Il-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt huwa ġrajja storika li titraxxendi l-istorja


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 1° ta’ Marzu 1989

80. Il-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt huwa ġrajja storika li titraxxendi l-istorja.

  1. Il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu għandu l-karattru ta’ ġrajja, li l-essenza tagħha huwa l-passaġġ mill-mewt għall-ħajja. Ġrajja unika, li, bħala passaġġ (Pasqua), kienet miktuba fil-kuntest tal-festi paskwali, li matulhom l-ulied subien u bniet ta’ Iżrael kienu kull sena jiftakru l-esodu mill-Eġittu, waqt li jiżżu ħajr għall-ħelsien mill-iskjavitù, u allura waqt li jfaħħru l-qawwa ta’ Alla-Mulej li f’dak “il-passaġġ” antik kien b’mod ċar immanifesta ruħu.

Il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu huwa l-passaġġ il-ġdid, il-Għid il-ġdid, li għandu jkun interpretat fuq l-isfond tal-għid il-qadim, li kien jiffigurah minn qabel u wkoll iħabbru minn qabel. Hekk, fil-fatt, kien meqjus mill-komunità nisranija, skont il-muftieħ ta’ qari li l-appostli u l-evanġelisti offrew lil dawk li emmnu fuq il-bażi tal-Kelma tal-istess Ġesù.

  1. Fuq il-linja ta’ dak li kien trasmess minn dawk is-sorsi antiki, aħna nistgħu naraw fil-Qawmien mill-imwiet qabel kollox ġrajja storika. Hija infatti ġrat fi kwadru preċiż ta’ żmien u ta’ post: “it-tielet jum” wara t-tislib, f’Ġerusalem, fil-qabar ipprovdut minn Ġużeppi ta’ Arimathea (cf.Mk15, 46), li fih kien ġie ddepożitat il-ġisem ta’ Kristu, imniżżel minn fuq is-Salib. Propju dan il-qabar maż-żerniq tat-tielet jum (wara s-Sibt paskwali) instab vojt.

Issa Ġesù kien ħabbar il-Qawmien mill-Imwiet tiegħu fit-tielet jum (cf. Mt 16, 21; 17, 23; 20, 19). In-nisa li f’dak il-jum marru lejn il-qabar, sabu “anġlu” li qalilhom: Intom “qegħdin tfittxu lil Ġesù l-imsallab. Mhux hawn. Qam kif kien qal” (Mt 28, 5-6).

Fir-rakkont evanġeliku ċ-ċirkustanza tat-“tielet jum”, titqiegħed f’relazzjoni maċ-ċelebrazzjoni Lhudija tas-Sibt, li kienet teskludi xogħlijiet u spostamenti itwal minn ċerta distanza sa minn fil-għaxija tal-vġili. Għalhekk id-dlik tal-katavru kif kienet l-użanza Lhudija, kien ġie pospost għall-ewwel jum wara s-Sibt.

  1. Imma għalkemm kienet ġrajja wkoll kronoloġikament u spazjalment determinabbli, il-Qawmien mill-Imwiet imur ‘il hemm u jgħaddi l-istorja.

Ħadd ma ra l-fatt fih innifsu. Ħadd ma jistà jkun xhud okulari tal-ġrajja. Kienu ftit mhux ħażin li raw l-agunija u l-mewt ta’ Kristu fuq il-Golgota, uħud ħadu sehem fid-depożizzjoni tal-katavru fil-qabar, issiġillat u mgħasses tajjeb mill-għases, li l-“qassissin il-kbar u l-Fariżej” kienu ħasbu biex jakkwistaw mingħand Pilatu minħabba li ftakru li Ġesù kien qal: Wara tlett ijiem nerġà nqum. “Amar mela li l-qabar jiġi mgħasses sewwa sat-tielet jum, sabiex id-dixxipli tiegħu ma jmorrux biex jisirqu ġismu u mbagħad jgħidu lill-poplu: “Qam mill-Imwiet!” (Mt 27, 63-64). Imma d-dixxipli ma kinux ħasbu għal dik l-operazzoni. Kienu n-nisa li mas-sebħ tat-tielet jum, kienu marru bil-fwejjaħ, sabu li l-qabar kien vojt, il-ġebla mwarrba, u raw żagħżugħ liebes l-abjad li kellimhom dwar il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù (cf. Mk 16, 6). Bla ebda dubju ta’ xejn il-ġisem ta’ Kristu ma kienx hemm iktar. Wara kienu bosta dawk li raw lil Ġesù rxoxt. Imma ħadd ma kien xhud okulari tal-Qawmien mill-Imwiet. Ħadd ma setà jgħid kif dan seħħ fill-fatt. Wisq inqas kien perċepibbli għas-sensi ta’ l-iktar essenza intima tiegħu ta’ passaġġ ġħal ħajja oħra.

Dan il-valur metastoriku tal-Qawmien mill-imwiet li għandu jkun speċjalment ikkunsidrat, jekk irridu b’xi mod nirrejalizzaw il-misteru ta’ din il-ġrajja storika, imma wkoll trans-storika, kif dlonk sejrin naraw.

  1. Infatti l-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu ma kienx ritorn għall-ħajja terrena, kif seħħ fil-każ tal-qawmien mill-imwiet mwettqa minnu fil-perijodu prepaskwali: bint Ġajru, iż-żagħżugħ ta’ Nain, Lażżru. Dawn il-fatti kienu grajjiet mirakolużi (u allura straordinarji), imma l-persuni mirakolati reġgħu akkwistaw permezz tal-qawwa ta’ Ġesù l-ħajja terrena “ordinarja”. F’ċertu punt huma reġgħu mietu, bħal ma spiss josserva Santu Wistin.

Fil-każ tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu il-biċċa hija essenzjalment differenti. Fil-ġisem irxoxt tiegħu huwa jgħaddi mill-istat tal-mewt għal ħajja “oħra”, ultra-temporali u ultra-terrestri. Il-ġisem ta’ Ġesù fil-Qawmien mill-imwiet jiġi mimli  bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, magħmul parteċipi tal-ħajja divina fl-istat tal-glorja, tant li nistgħu ngħidu dwar Kristu, ma’ San Pawl li huwa l-“homo caelestis” (cf. 1 Kor15, 47 s.).

F’dan is-sens il-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu jinsab ‘il hemm mid-dimensjoni storika pura, huwa ġrajja li tappartjeni għall-isfera meta-storika, u allura taħrab mill-kriterji tas- sempliċi osservazzjoni empirika umana. Huwa minnu li Ġesù wara l-Qawmien mill-imwiet, jidher lid-dixxipli tiegħu, jitkellem, jittratta u jiekol magħhom, jistieden lil Tumas biex imissu sabiex jaċċerta ruħu mill-identità tiegħu: imma din id-dimensjoni reali tal-umanità intiera tiegħu  taħbi l-ħajja l-oħra, li issa tappartjeni lilu e li tieħdu ‘l hemm min-“normalità” tal-ħajja terrena ordinarja u tgħoddsu fil-“misteru”.

  1. Element ieħor misterjuż tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu huwa magħmul mill-fatt li l-passaġġ mill-mewt għall-ħajja l-ġdida seħħ bl-intervent tal-qawwa tal-Missier, li “rxoxta” (cf.At2, 32) lil Kristu, Ibnu, u hekk introduċa b’mod perfett l-umanità tiegħu – ukoll lil ġismu – fil-konsorzju trinitarju, għalhekk Ġesù irrivela ruħu b’mod definittiv “Iben kostitwit ta’ Alla b’qawwa skont l-Ispirtu . . . permezz tal-qawmien mill-imwiet” (Rm 1, 3-4). San Pawl jinsisti fil-preżentazzjoni tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu bħala manifestazzjoni tal-qawwa ta’ Alla (cf. Rm 6, 4; 2 Kor 13, 4; Fil 3, 10; Kol 2, 12; Ef 1, 19 s; cf. ukollEb 7, 16)bl-opra tal-Ispirtu li, waqt li ta mill-ġdid il-ħajja lil Ġesù, poġġieh fl-istat glorjuż ta’ Mulej  (Kyrios) li fih jistħoqqlu b’mod definittiv, ukoll bħala bniedem, dak l-isem ta’ Bin Alla li jappartjeni lilu eternament (cf. Rm 8, 11; 9, 5; 14, 9; Fil 2, 9-11; cf. ukoll Eb 1, 1-5; 5, 5, eċċ.).
  2. Huwa sinifikattiv li bosta testi tat-testment il-ġdid juru l-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu bħala “qawmien mill-imwiet”, mwettaq bil-qawwa tal-Ispirtu Santu. Imma fl-istess ħin huma jitkellmu dwaru bħala “qawmien mill-ġdid bis-saħħa tal-qawwa propja tiegħu” (bil-Grieg: “aneste”), bħal ma mill-bqija tindika f’bosta lingwi l-kelma “riżurrezzjoni”. Dan is-sens attiv tal-kelma (nom u verb) jinsab ukoll fid-diskorsi pripaskwali ta’ Ġesù, per eżempju fit-taħbiriet tal-Passjoni, meta jgħid li Bin il-bniedem irid ibati ħafna, imut, u mbagħad jerġà jqum (cf.Mk8, 31; 9, 9. 31; 10, 34). Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni Ġesù  jiddikjara b’mod espliċitu: “Jien noffri ħajti, biex imbagħad nerġà neħodha mill-ġdid . . . Għandi l-qawwa li noffriha u l-qawwa li neħodha mill-ġdid” (Ġw 10, 17-18). Ukoll Pawlu, fl-ewwel ittra lit-Tessalonkin, jikteb: “Aħna nemmnu . . . li Ġesù miet u rxoxta” (1 Ts 4, 14).

Fl-Atti tal-Appostli spiss jiġi pproklamat li “Alla qajjem mill-imwiet lil Ġesù . . .” (At 2, 24. 32; 3, 15. 26 eċċ.), imma dawn jitkellmu wkoll f’sens attiv tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù (cf. At 10, 41) u f’din il-prospettiva tiġbor lilha nfisha fil-qosor il-predikazzjoni ta’ Pawlu fis-sinagoga ta’ Tessalonika fejn “fuq il-bażi tal-Iskritturi” huwa juri li “il-Kristu kellu jmut u jirxoxta mill-imwiet . . .” (At17, 3).

Minn din il-ġabra ta’ Testi joħroġ il-karattru trinitarju tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, li huwa “opra komuni” tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, u allura jinkludi fih il-misteru stess ta’ Alla.

  1. L-espressjoni “skont l-Iskritturi”, li tinsab fl-ewwel ittra lill-Korintin (1 Kor15, 3-4) u fis-Simbolu niċen-Kostantinoplitan, tenfasizza l-karattru eskatoloġiku tal-ġrajja tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, li fiha jsibu twettiq it-tħabbir tat-testment il-qadim. Ġesù nnifsu, skont Luqa, waqt li jitkellem dwar il-Passjoni tiegħu u dwar il-glorja tiegħu maż-żewġ dixxipli ta’ Emmaws, iċanfarhom dwar it-tnikkir tal-qalb “fit-twemmin tal-kelma tal-profeti”, u mbagħad, “waqt li beda minn Mosè u mill-profeti kollha spjegalhom fl-Iskritturi kollha dak li kien jirreferi għalih” (Lq 24, 26-27). L-istess ġara fl-aħħar laqgħa mal-appostli, lil min qal: “Huwa dan il-kliem li kont ngħidilkom meta kont għadni magħkom: hemm bżonn li jitwettaq dak kollu miktub dwari fil-liġi ta’ Mosè, fil-profeti u fis-Salmi”. Allura fetħilhom moħħhom għall-intelliġenza tal-Iskritturi u qalilhom: “Hekk hemm miktub: il-Kristu jeħtieġ ibati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum u f’ismu jkunu ppridkati lill-popli kollha il-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet, billi nibdew minn Ġerusalem  . . .” (Lq 24, 44-48).

Din kienet l-interpretazzjoni, mogħtija minn Ġesù stess lill-ġabra tat-testment il-qadim u b’mod speċjali lit-testi li b’mod iktar dirett kenu jolqtu l-misteru paskwali, bħal dak ta’ Iżaija dwar l-umiljazzjoni u l-“eżaltazzjoni” tal-qaddej tal-Mulej ( 52, 13-53, 12), u s-Salm 110 [109]. Fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni eskatoloġika ta’ Ġesù, li tgħaqqad il-misteru paskwali mat-testment il-qadim u tipproġetta d-dawl fuq il-futur (l-predikazzjoni lill-popli kollha), ukoll l-appostli u l-evanġelisti tkellmu dwar il-Qawmien mill-mwiet “skont l-Iskritturi” u wara ġiet iffissatha l-formula tal-Kredu. Kienet dimensjoni oħra tal-ġrajja bħala misteru.

Minn dak li għidna jirriżulta b’mod ċar li l-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu huwa l-ikbar ġrajja fl-istorja tal-fidwa, u anzi, minħabba li hu jagħti sens definittiv lid-dinja, nistgħu ngħidu fl-istorja tal-umanità. Id-dinja kollha kemm hi iddur madwar is-Salib, imma biss fil-Qawmien mill-imwiet is-Salib jilħaq is-sinifikat totali tiegħu ta’ ġrajja feddejja. Salib u Qawmien mill-imwiet jikkostitwixxu l-uniku misteru paskwali, li fih l-istorja tad-dinja għandha ċ-ċentru tagħha. Għalhekk l-Għid huwa l-ikbar sollennità tal-Knisja: hija tiċċelebra u ġgedded kull sena din il-ġrajja,  mgħobbija bit-taħbiriet tat-testment il-qadim, nibdew mill-“Protovanġelu” tal-Fidwa, u mit-tamiet u l-istenniji eskatoloġiċi proġettati lejn il-“milja taż-żmien”, li attwat ruħha meta s-Saltna ta’ Alla daħlet b’mod definittiv fl-istorja tal-bniedem u fl-ordni universali tal-fidwa.

Miġjub għal-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb