Id-Dehriet ta’ Kristu Rxoxt


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 22 ta’ Frar 1989

79. Id-Dehriet ta’ Kristu Rxoxt

  1. Nafu l-pass tal-ewwel ittra lill-Korintin fejn Pawlu, l-ewwel b’mod kronoloġiku, jinnota l-verità dwar il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu: “Wassaltilkom . . . dak li wkoll jien irċivejt: li jiġifieri Kristu miet għal dnubietna skont l-Iskritturi, indifen u rxoxta skont l-Iskritturi u li deher lil Kefa u lit-Tnax . . .” (1 Kor15, 3-5). Din hija kif wieħed jistà jara, verità mgħoddija, riċevuta u mill-ġdid mgħoddija. Verità appartenenti għad-“depożitu tar-Rivelazzjoni” li Ġesù stess, permezz tal-appostli u l-evanġelisti tiegħu, ħalla lill-Knisja tiegħu
  2. Ġesù irrivela b’mod gradat din il-verità fit-tagħlim tiegħu prepaskwali. Hija mbagħad sabet l-attwazzjoni konkreta fil-ġrajjiet tal-Għid ġerosolmitan ta’ Kristu, storikament aċċertati, imma mimlijin b’misteru.

It-tħabbir u l-fatti kellhom il-konferma tagħhom b’mod speċjali fil-laqgħat ta’ Kristu rxoxt, li l-Vanġeli u Pawlu jirraportaw. Hemm bżonn ngħidu li t-test pawlin jippreżenta dawn il-laqgħat  li fihom jirrivela ruħu l-Kristu rxoxt – b’mod globali u sintetiku(waqt li jżid fl-aħħar il-laqgħa tiegħu mal-Irxoxt fil-bieb ta’ Damasku). (cf. At 9, 3-6). Fil-Vanġeli hemm, f’dan ir-rigward, diversi annotazzjonijiet pjuttost frammentarji.

Mhu xejn diffiċli li tiġbor u tikkonfronta diversi linji karatteristiċi ta’ kull waħda minn dawn id-dehriet u tagħhom kollha flimkien, biex tersaq iktar lejn l-iskoperta tas-sinifikat ta’ din il-verità rivelata.

  1. Nistgħu qabel xejn nosservaw li, wara l-Qawmien mill-Imwiet, Ġesù jippreżenta ruħu lin-nisa u lid-dixxipli b’ġismu mibdul, magħmul spiritwali u parteċipi fil-glorja tar-ruħ: imma mingħajr ebda karatteristika trijonfalistika. Ġesù juri ruħu b’sempliċità kbira. Jitkellem ta’ ħabib mal-ħbieb, li magħhom jiltaqà fiċ-cirkustanzi ordinarji tal-eżistenza terrena. Huwa ma riedx jiffaċċja lill-avversarji tiegħu, billi jassumi l-atteġġjament tar-rebbieħ, mhux ikkonċernat li jurihom is-“superjorità” tiegħu, wisq inqas kien intenzjonat li jeqridhom. Lanqas ma jirriżulta li hu ltaqà magħhom. Dak kollu li jgħid il-Vanġelu jasal li jeskludi li deher per eżempju lil Pilatu, li kien tah f’idejn il-qassissin il-kbar sabiex ikun imsallab (cf.Ġw19, 16) jew lil Kajfa li kien  ċarrat ħwejġu għall-istqarrija tad-divinità tiegħu (cf. Mt 26, 63-66).

Lill-privileġġjati tad-dehriet tiegħu, Ġesù jħallihom jagħrfuh fl-identità fiżika tiegħu: dak il-wiċċ, dawk l-idejn, dawk il-linjamenti li kienu jafu sewwa, dak il-kustat li kienu raw jiġi minfud; dak il-leħen li tant drabi kienu semgħu. Biss fil-laqgħa ma’ Sawlu fil-viċinanzi ta’ Damasku, id-dawl li jdawwal lill-Irxoxt kważi jagħma lill-persekutur imħeġġeġ tal-insara u jwaqqgħu mal-art (cf. Mt 9,3-8): imma din hija wirja tal-qawwa ta’ dak li, diġa telà s-sema, jolqot bniedem li minnu jrid jagħmel “strument magħżul” (At 9, 15), missjunarju tal-Vanġelu.

  1. Wieħed jinnota wkoll fatt sinifikattiv: Ġesù Kristu jidher l-ewwel lin-nisa, is-segwaċi fidili tiegħu, milli lid-dixxipli u lill-istess appostli, li kien saħansitra għażel bħala xandara tal-Vanġelu tiegħu fid-dinja. Lin-nisa jafda l-ewwel il-misteru tal-Qawmien mill-imwiet tiegħu, waqt li rrendihom bħala l-ewwel xhieda ta’ din il-verità. Jistà jkun li ried jippremja d-delikatezza tagħhom, is-sensibiltà tagħhom għall-messaġġ tiegħu, il-kuraġġ tagħhom li kien imbuttahom sa fuq il-Kalvarju. Jistà jkun li ried juri fattur skwiżit tal-umanità tiegħu, li jikkonsisti fil-korteżija u fil-ġentilezza li bihom resaq lejn u bierek il-persuni li linqas jiswew fid-dinja kbira ta’ żminijietu. Dan huwa li donnu jirriżulta minn test ta’ Mattew. “U hekk hu Ġesù resaq jiltaqà (man-nisa li kienu qegħdin jiġru biex jagħtu l-aħbar lid-dixxipli u qalilhom: Is-sliem għalikom! U huma, resqu lejh, ħaddnulu riġlejh u adurawh. Allura Ġesù qalilhom: «La tibżgħux: morru u ħabbru lil ħuti biex imorru fil-Galilea u hemmhekk jarawni” (Mt28, 9-10).

Ukoll l-episodju tad-dehra lil Marija ta’ Magdala  (Ġw 20, 11-18) huwa ta’ finezza straordinarja kemm min-naħa tal-mara, li tirrivela d-dedikazzjoni entużjażmanti u komposta tagħha fis-segwitu ta’ Ġesù, kif ukoll min-naħa tal-Imgħallem li jġib ruħu magħha b’delikatezza skwiżita u tjubija.

Għal din il-prijorità tan-nisa fil-ġrajjiet paskwali jmissha tispirana l-Knisja, li fis-sekoli setgħet tant torbot fuqhom għal ħajjitha ta fidi, ta’ talb u ta’ apostolat.

  1. Diversi karatteristiċi ta’ dawn il-laqgħat postpaskwali jirrenduhom b’ċertu mod simboliċi minħabba s-sitwazzjonijiet spiritwali, li spiss sewwa kienu fir-rapport tal-bniedem ma’ Kristu, meta jħoss ruħu msejjaħ jew “miżur”.

Hemm fuq kollox diffikultà inizjali biex jingħaraf Kristu min-naħa ta’ dawk li huwa jiltaqà magħhom, bħal ma nistgħu naraw fil-każ tal-istess Maddalena (Ġw 20, 14-16) u tad-dixxipli ta’ Emmaws (Lq 24, 16). Ma jonqosx ċertu sentiment ta’ biżà quddiemu. Tħobbu, tfittxu, imma, fil-waqt li ssibu, tħoss ftit tal-eżitazzjoni . . .

Imma Ġesù gradatament iwassal għall-għarfien u għall-fidi kemm lil Maddalena (Ġw 20, 16), kif ukoll lid-dixxipli ta’ Emmaws (Lq 24, 26 ss.), u b’mod analogu dixxipli oħra (cf. Lq 24, 25-48). Sinjal tal-pedagoloġija paċenzjuża tal-Kristu tar-rivelazzjoni tiegħu nnifsu lill-bniedem, biex jattirah, biex jikkonvertih, biex iwasslu għall-għana ta’ qalbu u għall-fidwa.

  1. Huwa nteressanti li nanalizzaw il-proċess psikoloġiku li d-diversi laqgħat iħallu li nilmħu: id-dixxipli jħossu ċerta diffikultà biex jagħrfu mhux biss il-verità tal-Qawmien mill-Imwiet, imma wkoll l-identità ta’ dak li jinsab quddiemhom, u jidher bħala l-istess imma wkoll bħala ieħor: Kristu “mibdul”. Mhux faċli għalihom li joperaw l-identifikazzjoni mmedjata. Iħossu, iva, li hu Ġesù, imma fl-istess ħin iħossu li hu ma jinsabx iżjed fil-kondizzjoni ta’ qabel u quddiemu jinħakmu minn qima u biżà.

Meta mbagħad jintebħu, bl-għajnuna tiegħu, li mhux ieħor, imma hu nnifsu mibdul,  tinfetaħ fihom ħila ġdida ta’ skoperta, ta’ ntelliġenza, ta’ karità u ta’ fidi. Dan huwa bħal qawmien mill-ġdid ta’ fidi: “Ma kinitx jewwilla tħeġġeg qalbna f’sidirna meta kien qed jitkellem magħna waqt il-mixi, meta kien qed jispjegalna l-Iskritturi?” (Lq 24, 32). “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20, 28). “Rajt il-Mulej!” (Ġw 20, 18). Allura dawl assolutament ġdid jillumina lil għajnejhom ukoll il-ġrajja tas-Salib; u jagħtihom sens veru u sħiħ ta’ dak il-misteru ta’ niket u ta’ mewt, li jintemm fil-glorja tal-ħajja l-ġdida! Dan se jkun wieħed mill-elementi ewlenin tat-tħabbira ta’ fidwa meħud mill-appostli sa mill-bidunett lill-poplu Lhudi u  b’mod progressiv lill-popli kollha.

  1. Karatteristika tal-aħħar tad-dehriet ta’ Kristu Rxoxt hija ta’ min jenfasizzaha: fihom b’mod speċjali f’dawk tal-aħħar, Ġesù jattwa l-kustodja definittiva lill-appostli (u lill-Knisja) tal-missjoni tal-evanġelizzazzjoni tad-dinja biex iwasslulha l-aħbar ta’ Kelmtu u r-rigal tal-grazzja.

Niftakru d-dehra lid-dixxipli fiċ-Ċenaklu tal-Għid filgħaxija: “Bħal ma l-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom . . . (Ġw 20, 21): u jgħaddilhom il-poter li jaħfru d-dnubiet!

U fid-dehra fuq il-baħar ta’ Tiberiade, segwita mis-sajda mirakoluża, li  tirrapreżenta u tħabbar is-suċċess tal-missjoni, huwa evidenti li Ġesù jrid jorjenta l-ispirti tagħhom lejn l-opra li hemm tistennihom (cf. Ġw 21, 1-23). Jikkonferma  t-trasferiment definittiv tal-missjoni partikolari lil Pietru (Ġw 21, 15-18): “Tħobbni? . . . Inti taf . . . Irgħa l-ħrief tiegħi . . . Irgħa n-nagħaġ tiegħi . . .”.

Ġwanni jinnota li “din kienet it-tielet darba li huwa kien wera ruħu lid-dixxipli wara li kien irxoxta mill-imwiet” (Ġw 21, 14). Din id-darba huma mhux biss kienu ndunaw bl-identità tiegħu: “Huwa l-Mulej” (Ġw 21, 7); imma kienu wkoll fehmu li dak kollu li kien seħħ u li kien qed iseħħ f’dawk il-jiem paskwali kien jinvolvi lil xi ħadd minnhom – fil-kostruzzjoni tal-era l-ġdida tal-istorja, li kien kellha l-bidu tagħha f’dik l-għodwa paskwali.

 

Miġjub għal-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb