L-Ordinazzjoni Episkopali tal-Isqof Anton Teuma


Nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu 2020, meta l-Knisja Kattolika kienet qed tiċċelebra t-Tifkira liturġika ta’ wieħed mill-akbar papiet tagħha, San Piju X, fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, fil-5.30pm, inżammet il-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Dun Anton Teuma, id-disa’ Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

L-Isqof Konsagrant ewlieni kien Mons. Mario Grech, issa Isqof emeritu ta’ Għawdex, li kien akkumpanjat min-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico u mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna. Ħadu sehem ukoll l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u l-Isqof ta’ Ġibiltà Carmelo Zammit.

Iċ-ċelebrazzjoni bir-Rit tal-Konsagrazzjoni damet fuq sagħtejn, u kienet imxandra dirett fuq TVM2 u fuq NET TV, kif ukoll fuq il-midja soċjali tad-djoċesi u bosta radjijiet komunitarji, hekk li l-ħafna Nsara li minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 ma setgħux jattendu fiżikament, setgħu jsegwuha permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

Fil-miġemgħa kien hemm ukoll rappreżentanza sabiħa tal-kleru Għawdxi u tal-ħmistax-il komunità parrokkjali Għawdxija. Attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fost l-oħrajn il-President ta’ Malta Dr George Vella u s-Sinjura tiegħu, il-Prim Ministru Dr Robert Abela, u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Dan barra l-omm anzjana ta’ Dun Anton, it-tliet ħutu, il-familjari, il-qraba u l-ħbieb tiegħu, fosthom bosta koppji animaturi li jgħinu fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, fejn hu kien Direttur fl-aħħar snin u Delegat tal-Isqof għall-Pastorali mal-Familji.

Il-Ħamis filgħaxija, f’dan l-Istitut fil-Belt Victoria, inżammet Velja ta’ Talb bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, li fiha ħadu sehem il-membri tal-komunitajiet li sa issa kien jieħu ħsieb Dun Anton. Tulha hu għamel l-Istqarrija tal-Fidi u l-Ġurament ta’ Fedeltà tiegħu, waqt li tbierku wkoll l-Insinji Episkopali.

Il-Mandat Appostoliku mibgħut mill-Papa Franġisku ntwera lill-poplu ta’ Alla min-Nunzju Appostoliku, u mbagħad dritt wara l-Vanġelu nqara bil-Malti minn Dun Mario Mercieca, l-iżgħar saċerdot tad-Djoċesi, li kien wieħed miż-żewġ presbiteri assistenti tal-Isqof-maħtur, flimkien ma’ Mons. Ġużeppi Attard.

Fl-omelija tiegħu, l-aħħar waħda bħala Ragħaj spiritwali tad-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof Grech beda biex sejjaħ lil Dun Anton “għażiż Isqof tiegħi”. Huwa xebbah lill-Knisja ma’ dgħajsa titqalleb qalb l-imwieġ, li mhux dejjem iħalluha timxi fid-direzzjoni li jrid minnha Kristu. “Jien fiduċjuż li l-Ispirtu s-Santu huwa miegħek u se toħroġna fit-triq, ma tħalliniex nifgaw u nimmuffaw fl-irwejjaħ tagħna, għax fit-triq niltaqgħu mal-bniedem ferut”, huwa tenna lill-Isqof-maħtur, ftit tal-mumenti biss qabel il-konsagrazzjoni tiegħu bit-tqegħid tal-idejn u biż-żejt tal-Griżma.

Meta ntemm ir-Rit tal-Konsagrazzjoni Episkopali, bl-Isqof il-ġdid jingħata l-ktieb tal-Evanġelju u s-sinjali episkopali taċ-ċurkett, il-mitra u l-baklu u jiġi akkumpanjat fuq is-sedja mnejn sellem lill-miġemgħa u ngħata l-bewsa tal-paċi mill-isqfijiet l-oħra, l-Isqof Teuma kompla hu jippresiedi l-Liturġija Ewkaristika sa tmiem il-quddiesa, fejn indirizza lill-poplu għall-ewwel darba bħala Ragħaj Spiritwali tad-Djoċesi u għamel ir-ringrazzjamenti tiegħu. B’riferiment għall-motto magħżul minnu stess, l-Isqof Anton qal li l-missjoni tal-Knisja hi li tilqa’ lil dak il-Barrani tat-triq ta’ Għemmaws, li mhux ħlief Kristu nnifsu li jagħmel lilu nnifsu preżenti fil-fqir, l-imwarrab u d-dgħajjef.

Il-liturġija solenni kienet animata bil-kant mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ, taħt id-direzzjoni ta’ Dorienne Portelli u bl-akkumpajament fuq l-orgni minn Mariella Spiteri Cefai u orkestrina ta’ mużiċisti, li fost l-oħrajn interpretaw il-Quddiesa Misericordia ta’ Dun Joseph Curmi.

L-Isqof Teuma issa mistenni jagħmel l-Ingress Solenni fil-Katidral tal-Assunta, is-sede uffiċjali tal-Isqof ta’ Għawdex, fis-16 ta’ Settembru, jum l-anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex fl-1864.

Intant, il-Ħamis li ġej, 27 ta’ Awwissu, fis-6.30pm, fl-istess Rotunda tax-Xewkija, l-Isqof Mario Grech se jiċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għall-ministeru tiegħu fl-aħħar ħmistax-il sena bħala Isqof ta’ Għawdex.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.