Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Dun Anton Teuma


Il-Ġimgħa, 21 ta’ Awwissu 2020: Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Dun Anton Teuma bħala d-Disa’ Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex, fir-Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija

Ara filmat tal-Omelija mill-Isqof Mario Grech …

Omelija tal-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex

KNISJA TAT-TRIQ

Għażiż ħija Dun Anton, isqof tiegħi, għadna kif smajna tinqara l-kelma tal-Missier tagħna l-Papa Franġisku li f’isem Ġesù qed jafdalek din il-Knisja maħbuba f’Għawdex tagħna. Inti taf li ħafna drabi l-Knisja hija mxebbha mad-“dgħajsa”. Jien m’iniex espert fis-sengħa tat-tbaħħir, imma nismagħhom jgħidu li mument diffiċli ħafna għal min ikollu jdejh fuq it-tmun ta’ bastiment huwa meta jiġi biex jibdel ir-rotta, partikularment meta l-mewġ ikun ġej għal wiċċu!

Din hija l-missjoni tiegħek, ħabib tiegħi. Il-Mulej Ġesù pprova jagħti rotta ġdida lill-poplu l-magħżul. Ma kienx faċli. Għamluhielu diffiċli u raw kif żbranawh. Il-Papa Franġisku qed jipprova jagħti direzzjoni tajba lil din “id-dgħajsa ta’ Pietru”, imma mhux lakemm! Hemm diversi raġunijiet għaliex hemm bżonn li l-Knisja tieħu rotta ġdida. Biżżejjed ngħidlek li aħna għaddejna minn dik li kienet tissejjaħ il-Kristjanità għal soċjetà post-Kristjana. Altru d-dgħajsa tbaħħar fil-port u altru f’baħar miftuħ bħalma hija s-soċjetà llum. Aħna għaddejna minn soċjetà fejn il-maġġoranza kienet Kattolika, imma llum in-numru tal-Insara dejjem jitnaqqar. Dan japplika għal Għawdex tagħna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, biex tmexxi d-dgħajsa li t-tmun tagħha llum qed jiġi fdat lilek, inti teħtieġ l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex tagħraf x’direzzjoni trid tieħu d-dgħajsa “llum”. Għaliex aħna daqshekk tqal biex nintebħu li ma għadniex il-Knisja la ta’ ħamsin u lanqas ta’ għoxrin sena ilu? Meta jkun l-Ispirtu s-Santu li jimla l-qlugħ ta’ din id-dgħajsa, imbagħad ħalliha tofroq il-mewġ!

Huwa f’dan il-qafas li nixtieq nagħmel ir-riflessjoni fuq ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws li int qed tipproponilna għal din l-Ewkaristija u li minnu inti slitt is-sentenza li ser tiggwidak fil-ministeru ġdid tiegħek: “U baqa’ miexi magħhom”. Meta qrajt dan il-Vanġelu, ħassejt li l-Mulej irid jgħidilna xi ħaġa dwar il-Knisja. Għalkemm il-Knisja (il-komunità ta’ Ġerusalemm) ma tissemmiex direttament fir-rakkont, inħoss li hemm referenza impliċita għaliha. Għandna tnejn min-nies li telqu mill-komunità ta’ Ġerusalemm, għajjenin pesta, b’madmad tqil fuqhom, delużi, fi kriżi spiritwali u soċjali. U ma jingħad xejn dwar il-Knisja-Omm f’Ġerusalemm! Kif jista’ jkun li l-Knisja ta’ Ġerusalemm ma tatx kas tagħhom? Possibbli l-komunità ta’ Ġerusalemm kienet tant aljenata li ma ntebħitx li kien hemm minn kien qed jabbandunaha? Kieku lil din il-Knisja ta’ Ġerusalemm Ġesù fdalha l-bxara t-tajba tal-Qawmien, imma allura din il-Knisja ma għarfitx li kellha problema ta’ komunikazzjoni, li l-lingwaġġ tagħha ma kienx jiftiehem? Possibbli din il-Knisja ma tindunax li fit-triq hemm min hu għajjien u qed jokrob għall-għajnuna? Possibbli din il-Knisja ma interessatx ruħha quddiem tnejn li kienu jitlewmu?

X’għamlet il-komunità ta’ Ġerusalemm? Ingħalqet fiċ-Ċenaklu biex tħares lilha nfisha, biex ma tiħux riskji, ma tittappanx, ma tiġix midruba. Biex mingħaliha ma titlef xejn, il-Knisja ngħalqet fis-sur. Kieku llum ngħidlek: ingħalqet fis-sagristija jew fis-santwarju!

