidt” (Lq 1, 38).
  2. Il-Vanġelu skont Matttewikompli n-narrazzjoni ta’ Luqa billi jiddeskrivi diversi ċirkustanzi li seħħew qabel it-twelid ta’ Ġesù. Naqraw: “Hekk hu kif seħħ it-twelid ta’ Ġesù, il-Kristu: ommu Marija, billi kienet imwegħda b’għarusa ta’ Ġużeppi, qabel ma kienu marru jgħixu flimkien ħarġet tqila bl-opra tal-Ispirtu Santu. Ġużeppi, l-għarus tagħha, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha, iddeċieda li jibgħatha bil-moħbi, Imma waqt li kien qiegħed jaħseb dwar dawn il-ħwejjeġ, dehrlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tieħu miegħek lil Marija, l-għarusa tiegħek, għaliex dak li seħħ fiha ġie mill-Ispirtu Santu. Hija twelled iben u int ssemmih Ġesù: infatti huwa jsalva lill-poplu tiegħu minn dnubietu”” (Mt 1, 18-21).
  3. Bħal ma wieħed jistà jara iż-żewġ testi tal-“Vanġelu tal-infanzja” jaqblu fil-konstatazzjoni fundamentali: Ġesù kien imnissel bl-opra tal-Ispirtu Santu u twieled minn Marija; u huma bejniethom komplimentari fl-iċċarar taċ-ċirkustanzi ta’ dan l-avveniment straordinarju: Luqa b’riferenza għal Marija, Mattew b’riferiment għal Ġużeppi.

Biex nidentifikaw is-sors li minnu joħroġ il-Vanġelu tal-Infanzja, hemm bżonn li nmorru lura għas-sentenza ta’ Luqa: Marija kienet żżomm f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha waqt li timmeditahom f’qalbha” (Lq 2, 19). Luqa jirrepetiha darbtejn: wara t-tluq tar-rgħajja ta’ Betlem u wara s-sejbien ta’ Ġesù fit-tempju (Lq 2, 51). L-evanġelista nnifsu joffrilna l-elementi biex nidentifikaw fl-Omm ta’ Ġesù sors ta’ informazzjoni użat minnu biex jikteb il-“Vanġelu tal-infanzja”. Marija li “żammet f’qalbha dawn il-ħwejjeġ” (Lq 2, 19), setgħet tixhed, wara l-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, dak li kellu x’jaqsam mal-persuna nfisha u l-funzjoni ta’ Omm propju fil-perijodu apostiliku, li fih twieldu t-testi tat-Testment il-Ġdid u kellha bidu l-ewwel tradizzjoni kristjana.

  1. Ix-xhieda evanġelika tal-konċepiment verġinali ta’ Ġesù minn naħa ta’ Marija huwa ta’ rilevanza tejoloġika kbira. Infatti hija tikkostitwixxi sinjal partikolari tal-oriġni divina tal-Iben ta’ Marija. Il-fatt li Ġesù m’għandux missier terren għaliex iġġenerat “mingħajr intervent ta’ raġel”, ipoġġi fid-dawl il-verità li huwa Bin Alla, tant li wkoll meta jassumi n-natura umana Missieru jibqà b’mod esklussiv Alla.
  2. Ir-rivelazzjoni tal-intervent tal-Ispirtu Santu fil-konċepiment ta’ Ġesù, jindika l-bidu tal-istorja tal-bniedem tal-“ġenerazzjoni spiritwali” l-ġdida (cf.1 Kor15, 45-49). B’dan il-mod Alla Wieħed u Tlieta “jikkomunika” mal-krejatura permezz tal-Ispirtu Santu. Dan huwa l-misteru li għalih nistgħu napplikaw il-kliem tas-salm: “Ibgħat l-ispirtu tiegħek, huma maħluqa, u ġedded il-wiċċ tal-art” (Sal104, 30). Fl-ekonomija ta’ tali komunikazzjoni tiegħu li Alla jagħmel mal-krejatura, il-konċepiment verġinali ta’ Ġesù, mwettaq bl-opra tal-Ispirtu Santu, huwa ġrajja ċentrali u kulminanti. Huwa jagħti  bidu għall-“ħolqien il-ġdid”. Alla hekk jidħol b’mod deċiżiv fl-istorja biex iwettaq id-destin soprannaturali tal-bniedem, jew aħjar il-predestinazzjoni ta’ kollox fi Kristu. Huwa l-espressjoni definittiva tal-imħabba feddejja ta’ Alla lejn il-bniedem, li dwarha tkellimna fil-katekeżi dwar il-Providenza.
  3. Fit-twettiq tal-pjan tal-fidwa hemm dejjem sehem tal-krejatura. Hekk fil-konċepiment ta’ Ġesù bl-opra tal-Ispirtu Santu Marija tieħu sehem b’mod deċiżiv. Illuminata nterjorment mill-messaġġ tal-anġlu dwar il-vokazzjoni tagħha ta’ omm u dwar il-konservazzjoni tal-verġinità, Marija tesprimi r-rieda tagħha u l-kunsens tagħha u taċċetta li ssir l-istrument umli tal-“qawwa tal-Iktar Għoli”. L-azzjoni tal-Ispirtu Santu tagħmel iva li f’Marija l-maternità u l-verġinità jkunu kompreżenti b’mod li, għalkem inaċċessibli għall-moħħ uman, jerġgħu jidħlu pjenament fl-ambitu tal-predilezzjoni tal-omnipotenza ta’ Alla. F’Marija titwettaq il-profezija l-kbira ta’ Iżaija: “il-verġni tnissel u twelled iben” (7, 14; cf.Mt 1, 22-23); il-verġinità tagħha, sinjal fit-Testment il-Qadim ta’ povertà u ta’ disponibiltà totali għall-pjan ta’ Alla, isir l-art tal-azzjoni eċċezzjonali ta’ Alla li jagħżel lil Marija  biex tkun Omm il-Messija.
  4. L-eċċezzjonalità ta Marija tirriżulta wkoll fil-ġenejoloġija rapportata minn Mattew u minn Luqa.

Il-Vanġelu skont Mattew jibda, bi qbil mad-drawwa ebrajka, bil-ġenejoloġija ta’ Ġesù (Mt 1, 2-17) u tillista, b’bidu minn Abraham, il-ġenerazzjoni minn naħa Maskili. Infatti għal Mattew jagħmel enfasi, permezz tal-paternità legali ta’ Ġużeppi, id-dixxendenza ta’ Ġesù minn Abraham u minn David u, konsegwentement, il-leġittimità tal-kwalifika tiegħu ta’ Messija. Bdanakollu, fl-aħħar tas-serje tal-axxendenti naqraw: “Ġakobb iġġenera lil Ġużeppi, l-għarus ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù msejjaħ Kristu” (Mt 1, 16). Waqt li jaċċentwa fuq il-maternità ta’ Marija l-evanġelista b’mod impliċitu jenfasizza l-verità tat-twelid verġinali: Ġesù bħala bniedem m’għandux missier terren.

Skont il-Vanġelu ta’ Luqa, il-ġenejoloġija ta’ Ġesù (Lq 3, 23-38) hija axxendenti: minn Ġesù tul l-antenati tiegħu sa ma jasal sa  Adam. L-Evanġelista ried juri r-rabta ta’ Ġesù mal-ġeneru uman kollu. Marija bħala kollaboratriċi ta’ Alla fl-għoti tan-natura umana lil Ibnu etern, kienet l-istrument tal-għaqda ta’ Ġesù mal-umanità kollha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb