Il-Qawmien ta’ Kristu mill-Mewt u l-quċċata tar-Rivelazzjoni


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 8 ta’ Marzu 1989

81. Il-Qawmien ta’ Kristu mill-Mewt u l-quċċata tar-Rivelazzjoni.

  1. Fl-ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, imfakkra diversi drabi fil-kors ta’ dawn il-katekeżi dwar il-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, naqraw dan il-kliem tal-Appostlu: “Li kieku Kristu ma rxuxtax, allura l-predikazzjoni tagħna kienet tkun vojta u vojta wkoll kienet tkun il-fidi tagħna” (1 Kor15, 14). Evidentement San Pawl jara fil-Qawmien mill-imwiet is-sies tal-fidi nisranija u kważi l-muftieħ tal-bidla tal-kostruzzjoni kollha kemm hi tad-duttrina u ta’ ħajja mibnija fuq ir-Rivelazzjoni, inkwantu konferma definittiva tal-ġabra kollha tal-verità miġjuba minn Kristu. Minħabba dan il-predikazzjoni tal-Knisja, miż-żmenijiet tal-Appostli, tul is-sekli u l-ġenerazzjonijiet kollha, sal-ġurnata tallum, tappella għall-Qawmien mill-imwiet u torbot miegħu l-qawwa propulsiva u persważiva u l-ħeġġa tagħha. Huwa faċli li tifhem għaliex.
  2. Il-Qawmien mill-imwiet l-ewwelnett jikkonferma dak li Kristu nnifsu kien “għamel u għallem”. Kien is-siġill divin imqiegħed fuq kliemu u fuq ħajtu. Huwa stess kien indika lid-dixxipli u lill-avversarji tiegħu dan is-sinjal definittiv tal-verità tiegħu. L-anġlu tal-qabar fakkar dan lin-nisa fl-għodwa tal-“ewwel jum wara s-Sibt”: “Qam bħal ma kien qal” (Mt28, 6). Jekk din kelmtu u wegħdtu irrivelat ruħha bħala verità, mela wkoll l-kliem l-ieħor tiegħu u l-wegħdiet jippossiedu l-qawwa tal-verità li ma tgħaddix, bħal ma hu stess kien ipproklama: “Is-sema u l-art jgħaddu iżda kliemi ma jgħaddix” (Mt24, 35; Mk 13, 31; Lq 21, 33). Prova iktar awtorevoli, iktar qawwija, iktar deċiżiva mill-Qawmien mill-imwiet, ħadd ma setà jimmaġinaha u jippretendiha. Il-veritajiet kollha wkoll dawk l-iktar kumplikati għall-moħħ uman, iżda jsibu l-ġustifikazzjoni tagħhom, ukoll fid-dħul tar-raġuni, jekk Kristu rxoxta ta l-prova definittiva, minnu mwegħda, tal-awtorità tiegħu divina.
  3. Hekk il-verità tal-istess divinità tiegħu hija mwettqa mill-Qawmien mill-imwiet. Ġesù kien qal: “Meta tkunu għollejtu (fuq is-salib) lil Bin il-bniedem, allura ssiru tafu li Jiena Jien (Ġw8, 28). Dawk li semgħu dan il-kliem riedu jħaġġru lil Ġesù, minħabba li għal-Lhud “Jiena Jien” kien ekwivalenti tal-isem ineffabbli ta’ Alla. Difatti, waqt li talbu lil Pilatu għall-kundanna tal-mewt, ippreżentaw bħala akkuża ewlenija dik li għamel “lilu nnifsu Bin Alla” (Ġw19, 7). Għal din l-istess raġuni kienu kkundannawh fis–sinedriju bħala ħati ta’ dawgħa wara li għall-mistoqsija tal-qassis il-kbir kien iddikjara li hu kien il-Kristu, l-Iben ta’ Alla (Mt26, 63-65; Mk 14. 62; Lq 22, 70): jew aħjar mhux biss il-Messija terren kif kien ikkonċeput u mistenni mit-tradizzjoni ġudajka, imma l-Messija-Mulej imħabbar mis-Salm 110 [109] (cf. Mt 22, 41 ss.), il-personaġġ misterjuż milmuħ  minn Danjel (Dn 7,13-14). Din kienet d-dawgħa l-kbira, l-imputazzjoni għall-kundanna tal-mewt: li kien ipproklama lilu nnifsu Bin Alla! U issa l-Qawmien mill-imwiet tiegħu  kien ikkonferma il-verità tal-identità divina tiegħu, u kien illeġittima l-attribuzzjoni magħmula lilu nnifsu, qabel il-Għid, tal-“isem” ta’ Alla: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: qabel ma Abraham kien, Jiena Jien” (Ġw 8, 58). Għal-Lhud din kienet pretensjoni passabbli ta’ tħaġġir (cf. Lv 24, 16), u infatti huma “qabdu l-ġebel biex jitfgħuhomlu, imma Ġesù staħba u ħareġ mit-tempju” (Ġw 8, 59). Imma jekk allura ma kinux  setgħu iħaġġruh, wara rnexxilhom li jwassluh biex ikun mgħolli fuq is-Salib: il-Qawmien mill-mewt tal-Mislub wera iżda li huwa tassew kien Jiena Jien, l-Iben ta’ Alla.
  4. Fir-realtà, Ġesù, minkejja li sejjaħ lilu nnifsu Bin il-bniedem, kellu mhux biss dikjarat li kien il-veru Iben ta’ Alla, imma fiċ-Ċenaklu, qabel il-Passjoni, kien talab lill-Missier biex jirrivela li l-Kristu, Bin il-bniedem kien l-Iben etern tiegħu: “Missier, waslet is-siegħa, igglorifika lil Ibnek, sabiex l-Iben jigglorifika lilek” ( Ġw 17, 1). “. . . Igglorifikani quddiemek, b’dik il-glorja li kelli qribek qabel ma d-dinja kienet” (Ġw17, 5). U l-misteru paskwali kien is-smigħ ta’ din it-talba, il-konferma tal-filjolanza divina ta’ Kristu, u anzi l-glorifikazzjoni tiegħu b’dik il-glorja li kien “kellu qrib il-Missier qabel ma d-dinja kienet”: il-glorja tal-Iben ta’ Alla.
  5. Fil-perijodu pre-paskwali Ġesù, skont il-Vanġelu ta’ Ġwanni, kien alluda iktar minn darba għal din il-glorja futura, li kellha timmanifesta ruħha fil-mewt u l-Qawmien mill-imwiet tiegħu. Id-dixxipli fehmu s-sinifikat ta’ dak il-kliem tiegħu biss bil-ġrajja mitmuma.

Hekk naqraw li waqt l-ewwel Għid mgħoddi f’Ġerusalem, wara li kien keċċa mit-tempju lin-negozjanti u lis-sarrafa, lil-Lhud li kienu talbuh “sinjal” tal-poter li bih kien jopera b’dak il-mod, Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju u fi tlett ijiem nerġà nibnih . . . Issa hu kien qed jitkellem dwar it-tempju ta’ ġismu. Meta mbagħad kien qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru li kien qal dan u emmnu fl-Iskrittura u fil-kelma migħuda minn Ġesù” (Ġw 2, 19-22).

Ukoll it-tweġiba mogħtija minn Ġesù lill-messaġġiera ta’ ħut Lażżru, li kienu talbuh biex imur iżur lil huhom marid, kien għamel referenza għall-ġrajjiet paskwali: “Din il-marda mhix għall-mewt, imma għall-glorja ta’ Alla, għaliex għaliha l-Iben ta’ Ala jkun igglorifikata” (Ġw 11, 4).

Ma kinitx biss il-glorja li setgħet tiġih mill-miraklu, tant  li hi iktar pprovokat il-mewt tiegħu (cf. Ġw 11  46-54) imma l-vera glorifikazzjoni tiegħu kienet se tiġi propju mill-elevazzjoni fuq is-Salib  (cf. Ġw 12, 32). Id-dixxipli fehmu sewwa dan kollu wara l-Qawmien mill-imwiet.

  1. Partikolarment interessanti hija d-duttrina ta’ San Pawl dwar il-valur tal-Qawmien mill-imwiet bħala element deċiżiv tal-konċezzjoni kristoloġika tiegħu, marbuta wkoll mal-esperjenza personsali tal-Irxoxt. Hekk fil-bidu tal-ittra lir-Rumani huwa jippreżenta ruħu: “Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, appostlu bil-vokazzjoni, magħżul biex iħabbar il-Vanġelu ta’ Alla li hu kien wiegħed permezz tal-profeti fl-Iskrittura Mqaddsa, rigward Ibnu mwieled mid-dixxendenza ta’ David skont il-ġisem, kostitwit Iben ta’ Alla bil-qawwa skont l-Ispirtu ta’ santifikazzjoni permezz tal-qawmien mill-imwiet, Ġesù Kristu, Sidna” (Rm1, 1-4).

Dan ifisser li sa mill-ewwel waqt tal-konċepiment uman u tat-twelid (mid-dixxendenza ta’ David), Ġesù kien l-Iben etern ta’ Alla, magħmul Bin il-bniedem. Imma fil-Qawmien mill-imwiet din il-filjolanza divina immanifestat ruħha fil-milja kollha tagħha, bil-qawwa ta’ Alla li bl-opra tal-Ispirtu Santu ta lura l-ħajja lil Ġesù (cf. Rm 8, 11)  u kkostitwih fl-istat glorjuż ta’ “Kyrios” (cf. Fil 2, 9-11; Rm 14, 9; At 2, 36), billi Ġesù ħaqqu titolu ġdid, messjaniku, ir-rikonoxximent, il-kult, il-glorja tal-isem etern ta’ Iben ta’ Alla (cf. At 13, 33; Eb 1, 1-5; 5, 5).

  1. Pawlu kien espona din id-duttrina fis-sinagoga ta’ Antijokja ta’ Pisidja, f’jum is-Sibt, meta, mistieden mir-responsabbli, tkellem biex iħabbar li fil-quċċata tal-ekonomija tal-fidwa, imwettqa bejn dwal u dellijiet fl-istorja ta’ Iżrael, Alla kien irxoxta mill-imwiet lil Ġesù, li kien deher għal bosta jiem lil dawk li kienu telgħu miegħu mill-Galilea għal Ġerusalem u dawn issa kienu x-xhieda tiegħu quddiem il-poplu. “U aħna – kien ikkonkluda l-Appostlu – inħabbrulkom il-bxara t-tajba li l-wegħda li kienet saret lil missirijietna twettqet, għaliex Alla wettaqha għalina, uliedu, billi qajjem lil Ġesù, kif kien ukoll miktub fit-tieni Salm: «Ibni huwa int, illum iġġenerajtek»” (At13, 32-34; cf.Sal 2, 7).

Għal Pawlu hemm speċi ta’ osmosi konċettwali bejn il-glorja tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu u l-filjolanza divina eterna ta’ Kristu, li tirrivela ruħha, fit-totalità, f’dik il-konklużjoni tal-missjoni messjanika tiegħu.

  1. F’din il-glorja tal-“Kyrios” timmanifesta ruħha dik il-qawwa tal-Irxoxt (bniedem-Alla), li Pawlu għaraf per esperjenza fil-waqt tal-konversjoni tiegħu fit-triq ta’ Damasku, meta hu wkoll ħassu msejjaħ biex ikun appostlu (ukoll jekk mhux wieħed mit-tnax), inkwantu xhud okulari tal-Kristu ħaj, u rċieva mingħandu l-qawwa biex jiffaċċja x-xogħol iebes kollu u biex jissaporti t-tbatijiet kollha tal-missjoni propja tiegħu. L-ispirtu ta’ Pawlu jibqà hekk milqut minn dik l-esperjenza, li hu fid-duttrina tiegħu u fix-xhieda tiegħu jqiegħed l-idea tal-qawwa tal-Irxoxt għal dak tas-sehem fit-tbatijiet ta’ Kristu, li wkoll hija għalih għażiża: dak li kien ivverifika ruħu fl-esperjenza personali tiegħu, kien ipproponih ukoll lill-fidili bħala regola ta’ ħsieb u norma ta’ ħajja: “Kollox issa jiena nqis telfa quddiem l-eżaltazzjoni tal-għarfien ta’ Kristu  Gesù Sidi . . . bl-iskop li niggwadanja lil Kristu u li nsib ruħi fih . . . sabiex jien inkun nistà nagħraf lilu, il-qawwa tal-qawmien mill-imwiet tiegħu, is-sehem fit-tbatijiet tiegħu, billi nsir  konsistenti miegħu fil-mewt, bit-tama li nasal għall-qawmien mill-imwiet” (Fil 3, 8-11). U f’dan il-punt il-ħsieb tiegħu idur fuq l-esperjenza tat-triq ta’ Damasku: “ . . .għaliex ukoll jien kont mirbuħ minn Ġesù Kristu” (Fil 3, 12).
  2. Kif jidher mit-testi kkwotati, il-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu huwa marbut b’mod strett mal-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Dan huwa t-twettiq tiegħu, skont il-pjan ta’ Alla. Dan huwa anzi l-inkurunar suprem ta’ kemm Ġesù immanifesta u opera f’ħajtu kollha, mit-twelid sal-Passjoni u l-mewt, bl-opri u l-għeġubijiet, il-maġisteru, l-eżempju ta’ qdusija perfetta, u speċjalment bit-Trasfigurazzjoni. Huwa qatt ma rrivela b’mod dirett il-glorja li kellu maġemb il-Missier “qabel ma kienet id-dinja” (Ġw17, 5), imma kien jaħbi din il-glorja fl-umanità tiegħu sat-tneżżih definittiv (cf.Fil 2, 7-8) permezz tal-mewt fuq is-Salib.

Fil-Qawmien mill-imwiet irrivela ruħu l-fatt li “fi Kristu tgħix b’mod korporali l-milja kollha tad-divinità” (Kol 2, 9; cf. Kol 1, 19). Hekk il-Qawmien mill-imwiet “item” il-manifestazzjoni tal-kontenut tal-Inkarnazzjoni. Għalhekk nistgħu ngħidu li huwa wkoll il-milja tar-Rivelazzjoni. Hu mela, bħal ma għidna, jinsab fiċ-ċentru tal-fidi nisranija u tal-predikazzjoni tal-Knisja.

Miġjub għal-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb