Il-Knisja f’Għawdex trodd ħajr għall-ministeru episkopali tal-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

Il-Knisja f’Għawdex ilbieraħ (il-Ħamis 27 ta’ Awwissu 2020) raddet ħajr lil Alla għall-ħmistax-il sena tal-ministeru tal-E.T. Mons. Mario Grech bħala Isqof ta’ Għawdex. Huwa kien ġie kkonsagrat minn idejn il-predeċessur tiegħu l-mibki Nikol Ġ. Cauchi fit-22 ta’ Jannar 2006. F’Ottubru li għadda l-Papa Franġisku sejjaħlu biex ikun is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma, uffiċċju li Mons. Grech issa jidħol fih uffiċjalment mill-bidu ta’ Settembru.

Fil-Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Radd il-Ħajr, li nżammet fir-Rotunda Parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, ħadu sehem ukoll l-Isqfijiet Anton Teuma ta’ Għawdex, Charles J. Scicluna ta’ Malta u Carmel Zammit ta’ Ġibiltà, u n-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico, waqt li fuq quddiem tal-miġemgħa kienu preżenti l-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta, u s-sinjura tiegħu. Il-ġurnata ta’ qabel, Mons. Grech mar jagħmel żjara wkoll fid-Dar tal-Kleru, Birkirkara, lil Mons. Pawlu Cremona OP, Arċisqof emeritu ta’ Malta, u li miegħu qasam l-ewwel snin tal-episkopat.

Fil-bidu tal-quddiesa, l-Isqof Grech talab maħfra lil kull min seta’ naqas, imma qal li dan qatt m’għamlu bi skop li jweġġa’ lil xi ħadd.

Imebbaħ mis-silta mill-Vanġelu ta’ Mattew (24:42-51) imħabbra fil-Liturġija tal-Kelma tal-ġurnata, fejn Ġesù jsejjaħ hieni lill-“qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru”, fl-omelija tiegħu l-Isqof Grech tkellem dwar il-fedeltà lejn Kristu u l-kelma tiegħu, li hu pprova jwettaq bħala l-missjoni tiegħu fit-tmun tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Fi kliemu, il-fedeltà vera tikkonsisti f’li l-Knisja twieġeb għas-sinjali taż-żminijiet, tinfetaħ u ‘tinbidel’ skont iċ-ċirkustanzi storiċi u soċjali tal-mument. Dan jitlob dixxerniment mill-Knisja kollha flimkien, u d-deċiżjonijiet li jittieħdu mhux dejjem ħa jogħġbu lil kulħadd, sew fi ħdanha u sew barra minnha.

Imdawwal mis-silta tal-Atti tal-Appostli mħabbra fl-Ewwel Qari, li tirrakkonta l-għażla tas-seba’ djakni biex jaqdu fl-imwejjed (6:1-7), l-Isqof Grech tkellem dwar l-attenzjoni li fi żmien l-episkopat tiegħu l-Knisja lokali ppruvat tagħti lill-foqra u lil dawk fil-periferija, mhux b’assistenzjaliżmu imma b’inizjattivi ta’ djakonija u karità, xi wħud li l-istrutturi tagħhom ġa kienu jeżistu u komplew jissaħħu, waqt li r-riforma amministrattiva firxet is-sodda għal oħrajn ġodda.

Semma l-katekeżi bħala waħda mill-pilastri tal-ministeru tiegħu, speċjalment fejn jidħlu l-familji… u hawn irrefera għall-istruttura li ħoloq Dun Anton Teuma, issa s-suċċessur tiegħu bħala Isqof, biex takkumpanja lill-koppji, anki dawk iddivorzjati jew fit-tieni relazzjoni. Irrimarka li l-applikazzjoni tal-Kapitlu 8 tal-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia flimkien mal-Arċisqof Scicluna kienet wieħed mill-passi li swewlhom prezz għoli, imma saret fil-linja mhux biss tat-tagħlim tal-Papa imma wkoll tal-fedeltà għall-Vanġelu.

It-tema tal-immigrazzjoni wkoll kienet għal qalb Mons. Grech, u fakkar kif f’waħda mill-kriżijiet riċenti hu u l-Arċisqof Scicluna kienu offrew li jilqgħu lil grupp ta’ immigranti fi proprjetajiet tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex biex ma jitħallewx bejn sema u ilma.

F’mument li fih qalbu għandha tkun imnikkta għal qed iħalli l-Knisja li tant ħabb, l-Isqof Mario qal li fil-fatt jinsab ferħan li qed jitlaq it-tmun tad-dgħajsa f’idejn ragħaj ġdid skont il-qalb ta’ Alla u li hu mħejji sewwa biex imexxiha. Hu mhux biss sellem lill-Isqof Anton, li iktar minn darba sejjaħlu l-“Isqof tiegħi”, imma wkoll il-memorja għażiża tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi li kien ikkonsagrah ħmistax-il sena ilu u li ħalla wirt spiritwali prezzjuż lid-Djoċesi.

Wara t-tqarbin, l-Isqof Grech mar quddiem xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu jinċensaha, waqt li t-tfajjel Laurent Jack Bishop kanta l-Ave Maria ta’ Gounod. Tul l-episkopat tiegħu, Mons. Grech ħabrek kemm felaħ biex ikattar id-devozzjoni lejha, u fil-fatt sentejn ilu sejjaħ ukoll Sena Marjana biex iqiegħed il-poplu Għawdxi taħt il-mant tagħha.

F’messaġġ ta’ ringrazzjament f’isem il-kleru kollu Għawdxi, li rappreżentanza sabiħa tiegħu kienet preżenti għall-quddiesa, Mons. Tarċis Camilleri, Vigarju Ġenerali, sellem lil Mons. Grech li sejjaħlu “vulkan ta’ ideat u ta’ proposti”, u li ġedded il-Knisja f’Għawdex skont l-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II u għenha tinfetaħ għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu, biex tkun iżjed mistika u missjunarja, u għalhekk timxi fit-triq tal-evanġelizzazzjoni li qed jindikalha l-Papa Franġisku. Mhux kollox kien perfett, qal Mons. Camilleri, imma, għax f’għaqda ma’ Kristu r-Ragħaj, Mons. Grech għen lill-Knisja lokali timmatura waqt li hu stess kiber magħha.

Huwa awguralu fil-missjoni li fdalu l-Papa, u fl-aħħar tal-messaġġ, Mons. Pawlu Cardona, Vigarju Episkopali għall-Kleru, ippreżentalu f’isem il-kleru rigal ta’ stained-glass maħdum fuq disinn oriġinali u realizzazzjoni artiġjanali ta’ Barbara Ferabecoli tal-Febart-Line Studio di Progettazione d’Arte Monumentale ta’ Ruma, li jirrappreżenta l-Knisja Sinodali fix-xbihat ta’ Kristu li mexa mad-dixxipli tagħhom u qasam magħhom il-Ħobż – il-motto tiegħu In Fractione Panis.

Bħala tifkira tal-okkażjoni, il-mistednin, fosthom rappreżentanti minn kull qasam tad-Djoċesi u minn Knejjes oħra, ingħataw kopja bil-Malti tal-Evangelii gaudium, l-ewwel Eżortazzjoni tal-Papa Franġisku, li fi kliem Mons. Grech mhix sempliċi ktieb, imma l-“magna carta” tal-Papa attwali.

Il-quddiesa kienet animata bil-kant mill-Cappella Sanctæ Mariæ Assumptæ tal-Katidral ta’ Għawdex, taħt id-direzzjoni tas-Surmast tagħha Mro Carmel P. Grech, li huwa wkoll ħu l-Isqof Grech, akkumpanjati fuq l-orgni maestuż tar-Rotunda mill-organista ċelebri Ingliż Wayne Marshall. Huma esegwew il-Messa in Sol Maggiore op. 336 ta’ J.L. Battmann.

Net TV u Xejk TV it-tnejn taw xandira diretta tal-quddiesa.

Il-mument li jmiss fil-programm tal-Inawgurazzjoni Uffiċjali tal-Ministeru Episkopali ta’ Dun Anton Teuma sa jkun l-Ingress Solenni tiegħu fil-Katidral ta’ Għawdex, fis-16 ta’ Settembru, fis-6.30pm.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading