Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 21 ta’ Awwissu


Il-Ġimgħ, 21 ta’ Awwissu 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-Tifkira ta’ San Piju X fil-Kurja tal-Arċisqof …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-motto li l-Papa San Piju X għażel għall-pontifkat tiegħu kien ispirat minn frażi tal-Appostlu Missierna San Pawl: “Inġeddu kollox fi Kristu” (instaurare omnia in Christo).

Fid-dawl tal-Evanġelju li għadna kemm smajna, u r-risposta ta’ Ġesù għal liema huwa l-ikbar kmandament fil-liġi, nifhmu li biex inġeddu kollox fi Kristu għandna direzzjoni waħda radikali u fondamentali, u din hija l-imħabba. Ġesù jgħid li l-qofol tal-liġi kollha u tal-profeti jinġabru f’żewġ kmandamenti li huma maqgħudin bejniethom: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek”, “ħobb lill-għajrek” Mt 22:37.39).

Ġesù jgħid li dawn iż-żewġ kmandamenti mhux biss jixbhu lil xulxin imma b’xi mod huma ż-żewġ faċċati tal-istess munita. Il-Mulej tana munita waħda tad-deheb li hija l-imħabba; fuq naħa hemm minqux l-imħabba lejn Alla u fuq in-naħa l-oħra hemm l-imħabba lejn il-proxxmu. Mhux żewġ muniti, imma munita waħda prezzjuża li għandha dawn iż-żewġt uċuħ li jagħmlu l-imħabba konkreta.

… fuq naħa hemm minqux l-imħabba lejn Alla u fuq in-naħa l-oħra hemm l-imħabba lejn il-proxxmu.

Il-Papa San Piju X insista li l-komunità Nisranija għandu jkollha mhux biss l-imħabba lejn Ġesù fid-devozzjoni tagħha imma li jkollha t-tagħlim u titgħallem titlob. Ħafna drabi l-fidi tagħna tkun dgħajfa għax m’għandhiex tagħlim. Niftakru f’San Ġorġ Preca, li kien ispirat minn San Piju X għaliex il-Mużew beda propju meta San Piju X kien papa. Fl-1907, il-Papa Piju X kien ilu papa erba’ snin u kiteb dokument importanti ħafna fuq il-katekiżmu bit-tilu Acerbo nimis u Dun Ġorġ ispira ruħu għal dik id-deċiżjoni tal-Papa li fil-parrroċċi kollha jkun hemm nies li jiddedikaw ħajjithom għall-katekeżi taż-żgħazagħ, tat-tfal u tal-adulti.

Imma l-katekeżi x’inhi? Il-katekeżi hija dik li tmantni l-imħabba tiegħek lejn Alla, li tgħinek ukoll tħobb lill-proxxmu billi tobdi l-kmandamenti.

San Piju X għallimna wkoll bil-kant liturġiku, bit-talb tal-Knisja, kif nitolbu tassew. Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Piju X biex il-komunitajiet tagħna jerġgħu jintmantnew bil-Kelma ta’ Alla, bil-katekeżi, bl-ispjega tal-fidi tagħna, u biex il-fidi ma tkunx fidi biss tad-dehriet u tad-devozzjonijiet imma tkun fidi soda li qed tfittex li tiltaqa’ ma’ Ġesù fl-Evanġelju u fit-tagħlim tal-Knisja. U li l-imħabba tagħna lejn il-proxxmu mbagħad tesprimi ruħha wkoll fit-tifħir lil Alla.

Bl-interċessjoni ta’ dan il-Papa nitolbu għall-isqfjiet kollha tal-Knisja, b’mod speċjali llum għal Mons. Dun Anton Teuma, li bħala motto tal-episkopat tiegħu jfakkarna li l-Mulej huwa dejjem magħna, “Baqa’ miexi magħhom” (Lq 24:15) bħalma għamel il-Mulej mad-dixxipli ta’ Għemmaws. Nitolbu ħafna għal Dun Anton u għad-Djoċesi ta’ Għawdex li mil-lejla se jkollha isqof ġdid u fl-istess ħin niftakru wkoll fl-isqof li llum isir Isqof Emeritu ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech. Il-Mulej iberikom it-tnejn u aħna u nsegwu l-ordinazzjoni episkopali, min b’mod dirett u min anke permezz tax-xandir, nitolbu biex inkunu Knisja waħda, Malta u Għawdex.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 37, 1-14
Salm: 106 (107), 2-3.4-5.6-7.8-9
Evanġelju: Mt 22, 34-40

Sors: www.knisja.mt