Imnalla kien il-Mulej Ġesù għal dawn iż-żewġ persuni fi triqthom minn Ġerusalemm għal Għemmaws. Huwa jmur jiltaqa’ magħhom fit-triq, jakkumpanjahom, jismagħhom, ifarraġhom u jwasslilhom il-Bxara t-tajba.

Jistax ikun li f’dan il-mument tant għażiż għalik, Isqof Anton, u għall-Knisja tagħna, permezz ta’ dan ir-rakkont il-Mulej qed jgħidilna biex ma nkunux Knisja tas-sagristija – Knisja li tingħalaq fir-rubriki – imma nfittxu li nkunu dik li l-Papa Franġisku jħobb isejjaħ “Knisja li toħroġ”, Knisja li ma tibżax tieħu r-riskji, Knisja tat-triq li bħal Kristu toħroġ fit-toroq li jwasslu fil-periferiji eżistenzjali. Forsi xi ħadd josservalna li fit-triq hemm l-għabra u t-tajn u allura nistgħu nitħammġu, fit-triq nistgħu ntajru difrejna u nweġġgħu. Imma, kif jgħallimna l-Papa Franġisku, aħjar Knisja midruba milli Knisja magħluqa li bil-mod il-mod issir oġġett tal-arkeoloġija.

Ġesù qed jimbuttana biex inkunu Knisja li toħroġ biex taqsam il-Kelma mal-bnedmin. Forsi xi ħadd jistaqsini jekk f’din il-Gżira tat-Tliet Għoljiet neħtiġux Knisja missjunarja! Ċertament. Anki f’din il-gżira hemm bżonn ta’ Knisja missjunarja biex tagħmel dik li tissejjaħ “it-tieni tħabbira”, bħalma għamel Ġesù mad-dixxipli ta’ Għemmaws. Fil-fatt, dawn id-dixxipli kienu semgħu dwar Ġesù, tant li kienu jargumentaw bejniethom dwaru; imma minkejja li kellhom għarfien dwaru, kienu għadhom ma emmnux fih u fil-Kelma tiegħu. U kif ġieli tennejt drabi oħra, jien konvint din hi r-realtà tal-Insara tagħna – realtà li tmiss anki lilna li bħalissa qegħdin f’din ir-Rotunda madwar l-altar! Ma neskludi lil ħadd: ibda minni sal-aħħar wieħed! Ħafna minna għandhom ħjiel dwar Ġesù, forsi wkoll jirċievu s-sagramenti, imma mbagħad spiritwalment aħna sajmin daqs ċagħka. U ħajjitna għadha ma ddakkritx bi Kristu! Għaldaqstant din il-Knisja għandha bżonn tat-tieni tħabbira.

Dawn huma l-ftit ħsibijiet, għażiż ħija, li xtaqt naqsam miegħek illum, fiduċjuż li l-Ispirtu s-Santu huwa miegħek u ser jgħinek biex inti toħroġ u lilna toħroġna fit-triq u hekk ma tħalliniex nifgaw u nimmuffaw fl-irwejjaħ tagħna. Għaliex fit-triq aħna ser niltaqgħu mal-bniedem ferut. Niftakar kif tiftaħ il-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II Gaudium et spes: “Il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bniedem tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom” (1).

Kompli ħeġġiġna biex nibqgħu Knisja missjunarja. Niftakar fis-saċerdoti u r-reliġjużi wlied din il-Knisja li jinsabu fil-missjoni; niftakar fil-ġenerożità tal-poplu tagħna li malli jisimgħu bil-missjoni, qalbhom tixgħel kif xegħlet il-qalb tad-dixxipli ta’ Għemmaws. Imma hawn ukoll għandna bżonn l-azzjoni missjunarja – it-“tieni tħabbira” in loco.

Poplu ta’ Alla, din l-eżortazzjoni mhux qed nagħmilha biss lill-Isqof Anton li dalwaqt ser ngħaddilu t-tmun ta’ din id-djoċesi, imma nagħmilha wkoll lilkom presbiteri, reliġjużi, lajċi kkonsagrati u lajċi. Għax mhux biżżejjed li l-Isqof tagħna jagħmel ħiltu kollha biex jagħti direzzjoni ġdida lid-dgħajsa ta’ Pietru, għax aħna nistgħu nwaqqfuh. Inħeġġiġkom tikkoperaw miegħu biex bl-għajnuna ta’ Alla aħna nkunu Knisja li twieġeb għal żminijietna u ddewwaq it-tama Kristjana mhux biss lill-Insara imma lin-nazzjon kollu.