Mibnija fuq blata


Il-Ħadd, 23 ta’ Awwissu 2020: Omelija fil-Quddiesa tal-21 Ħadd tas-Sena mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Parroċċa tal-Lunzjata, Balzan.

Mibnija fuq blata

“Blata” hi xi ħaġa soda, li tista’ sserraħ fuqha, li ma ċċedix għall-pressjoni. Fl-Iskrittura nsibu li Alla jissejjaħ blata: “Il-Mulej hu l-blata tiegħi” (ara Salmi 17 u 61). Miegħu nafu li qegħdin fis-sod.

Għalhekk, tinstema’ ħafna stramba meta Ġesù lil Pietru jgħidlu “Inti Pietru u fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi…” Tinstema’ stramba għax meta qed ikellem lil Pietru, qed ikellem lil xi ħadd li jekk kien kollox, ma kienx blata. Kien bniedem li jħobb, bniedem ta’ inizjattiva, lest li jagħti qalbu, f’mumenti minnhom fil-ħajja ta’ Ġesù huwa hu li jieħu azzjoni; imma ma tistax issejjaħlu blata, għax proprju fil-mument tal-Passjoni hu ċeda taħt il-pressjoni u ċaħad lil Ġesù.

Għaliex Ġesù lilu jgħid: “Inti Pietru u fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi…”? Insemmi tliet punti li joħorġu minn dan ir-rakkont li juru wkoll il-messaġġ li jrid jagħtina Ġesù.

L-ewwel nett Ġesù jurina li l-Knisja hija mibnija fuq is-sod. Fil-fatt, tolqtok f’dan l-Evanġelju kif Ġesù, meta jgħid lil Pietru “Inti Pietru, u fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi”, jgħid hekk wara li Pietru jagħmel dik l-istqarrija sabiħa “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj”. Għalhekk li qed jgħid Ġesù hu li l-Knisja sserraħ mhux fuq il-kapaċitajiet u fuq il-kwalitajiet tal-bnedmin li jiffurmawha jew dawk li jmexxuha, imma fuq il-qawwa ta’ Alla. Hu meta qallu “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” li Ġesù qallu “fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi” – hi l-fidi tiegħu li hi l-blata, il-fidi tiegħu fi Kristu ħaj. Huwa minn Kristu li l-aħna nirċievu l-qawwa. Il-Knisja kontinwament tirċievi l-qawwa mingħand Alla. Dik li tagħmel tassew Knisja fis-sod, mhijiex kemm huma kapaċi l-bnedmin li jiffurmawha, imma kemm ikunu miftuħin għall-qawwa ta’ Alla.

It-tieni, sa mill-bidu Ġesù wriena li l-Knisja hi ffurmata minn nies midinbin li huma salvati minn Kristu. Tolqtok kif Ġesù għażel lil Pietru biex imexxi l-Knisja, dak il-bniedem li kellu jiċħdu għal tliet darbiet. Imma anke jekk tħares lejn sħabu – hu ċaħdu, ħaddieħor ittradih, u ħafna mill-appostli ħarbu fil-mument tal-prova. Safrattant Ġesù lilu għażel, lilhom għażel fit-tmexxija tal-Knisja, biex jurina li f’kull żmien il-Knisja hi hekk – qaddisa imma ffurmata minn midinbin. Xi kultant ikun hemm min jiżbalja bil-kbir, imma hekk kienet mill-bidu nett fin-nies li għażel Ġesù u hekk tibqa’. Dan mhux biex nikkunslaw imma biex dejjem inżommu għajnejna miftuħin. Meta Ġesù semma “is-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” kien qed jgħid li l-Knisja qalb id-diffikultajiet kollha fis-soċjetà tibqa’ miexja ’l quddiem bil-qawwa ta’ Alla. Imma “s-setgħat tal-infern” mhumiex biss dak li l-Knisja ssib ’il barra minnha, imma kultant anke fiha stess. Għalhekk “is-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” tfisser li l-iżbalji kollha li l-bnedmin li jiffurmawha jagħmlu ma jġibux il-Knisja fix-xejn, għaliex Alla kontinwament jippurifika lill-Knisja, isaffiha, biex tista’ tkun tassew dik li għandha tkun: il-komunità tal-poplu ta’ Alla.

It-tielet, lil Pietru, Ġesù jgħidlu: “jien nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet”. X’jiġifieri? Nifhmu dan meta niftakru li l-bliet kien ikollhom bieb wieħed kbir, li minnu tista’ tidħol, b’muftieħ kbir biex tista’ tiftaħ il-bieb ħalli tidħol. Ġesù qed jagħti l-awtorità lil Pietru u s-suċċessuri tiegħu, biex ikunu jistgħu jmexxu l-poplu ta’ Alla u jdaħħluh fis-saltna ta’ Alla, speċjalment permezz tat-tagħlim tal-Knisja. Hi grazzja li tana Alla li jkun jista’ jmexxina u jurina tassew it-triq it-tajba, jurina kif nidħlu fis-saltna tiegħu u ngħixu l-valuri tas-saltna ta’ Alla. Għalhekk meta nħarsu lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru, ma narawx lil xi ħadd b’saħħa fiżika partikulari, ma narawx xi ħadd b’xi qawwa li tidher minn barra, imma naraw lil xi ħadd b’qawwa morali tat-tagħlim li jwassal biex jgħinna ngħixu l-valuri tas-saltna ta’ Alla.

Illum f’din il-quddiesa nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem ngħożżu l-Knisja kif waqqafha hu, u nagħtu sehemna bħala membri ħajjin tal-Knisja. Nitolbu lill-Mulej biex dejjem jippurifikana ħalli x-xhieda tagħna tkun dik li twassal lilu lill-bnedmin. Nitolbu b’mod speċjali ghal Papa Franġisku, suċċessur ta’ San Pietru, biex ikun jista’ bil-qawwa ta’ Alla jmexxi l-poplu tiegħu bil-ħeġġa, bl-entużjażmu u bil-ġenerożità u jaqdi l-missjoni tiegħu fil-ħajja llum.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.