Illum il-Knisja tfakkar lill-Verġni Mqaddsa Marija, Reġina

Print Friendly, PDF & Email

Fit-22 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lill-Verġni Mqaddsa Marija, Reġina.

Wara l-festa tat-Tlugħ tal-Verġni Mqaddsa Marija fis-sema, fil-15 ta’ Awwissu, huwa xieraq li jiġi wkoll iċċelebrat il-post tagħha fost l-anġli u l-qaddisin bħala r-Reġina tas-sema u tal-art.

Fil-11 ta’ Ottubru 1954, il-Papa Piju XII, bl-enċiklika tiegħu “Ad Coeli Regina,” waqqaf il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija Reġina, u ddikjara li għandha tiġi ċċelebrata mal-Knisja kollha, fil-31 ta’ Mejju ta’ kull sena.

Il-festa twaqqfet b’tifkira tas-Sena Marjana li l-istess Papa kien nieda bl-enċiklika “Fulgens Corona” fl-okkażjoni ta’ għeluq iċ-ċentinarju tad-definizzjoni tad-domma tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Marija.

Wara l-Konċilju Vatikan II, il-festa ġiet trasferita għat-22 ta’ Awwissu, nhar l-ottava tat-Tlugħ tal-Verġni Marija fis-sema, biex hekk tkun tidher aħjar ir-rabta bejn ir-Regalità tal-Verġni Marija u t-Tlugħ tagħha fis-sema.

Sa mill-ewwel sekli tal-Knisja, l-Insara emmnu li l-Verġni Mqaddsa hija Reġina. Hi ġabet fid-dinja Iben li sa mill-mument tat-tnissil tiegħu, minħabba l-għaqda ipostatika tan-natura umana ma’ dik divina, ukoll bħala bniedem, kien Sultan u Mulej ta’ kollox. Għalhekk kien tassew xieraq li l-Knisja twaqqaf din il-festa biex tunura lill-Verġni Marija b’dan it-titolu ta’ Reġina.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply